Rigward il-ftehim kollettiv tal-ħaddiema tal-gvern, Section 5.2, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ġewx konklużi t-taħdidiet dwar l-istess ftehim rigward l-aġġustamenti tal-pagi tal-ħaddiema tal-gvern?
Peress li l-ftehim għandu jibda jseħħ mill-1/1/2001, dawk il-ħaddiema li se jispiċċaw mis-servizzi qabel, se jkunu nklużi fil-ftehim?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-aġġustament tal-pagi tal-ħaddiema tal-Gvern huwa diġa' stipulat fil-paragrafu 5.2 tal-Ftehim Kollettiv kif spjegat anke fl-Appendiċi 2 mehmuż ma l-istess Ftehim.
Paragrafu 5.3 ta' l-istess Ftehim jaħseb anke għall-arranġamenti ad hoc għal dawk l-uffiċjali li rtiraw jew għandhom jirtiraw sal-31 ta' Diċembru 2000.
L-Uffiċċju tiegħi u l-Ministeru tal-Finanzi qegħdin f'konsultazzjonijiet bejniethom dwar il-mod kif il-Ftehim għandu jiġi mplimentat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu mis-7 ta' Mejju, 1987 sal-25 ta' Ottubru, 1996?
Jista' jgħid x'tip ta' mpjieg ingħataw dawn il-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma kelli l-okkażjoni nirrispondi f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 15034 dwar l-infiq għall-elezzjonijiet għal kunsilli lokali tal-11 ta' Marzu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif diġa nfurmajt lill-Onorevoli Interpellant fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 15034, l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata meta l-Uffiċċju Elettorali jkun irċieva l-kontijiet kollha u jiġi ffinaliżżat ir-rendikont sħiħ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm spiċċaw bil-pensjoni tat-Teżor uffiċjali għolja li kellhom appointment bil-performance agreement fid-data li rtiraw, separatament fi skali 2, 3, u 4, bejn l-1 ta' April, 1998 u l-31 ta' Marzu, 2000?
Jista' jgħid kemm-il sena kienu ilhom jokkupaw il-kariga tal-performance agreement f'kull każ u kemm minnhom inħadmitilhom il-pensjoni fuq il-kariga li kienu jokkupaw bil-performance agreement, jiġifieri ogħla mill-grad substantive tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni tal-konsultazzjoni tiegħek mal-ambaxxaturi tal-UE wara ż-żjara uffiċjali tiegħek fil-Libja? X'kienu l-punti saljenti ta' din id-debriefing? Meta saret, fejn saret u kemm damet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nhar il-Ġimgħa, 14 ta' April 2000 kelli laqgħa fl-Uffiċċju tiegħi, fil-Berga ta' Kastilja ma l-Ambaxxaturi residenti f'Malta tal-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea. Il-laqgħa damet madwar nofs siegħa.
L-Ambaxxaturi wrew interess fl-iżviluppi li qed iseħħu fil-Libja u fir-rwol li Malta tista tieħu biex jissaħħu r-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tan-nofs in-nhar tal-Mediterran.
Jista' l-Prim Ministru jikkonerma li f'intervista riċenti fl-istampa lokali inti ma eskludejtx il-possibbilta' li jsir cabinett reshuffle fi żmien sitt xhur jew sena oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma u nżid li l-anqas ma neskludi l-possibilita li jsir reshuffle tal-Kabinett fi żmien sena u nofs, jew sentejn, jew tlett snin oħra.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 15660 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilu u cioe: Jgħid meta l-enrolled nurses li applikaw biex jidħlu fulltime mad-dipartiment tal-kura ta' l-anzjani, u li fl-erbgħa ta' Marzu ħareġ ir-riżultat ta' l-interviews tagħhom, se jingħataw iċ-ċertifikat ta' l-appointment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-uffiċjali pubbliċi li qegħdin jagħmlu degree M.B.A. u f'liema grad taċ-ċivil qegħdin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li tagħti l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Nterpellant. It-tabella turi l-ismijiet u l-grad ta' dawk l-uffiċjali li bħalissa qed jistudjaw għal degree MBA skond l-iskema ta' Sponsorship offruta mill-Gvern.
