Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #15035 Sitting 273 2000-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni Elettorali

Question

B'riferenza għall-elezzjonijiet tal-11 ta' Marzu, tista' l-Kummissjoni Elettorali tagħti dettalji u dan lokalita' b'lokalita', dwar kemm-il persuna ngħatat il-ġurament għaliex, għal xi raġuni, ma setgħetx tivvota?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

In-numru ta' votanti lokalita b'lokalita, li ħadu ġurament/dikjarazzjoni solenni u talbu l-għajnuna ta' l-Assistenti Kummissjonarji Elettorali għax għal xi raġuni ma setgħux jivvotaw, kien kif muri fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #13352 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min għandu aċċess u permess li jsuq u juża l-karozzi uffiċjali tal-ministeru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Membru għad-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra f'seduta 124 fis-16 ta' Ġunju 1999.
Leg 9 PQ #14980 Sitting 271 2000-03-27 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MPO — Diskussjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-Management and Personnel Office u l-unions dwar il-ftehim kollettiv ġdid għal grad klerikali (general service grades)?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi d-diskussjonijiet li qegħdin isiru bejn il-Management and Personnel Office u l-Unions dwar il-gradi klerikali m'humiex fuq ftehim kollettiv ġdid. Dawn id-diskussjonijiet qegħdin isiru fil-qafas ta' eżerċizzju korrettiv kif provdut fil-Ftehim Kollettiv għall-Impjegati tas-Servizz Pubbliku ffirmat f'Diċembru 1998. Dawn id-diskussjonijiet waslu fi stadju avvanżat.
Leg 9 PQ #13338 Sitting 269 2000-03-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Karozzi mixtrija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'l hawn kienx hemm xi karozzi mikrija lill-ministeru jew xi entita' oħra li taqa'taħt id-dekasteru tiegħu, jew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, jew proprjeta' tal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa'taħt id-dekasteru tiegħu, li qed jintużaw minn individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid: (1) minn min qed jintużaw; (2) minn meta bdew jintużaw; (3) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (4) kemm swew fi flus Maltin; (5) xi kriterji ntużaw biex qed jintużaw minn min qed jintużaw?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fil-każ ta' membri tas-Segretarjati ta' Ministri u Segretarji Parlamentari l-kriterji dwar użu ta' karozzi uffiċjali huma mniżżla fid-dokument Engagement of Staff for Private Secretariats li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra. Fil-każ ta' uffiċjali oħra fid-dekasteru tiegħi li għandhom ftehim jew kuntratt, l-użu huwa regolat minn tali ftehim jew kuntratt. Il-karozzi uffiċjali kollha l-oħra għandhom jintużaw minn min għandu l-permess jagħmel dan. Jekk l-Onorevoli Nterpellant għandu xi każ f'moħħu li huwa jidhirlu li jien għandi nkun naf bih, nitolbu jagħtini l-informazzjoni relevanti.
Leg 9 PQ #15021 Sitting 268 2000-03-21 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Fishing Trawlers

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 14750, li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u li issa ġiet riferuta lilek u cioe: jista' jgħid mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-5 ta' Marzu, 2000 kemm saru searches mill-AFM fuq fishing trawlers li joħorġu u jsorġu f'Xatt ir-Risq? Kemm-il search saret? Fuq liema lanċa saret, meta saret u x'ħin saret? F'kull każ kemm kienet 'il barra l-lanċa meta ntalbet biex terġa' tidħol 'il ġewwa? X'instab f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li bejn is-7 ta' Jannar 1998 u 17 ta' Frar 1998 saru seba tfittxijiet fuq laneċ tas-sajd mill-Patrol Boats tal-Forzi Armati kif muri fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Rigward tfittxijiet li saru wara s-17 ta' Frar 1998 sal-5 ta' Marzu 2000 nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 14538 f'seduta 256. Jekk dawn il-laneċ tas-sajd ħarġux minn jew kienux sorġuti f'Xatt ir-Risq nitlob lill-Onorevoli Nterpellant jagħmel mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #13324 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Karozzi mixtrija

