Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #14530 Sitting 258 2000-03-07 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Safar - Fotografu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba tqabbad fotografu barrani biex jieħu ritratti neċessarji waqt żjajjar li għamel barra minn Malta? Kemm ġew imħallsa flus fuq xogħol bħal dan is-sena l-oħra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Matul is-sena 1999, kien hemm għaxar darbiet li fihom ġie mqabbad fotografu biex jieħu ritratti neċessarji waqt żjajjar tal-Prim Ministru barra minn Malta. Il-photographic fees li tħallsu lill-fotografu kienu jammontaw għal Lm1815. Inżid ngħid li din il-prattika bdiet f'Novembru 1996. Mal-bidla fil-Gvern f'Settembru 1998 l-Assistenti Personali ta' l-ex Prim Ministru ta' l-parir lill-Assistent Personali tiegħi biex din il-prattika titkompla.
Leg 9 PQ #14471 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diretturi — Passi dixxiplinari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm diretturi tad-dipartimenti li fl-1999 bdew jittieħdu passi dixxiplinarji kontrihom? Taħt liema ministeri jaqgħu? F'kull każ il-ministru konċernat kienx avżat qabel ma ħareġ iċ-charge? Jista' l-Prim Ministru jgħid li qabel ma bdew jittieħdu dawn il-passi dixxiplinarji kienx hemm investigazzjonijiet preliminari serji?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul l-1999 kien hemm każ wieħed ta' Direttur li nbdew proċeduri dixxiplinarji kontrih. Dwar il-każ ma jidhirlix li għandi nagħti aktar dettalji qabel ma jiġu konklużi l-proċeduri ta' dixxiplina. Il-passi li jittieħdu jridu jkunu skond ir-Regolamenti tad-Dixxiplina tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #14473 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MSU — Eżerċizzju

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħallas il-gvern għall-eżerċizju MSU fis-settur pubbliku? Kien hemm xi forma ta' kejl tal-effiċjenza qabel sar l-eżerċizzju? Ġiet stabbilita "yardstick" fil-proċess ta' l-eżerċizju? Jekk fil-fatt tkejlitx l-effiċjenza u kemm hi bħal issa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Id-domanda ta' l-Onorevoli Nterpellant ma hix ċara. B'dana kollu nista ngħid li l-proċess ta' riforma fis-servizz pubbliku li nbeda taħt il-Gvern tiegħi għaxar snin ilu bidel is-servizz pubbliku b'mod radikali bis-saħħa ta' l-introduzzjoni tat-teknoloġija ta' l-informatika fid-dipartimenti tal-Gvern, b'mod partikolari fid-dipartimenti l-ġodda bħal VAT Office u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali. It-titjib fl-effiċjenza jitqies biż-żieda fin-numru u livell ta' kwalit ta' servizzi li d-dipartimenti qed joffru lill-pubbliku, bl-implementazzjoni ta' Quality Service Charters kif ukoll servizz li jingħata lill-pubbliku anki minn ġo daru permezz ta' computers jew permezz tal-posta biex titnaqqas l-inkonvenjenza għall-pubbliku.
Leg 9 PQ #14496 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Diretturi/Aġenti Diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista kompluta tad-diretturi u aġenti diretturi, skond il-grad tagħhom, li kienu responsabbli minn xi dipartiment fl-1998? Jista' jgħidilna kemm minn dawn id-diretturi, skond il-grad, ma ssottomettewx rapport biex jiġi ppubblikat fl-"Annual reports of Government departments" li ġie ppubblikat dan l-aħħar? Għaliex ġara dan?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' dawk l-uffiċjali li kienu jokkupaw il-kariga ta' Direttur fl-aħħar tas-sena 1998. Din il-lista tinkludi postijiet li kienu vakanti f'Diċembru 1998 u li kienu temporanjament okkupati minn Agenti Diretturi li l-ħatra tagħhom dehret fil-Gazzetta tal-Gvern. Fil-pubblikazzjoni Annual Reports of Government Departments, normalment jiġu nklużi rapporti ta' dipartimenti li jipprovdu servizzi għall-pubbliku jew għal dipartimenti oħra tal-Gvern. Kif jidher mill-indiċi tal-ħarġa ta' l-1998 ta' din il-pubblikazzjoni, dawk id-dipartimenti li joffru servizzi speċifiċi, li minnhom hemm il fuq minn sittin wieħed, kollha ssottomettew rapport dwar l-attivitajiet tagħhom.
Leg 9 PQ #14497 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Diretturi