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn kienx hawn xi karozzi li ġew mixtrija mill-ministeru jew minn xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu, li ġew mogħtija b'donazzjoni lil individwi li m'humiex uffiċjali jew impjegati mal-ministeru jew xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru jgħid: (a) lil min ingħataw; (b) x'marka huma l-karozzi u meta nxtraw; (ċ) kemm swew fi flus Maltin; u (d) xi kriterji ntużaw biex dawn l-individwi ngħataw din il-karozza?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

M'hiex il-prassi ta' dan il-Gvern li jagħti karozzi bħala donazzjonjiet, la lill-uffiċjali tiegħu u lanqas lil dawk li m'humiex.
Leg 9 PQ #14762 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Investigazzjoni għall-Inġustizzji — Ittra

Question

Peress li fis-6 ta' Ġunju, 1997 grupp ta' teachers kienu ġew informati permezz ta' ittra mill-uffiċċju tal-Prim Ministru li d-deċiżjoni tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji tat-2 ta' Novembru, 1992 kienet se tiġi mplimentata, jista' jgħidilna l-Prim Ministru għaliex għadha ma ġietx implimentata u meta se tiġi implimentata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzji li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Nterpellant ġew implimentati u l-persuni nvoluti tħallsu bejniethom is-somma globali ta' Lm6539.57c.
Leg 9 PQ #14931 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Billi għad m'għandniex staff list aġġornata ta' l-impjegati tal-gvern, jista' l-Prim Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm diretturi skala 3, diretturi skala 4, diretturi skala 5, assistenti diretturi, uffiċjali fi skala 5, senior principals u principals, skond l-iskala tagħhom fis-Servizz Ġenerali tal-gvern? Jista' jgħid ukoll f'liema gradi hemm iżjed mill-complement, u f'liema inqas?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-complement fil-gradi jew skali kif qed jitlob l-Onorevoli Nterpellant. Il-complements jinbidlu kontinwament skond l-esigenzi tas-Servizz u għalhekk mhux possibbli tingħata tweġiba għall-aħħar parti tal-mistoqsija.
Leg 9 PQ #14932 Sitting 266 2000-03-20 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Billi għad m'għandniex staff list aġġornata ta' l-impjegati tal-gvern, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent assistenti prinċipali, uffiċjali eżekuttivi u skrivani (clerks) fis-Servizz Ġenerali tal-gvern skond kull grad? Jista' jgħid ukoll f'liema gradi hemm iżjed mill-complement, u f'liema inqas?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fil-preżent, fis-Servizz Pubbliku, hemm 531 Assistenti Prinċipali, 537 Uffiċjali Eżekuttivi u 1763 Skrivani. Il-complements jinbidlu kontinwament skond l-esigenzi tas-Servizz u għalhekk mhux possibbli tingħata tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija.
Leg 9 PQ #13066 Sitting 265 2000-03-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12322, jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf hu stess dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Billi l-Onorevoli Nterpellant ma tagħnix spjegazzjoni sodisfaċenti għaliex qed jitlob l-informazzjoni m'għandix xi nżid mar-risposta li tajtu fis-seduta numru 224.
Leg 9 PQ #14580 Sitting 265 2000-03-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni 'l fuq minn 61 sena li qed jaħdmu maċ-Ċivil illum u x'xogħol qed jagħmlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' persuni li għandhom 'l fuq minn 61 sena u li qed jaħdmu mal-Gvern illum huwa ta' 67. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi d-dettalji tax-xogħol li kull wieħed minnhom qiegħed jagħmel.
Leg 9 PQ #14714 Sitting 264 2000-03-15 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet differenti għal kull vakanza fis-Servizz Ċivili li s-sejħa biex timtela' għalqet fit-3 ta' Marzu, 2000 grad bi grad?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kien hemm sitt (6) sejħiet għall-applikazzjonijiet li għalqu fit-3 ta' Marzu 2000. Ma nħossx li huwa prudenti li nagħti f'dan l-istadju aktar informazzjoni dwar dawn is-sejħiet meta għadu lanqas biss beda l-proċess ta' l-għażla.
Leg 9 PQ #13042 Sitting 263 2000-03-14 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Kartolini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 12306, jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji mitluba peress li kif jaf hu stess dawn id-dettalji jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt fis-Seduta Numru 222 għall-mistoqsija numru 12306.
Leg 9 PQ #14516 Sitting 262 2000-03-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Performance Agreements

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm, minn mindu ilha sseħħ l-iskema tal-Performance Agreements, kien hemm diretturi, skond il-grad, li l-Performance Agreement tagħhom ma ġġeddidx u f'liema ministeri kienu jservu? Jista' jgħid jekk l-ex-diretturi konċernati ngħatawx iċ-ċans li jiddefendu ruħhom kontra dak li kien qiegħed jingħad dwarhom biex il-Performance Agreement ma jiġġeddidx? Jekk fin-negattiv, kif se jassigura l-Kamra li ma kien hemm ebda qerq jew rapporti vendikattivi kontra dawn l-uffiċjali għolja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li minn mindu ilha fis-seħħ l-iskema tal-Performance Agreements kien hemm erba diretturi li wara li skada l-kuntratt tagħhom ma ngħatawx kuntratt ġdid. Wieħed minn dawn id-Diretturi kien fi Skala 4 u t-tlieta l-oħra kienu fi Skala 5. Il-Kuntratt ta' Direttur huwa għal tliet snin u meta dan jiskadi toħroġ sejħa ġdida għall-applikazzjonijiet u l-għażla ssir fuq bażi kompetittiva. Ma jidhirlix li hemm għalfejn jingħataw dettalji aktar minn hekk. Bħal ma taf l-Onorevoli Membru, llum fil-pajjiz hawn ħafna meżżi kif wieħed jista' jassigura li qed issir ġustizzja miegħu. Fil-każi ta' Diretturi hemm il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku li tara li l-affarijiet isiru kif suppost.
Leg 9 PQ #14439 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Diretturi

Question

Jista'l-Prim Ministru jgħid għaliex meta jiġu ppublikati l-ħatriet ta' diretturi fil-Gazzetta tal-Gvern ma tingħatax l-iskala ta'salarju li jkun intitolat għaliha d-direttur konċernat? Ma jidhirlux il-Prim Ministru li llum, u kuntrarjament għal qabel, hemm diversi diretturi li għalkemm kollha jissejħu direttur għandhom skali differenti ta' salarji? Jista' jassigura li din l-informazzjoni tibda tingħata ladarba dawn ikunu se jitħallsu minn fondi pubbliċi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-iskala ta' salarju ta' Direttur Ġenerali hija skala numru 3 (Lm8234 fis-sena) waqt li Direttur jista jkun jew fuq skala numru 4 (Lm7534 fis-sena) jew fuq skala numru 5 (Lm5543x199 - Lm6737 fis-sena). Dan jirriżulta mill-iSkeda ta' Gradi li wieħed isib ippubblikata f'pagna 399 ta' l-Estimi għas-sena 2000. L-informazzjoni ppersonaliżżata tiġi ppublikata fl-Staff List li kopja aġġornata qed tiġi ppreparata għall-pubblikazzjoni aktar tard din is-sena. Ma jidhirx li hemm għalfejn isir tibdil fil-proċedura preżenti rigward informazzjoni ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern.
Leg 9 PQ #14440 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Assistenti diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħatru assistenti diretturi dan l-aħħar? Taħt liema ministeri qegħdin iservu? Jista' jgħidilna jekk isimhom hux se jiġi ppubblikat fil-Gazzetta tal-Gvern? X'inhuma l-punti ewlenin u ġenerali tad-dmirijiet li obbligati jwettqu u x'inhuma l-konċessjonijiet li jgawdu dawn l-assistenti diretturi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