Question

Jista'l-Prim Ministru jikkonferma jekk hux veru li applikanti biex jimlew il-post/ijiet ta' direttur f'Għawdex u anke f'Malta kienu se jitħallew barra u ma jibgħatux għalihom għall-intervista biex b'hekk jinqalgħu barra ħelu, ħelu? Jista'jikkonferma li mbagħad bagħtu għalihom wara li ntervjena hu stess għax irċieva xi rapport? Jista' l-Prim Ministru jiggarantixxi li mil-lum 'il quddiem kull applikant eliġibbli għall-intervista biex jimtela post vakanti ta' direttur jibgħatu għalih u hekk ma jkun hemm ħadd li jiddeċiedi minn qabel li għandu jinqala' barra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li mhux kull min japplika għal post ta' Direttur jissejjah għhal intervista. Madanakollu l-fatt li applikant ma jissejjaħx għal intervista ma jfissirx li dan ikun tħalla barra minn konsiderazzjoni għall-post li jkun applika għalih. Is-Senior Appointments Advisory Committee jagħmel short listing ta' l-applikanti u, fejn jinħass neċessarju, issir intervista. Mhux minnu li jiena ntervenejt kif hemm fit-tieni mistoqsija.
Leg 9 PQ #14498 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — Segretarji permanenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhija l-proċedura preżenti biex jinħatru s-segretarji permanenti? Jista' jgħid ukoll jekk il-kap taċ-Ċivil li jmiss isir hux se jinħatar bl-anzjanita' jew inkella xorta oħra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-Segretarji Permanenti inkluż il-Kap taċ-Ċivil isiru skond il-provvedimenti tal-Kostituzzjoni ta' Malta.
Leg 9 PQ #14499 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Estacode

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru emendi għall-Estacode matul is-sena 1999? Liema kienu? Jista' jgħid liema emendi hemm proposti għall-futur immedjat u jekk hux se jsiru diskussjonijiet ma' l-unions qabel ma dawn l-emendi jiġu effetwati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi fl-1999 ma sarux emendi fl-Estacode. Kull tibdil li jsir fil-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' l-impjegati tal-Gvern isir permezz ta' ċirkolarijiet uffiċjali li wara jiġu nkorporati fl-Estacode. Hija l-prattika li jsiru diskussjonijiet ma l-Unions qabel ma jkunu se jiġu introdotti xi bidliet fil-kundizzjonijiet tax-xogħol għall-impjegati tal-Gvern.
Leg 9 PQ #14538 Sitting 256 2000-03-06 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Batrol boats

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont tan-numru ta' searches li l-patrol boats tal-Forzi Armati għamlu f'dawn l-aħħar sentejn fuq laneċ tas-sajd jew bastimenti tas-sajd reġistrati Malta meta dawn kienu barra għas-sajd u ġew mġiegħla jerġgħu jidħlu l-port f'Malta akkumpanjati mill-Forzi Armati? Minn dawn is-searches, kemm irriżultaw fil-pożittiv? Liema kienu l-bastimenti li fuqhom saru s-searches?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

In-numru ta' tfittxijiet li l-Patrol Boats tal-Forzi Armati ta' Malta għamlu f'dawn l-aħħar sentejn fuq laneċ tas-sajd jew bastimenti tas-sajd reġistrati f'Malta meta dawn kienu barra għas-sajd u ġew imġiela jidħlu l-Port f'Malta akkumpanjati mill-Forzi Armati jammonta għal sitta, kif jidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #14096 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Vacation leave

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid jekk hux veru li f'Għawdex introduċew policy ġdida dwar l-accumulation of vacation leave minn sena għall-oħra u differenti minn dik ta' Malta? Jekk fl-affermattiv, min ippropona din il-policy u bl-awtorita' ta' min? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dawn l-affarijiet ġewx diskussi ma' l-unions konċernati? Kemm hemm f'Għawdex każi fejn l-accumulation of leave għadu ma ġiex approvat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma jirriżultalix li hemm xi policy ġdida dwar accumulation of leave f'Ghawdex. Dwar kemm ma ġewx approvati talbiet għal accumulation of leave nistieden l-Onorevoli Membru jagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #14136 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 13982?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar. Ninforma wkoll lill-Onorevoli Nterpellant li biex tinġabar din l-informazzjoni irid isir eżerċizzju li jieħu numru kbir ta'sigħat biex jitlesta. Biex jiġi stabbilit kull ngaġġ ġdid bejn is-snin 1988 u 1996 jridu jiġu nvestigati l-files ta' kull min inħatar biex jiġi stabbilit jekk kienx diġa mpjegat mal-Gvern jew le. Informazzjoni dwar impjegati mal-Gvern mill-1997 'l hawn tittieħed mis-sistema kompjuteriżżata magħrufa bħala HRIMS (Human Resources Information Management System) li kien introduċa l-Gvern tiegħi.
Leg 9 PQ #14291 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarju Permanenti — Performance bonus

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, kemm ħa performance bonus is-segretarju permanenti fil-Ministeru ta' Għawdex minn mindu nħatar sal-lum sena b'sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mhix il-prattika u lanqas ma jidhirli li hi etika li tingħata l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #14309 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni wara d-deċiżjoni sabiex bħala relievers, jintgħażlu dejjem il-persuni li isimhom qed jintbagħat separatament? Jista' jgħid xi kwalifiki speċjali dawn l-individwi għandhom fuq membri oħra ta' l-AFM?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-persuni msemmija, huma parti mill-grupp li jkunu għall-lest biex jidħlu bħala relievers fuq għassa. Fl-Armata, dejjem kienet il-policy li tiddentifika grupp ta' suldati li jkunu mħarrġa u kunsidrati tajbin biex jagħmlu dan ix-xogħol f'post partikulari.
Leg 9 PQ #14333 Sitting 250 2000-02-28 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja — Ċeramika blu

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sar minnu ċ-ċeramika blu l-majolica vaults li snin ilu kellu jkun għal wiri fil-kantina ta' Kastilja? Fejn jinsab bħalissa? Kemm-il biċċa nsibu minn din iċ-ċeramika?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nifhem li l-Onorevoli Nterpellant qed tirreferi għall-kollezzjoni ta' 'l fuq minn 550 oġġett taċ-ċeramika tat-tip Majolica. L-inventarju ta' din il-kollezzjoni jinżamm mid-Dipartiment tal-Mużewijiet. Għaldaqstant nitlob lill-Onorevoli Nterpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #13416 Sitting 248 2000-02-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Care takers

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 13008 imwieġba fi Seduta Nru. 225 fl-24/01/2000 billi fit-tweġiba intqal li: "Il-fatt li l-politiċi ma jistgħux jagħmluha ta' referees tidher li hija politika tal-Public Service Commission u l-Management and Personnel Office ..." - (f'dan il-każ skond il-Gazzetta tal-Gvern tal-Ġimgħa 7 ta' Jannar, 2000 f'paġna 74, fejn intqal li: "Politikanti ... ma jistgħux jagħmluha bħala referees" għal postijiet ta' care workers fid-Dipartiment tal-Ħarsien ta' l-Anzjani), jaħseb il-Prim Ministru li l-fatt innifsu li l-politiċi, inkluż membri parlamentari, ma jistgħux jagħmlulha ta' referees, timplika nuqqas ta' fiduċja fil-klassi politika Maltija u/jew li m'humiex responsabbli biżżejjed biex jagħmluha ta' referees, meta l-istess membri parlamentari jistgħu jagħmluha ta' referees f'diversi applikazzjonijiet oħra ta' xogħol u jistgħu jiffirmaw ukoll ritratti ta' applikanti biex jikkonfermaw li dak ikun ritratt awtentiku tal-persuna konċernata? Ladarba l-membri parlamentari jistgħu jiffirmaw applikazzjonijiet uffiċjali bħal dawk tal-passaport, għaliex f'dan il-każ inħasset il-ħtieġa li fil-Gazzetta uffiċjali tal-Gvern jingħad li l-politikanti ma jistgħux jagħmlu ta' referees? Il-Prim Ministru jaħseb li l-Public Service Commission u l-Management and Personnel Office għandhom juru aktar rispett lejn ir-rappreżentanti tal-poplu Malti u Għawdxi u billi klawsoli bħal dawn jiġu evitati fil-futur? Possibbli li l-PSC u l-MPO jinnotaw ukoll dak li ntqal ukoll fil-mistoqsija parlamentari numru 13008 li l-kelma adatta hi: "Politiċi" u mhux "Politikanti"?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-klawsola li qed jirreferi għliha l-Onorevoli Membru ntużat ukoll f'sejħiet oħrajn simili fil-passat; darbtejn għall-post ta' Care Worker (fl-1991 u fl-1996) u darba għall-post ta' Casual Care Worker (fl-1991). Nassigura lill-Onorevoli Membru li din il-klawsola ma saritx b'xi disprezz lejn il-klassi politika imma iktar bl-iskop li l-proċess kollu ta' l-għażla jkun trasparenti kemm jista' jkun u ħieles minn kull influwenza politika partiġġjana. It-talba għall-referees saret minħabba li x-xogħol ta' Care Worker huwa wieħed delikat u fejn, min jiġi magħzul, ikun mistenni li jidħol fi djar privati, ġeneralment ta' anzjani. Fl-aħħarnett, naqbel perfettament ma' l-Onorevoli Membru li l-kelma addattata hija Politiċi u mhux Politikanti. Qed nagħti struzzjonijiet biex, mill-lum il hemm, tintuża l-kelma korretta fil-verżjoni Maltija.
Leg 9 PQ #12564 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Ħaddiema ġodda