B'kollox inħatru 127-il Assistent Direttur, imqassmin fil-Ministeri kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra flimkien ma kopja tal-position description ta' l-Assistenti Diretturi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi. Ninsab infurmat li l-prattika kurrenti hija li l-ħatriet ta' Kapijiet ta' Dipartiment biss li jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern. Barra l-paga, l-Assistenti Diretturi huma ntitolati wkoll għall-performance bonus. Tagħrif dwar id-dmirijiet ta' l-Assistenti Diretturi li qegħdin f'Ministeri oħra għandha tintalab mill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #14441 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Diretturi/Segretarju permanenti — Karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sitt snin ex-segretarji permanenti u ex-diretturi, skond il-grad, ingħataw il-faċilita' li jixtru l-karozza tal-gvern li kellhom fil-pussess tagħhom meta kienu fis-servizz? F'kull każ, kemm-il sena kienet ilha fil-pussess tagħhom il-karozza rispettiva? Kemm kienu l-ex-diretturi u s-segretarji permanenti li ma għamlux użu minn din il-faċilita' u x'sar minnhom f'kull każ il-karozzi rispettivi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi kien hemm direttur wieħed biss, minn meta bdiet din il-faċilita, li xtara l-karozza li kien juża meta rtira. Din il-karozza kienet ilha għand dan id-direttur sena u xahrejn. Kien hemm direttur ieħor li meta rtira ma għamilx użu minn din il-faċilita' u l-karozza li kellu baqgħet tintuża mid-dipartiment. Rigward ex-segretarji permanenti u ex-diretturi li kienu f'Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Nterpellant tagħmel il-mistoqsija tagħha lill-Ministri ndividwalment.
Leg 9 PQ #14599 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet governattivi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kumitati u/jew bordijiet governattivi li fihom il-membri jitħallsu onorarja? Jista' jgħid f'kull każ kemm huwa l-ħlas ta' l-onorarja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista ta' kumitati u/jew bordijiet governattivi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u li l-membri tagħhom jitħallsu onorarja. Rigward bordijiet u kumitati oħra nistieden lill-Onorevoli Nterpellant biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #14668 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni mas-servizz pubbliku sena b'sena f'dawn l-aħħar 15-il sena? Jistgħu jingħataw ċifri ta' kategoriji differenti ta' ħaddiema li ġew impjegati - unskilled, skilled labourers, klerikali, infermiera, professjonisti, eċċ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għal Mistoqsija Numru 13982 magħmula mill-Onorevoli Charles Mangion li hija kważi identika u li l-informazzjoni biex tingħata tweġiba għaliha bħal issa qiegħda tinġabar.
Leg 9 PQ #14689 Sitting 261 2000-03-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Promozzjonijiet

Question

Peress li dan l-aħħar ingħataw promotions, jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra kemm fil-preżent huwa l-compliment fis-Servizz Ċivili ta': (a) diretturi fi grad 4; (b) diretturi fi grad 5; (ċ) assistenti diretturi; (d) senior principals; (e) principals in scale 7; (f) principals in scale 8; (g) principals in scale 9; (h) principals in scale 10; (i) executive officers; (j) clerks; (k) casual clerks; u (l) casual executive officers separatament? X'inhuma l-vacancies f'kull każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-complement fil-gradi jew skali kif qed jitlob l-Onorevoli Nterpellant. Il-grad ta' Casual Executive Officer ma jeżistix. Mhux possibli li wieħed jgħid x'vakanzi jeżistu peress li l-bżonnijiet f'kull każ jinbidlu kontinwament skond l-esigenzi tas-servizz.