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda maċ-Ċivil mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi bejn is-16 ta' Settembru 1999 u l-4 ta' Jannar 2000 daħlu 470 impjegat ġdid fis-Servizz Pubbliku. Dawn daħlu kollha wara sejħa għall-applikazzjonijiet. Ta' min jgħid illi minn dan it-total, 252 huma Instructors/Instructresses li qabel kienu jaħdmu part-time, u 138 huma Kindergarten Assistants li qabel kienu fuq bażi temporanja.
Leg 9 PQ #14086 Sitting 247 2000-02-22 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Allowances

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid kemm ilhom ma jiġu riveduti l-allowances fl-Armata? Hemm xi ħsieb li jiġu introdotti skemi ta' għajnuna jew sussidju bħala inċentiv għal studji akkademiċi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-allowances fl-Armata kienu riveduti f'Gunju 1993. Ninsab infurmat li diġa tlesta studju ta' reviżjoni oħra ta' l-allowances li bħalissa qed jiġi kkunsidrat fl-Armata. Għalkemm ma hemm ebda ħsieb li jiġu ntrodotti skemi ta' għajnuna jew sussidju bħal inċentivi diretti għal studji akkademiċi, l-Armata torganiżża korsijiet li jwasslu lis-suldati għall-kwalifika ta' l-Army Certificate of Education kif ukoll korsijiet bħala tħejjija għall-Promotion Examinations tal-fizzjali.
Leg 9 PQ #13972 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Segretarji Permanenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu dawk li kienu qed iservu bħala Segretarji Permanenti f'Settembru 1998, ministeru, ministeru min minnhom ġie mibdul, min huma dawk li qed iservu llum, ministeru, ministeru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ listi li juru ministeru ministeru, l-Uffiċjali Pubbliċi li kienu qed iservu bħala Segretarji Permanenti fl-1 ta' Settembru 1998, u dawk li hemm fil-preżent. Mill-lista ta' l-1 ta' Settembru 1998, is-Sinjuri Frederick Fearne u Godfrey Demarco irtiraw bl-eta' u s-Sur Alfred Fiorini Lowell inħatar Segretarju tal-Kabinett. Is-Sur Joe R Grima ġie irtirat mill-Amministrazzjoni preċedenti minn Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru u floku kien inħatar is-Sur Anthony Mangion. Jiena erġajt ħtart is-Sur Joe R Grima, Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi. Is-Sur Anthony Mangion irritorna fil-Ministeru tat-Trasport u Kommunikazzjoni u, fuq talba tiegħu, wara fil-Malta Maritime Authority.
Leg 9 PQ #14047 Sitting 246 2000-02-22 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Visti mit-tobba

Question

Wara li ġiet riveduta l-iskema ta' visti mit-tobba għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku li jkunu ma jifilħux, jista' l-Prim Ministru jinforma kemm u min huma t-tobba li ġew ingaġġati għal dan l-inkarigu fid-dekasteru li jaqa' taħtu? Jista' jgħid kemm qed jitħallsu t-tobba konċernati għal kull żjara? Jekk hemm xi forma ta' kuntratt bejn il-ministeru t-tobba, jista' jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid kemm-il vista/żjara għamlu għand il-ħaddiema sa l-aħħar ta' Jannar 2000?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-arranġamenti dwar l-iskema riveduta ta' viżti mit-tobba għall-impjegati fis-Servizz Pubbliku li jkunu ma jifilħux, għad ma kienx hemm bżonn li jiġu ntrodotti fid-dikasteru tiegħi.
Leg 9 PQ #13982 Sitting 245 2000-02-21 Oral · Interim From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Settur Pubbliku — Impjegati

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati ħaddiema/impjegati mal-gvern u ma' l-entitajiet pubbliċi mill-1988 sa l-1999? Jista' jindika l-ingaġġ relattiv f'kull korporazzjoni f'kull sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni qiegħda tinġabar, u risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Kummissjoni ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Question

Jista' l-Prim Ministru jindaga għalfejn għadha ma ngħatatx sentenza fuq rapport li kien sar mill-Kummissjoni ta' l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja fil-21 ta' Ottubru, 1997 (Ref. KAG/Comp 51/97) wara li x-xhieda kollha spiċċat fit-8 ta' April, 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant, illi l-Att XI tal-1994 jirregola l-proċeduri tal-Kummissjoni, u l-Artikolu 7 ta' l-istess Att, jipprovdi li dawn jinżammu in camera.