B'riferenza għat-tweġiba għal mistoqsija parlamentari numru 11175 fejn il-Prim Ministru ta indikazzjoni li xogħol tal-membri tar-Revenue Security Corps huwa garantit, jista' jgħid kif il-membri ta' l-RSC spiċċaw mill-Groupage Bonded Stores ta' Ħal Far?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li kien hemm medja ta' 20 membru tar-Revenue Security Corps minn total ta' 152 jagħmlu xogħol ta' sigurta' f'Hal Far Groupage Complex. Oriġinarjament is-servizz kien provdut fuq bażi ta' 24 siegħa l-ġimgħa kollha. B'effett minn Jannar ta' din is-sena, id-Dipartiment tad-Dwana nforma lill-Forzi Armati li l-istess servizz ta' l-RSC kien meħtieġ bejn is-sebgħa ta' filgħaxija u s-sebgħa ta' filgħodu. Eventwalment, id-Dipartiment tad-Dwana għarraf lill-Forzi Armati li s-servizz ta' sigurta' fl-istess Kumpless seta' jitħaddem kompletament mill-gwardjani tad-Dwana fuq bażi ta' 24 siegha b'effett mill-1 ta' April 2000. Għalhekk, il-membri ta' l-RSC ingħataw xogħol ieħor u bdew jaħdmu bil-ġurnata minflok bix-xift bħal parti kbira tal-membri tal-Forzi Armati.
Il-pożizzjoni li kont tajt jiena fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11175 ma nbidlitx.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kif inhi komposta l-kummissjoni dwar l-impjiegi? Kemm ilhom fil-ħatra ċ-chairman u l-membri ta' l-istess kummissjoni? Meta jagħlaq it-term taċ-chairman u tal-membri?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nixtieq ninfurma lill-Onorevoli Membru li skond l-Artiklu 120 (1) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta l-Kummissjoni dwar l-Impjiegi hi komposta minn “Chairman” u erba membri. Dawn jinħatru mill-President ta’ Malta skond il-provvedimenti ta’ l-Artiklu 120 (3) tal-Kostituzzjoni.
Peress li t-terminu ta’ tlett snin tal-Kummissjoni preċedenti għalaq fid-29 ta’ Frar, 2000 qed jittieħdu passi fosthom konsultazzjoni mal-Kap ta’ l-Oppożizzjoni, sabiex terġa’ tinħatar Kummissjoni dwar l-Impjiegi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'safar bejn l-1987 u l-1996 mill-ministeru, dipartimenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma kelli l-okkażjoni nirrispondi f'dan it-tip ta'mistoqsijiet, sakemm ma tingħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Peress li illi mit-2 ta' Awissu, 1999 li għamilt mistoqsija parlamentari dwar it-tindif ta' widien f'Ħal Qormi, proprju qabel beda l-istaġun tax-xita, u sal-lum għad m'għandhiex tweġiba adegwata minkejja li għamilt erba' mistoqsijiet b'kollox (W73, 9838, 11322 u 15553) u kważi kull darba t-tweġibiet għaddewni mingħand Qajfas għal għand Pilatu, qed nistaqsi lilek biex almenu tindikali lil min ħatar responsabbli ta' din il-materja li għal raħal bħal Ħal Qormi hija importantissima, speċjalment wara staġun tax-xita qalila li għadna kif għaddejna minnu u li b'konsegwena tiegħu l-istat ta' ċerti widien f'Ħal Qormi kompla jidditerjora bil-kbir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Nterpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija numru 15553 fil-11 ta' April 2000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus f'riċevimenti mill-ministeru, dipartmenti, korporazzjonijiet u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, bejn l-1987 u 1996 sena b'sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Diġa kelli l-okkażjoni nirrispondi li f'dan it-tip ta' mistoqsijiet, sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni li f'dan il-każ tkopri disa snin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt mix-xogħol ta' l-RSC ikun qed isir mill-korp tal-pulizija? X'inhuma r-raġunijiet li ġabet din il-bidla, u jekk huwa l-każ x'kien qed isir ħażin min-naħa tal-membri ta' l-RSC sabiex tilfu dan ix-xogħol?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-Korp tal-Pulizija ma ħa l-ebda xogħol li qabel kien qiegħed isir mill-membri tar-Revenue Security Corps (RSC). Jien infurmat ukoll li b'effett mill-1 ta' April 2000, ix-xogħol ta' sigurta li l-RSC kienet twettaq f'Hal Far Groupage Complex beda jitwettaq minn gwardjani tad-Dipartiment tad-Dwana. Dan seħħ għaliex id-Dipartiment tad-Dwana kien f'pożizzjoni li jagħmel l-istess xogħol ta' sigurta bil-membri tad-Dwana stess, u mhux għaliex il-membri ta' l-RSC kienu qegħdin jagħmlu xi ħaġa ħażina.
Peress li issa r-reġimenti ta' l-RSC saru fuq bażi ta' shift ta' 24 hrs, jirriżulta li l-Gvern qed jagħmel studju sabiex l-istess sistema ta' shift tiġi applikata għar-reġimenti ta' l-Armata wkoll?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fil-Forzi Armati, inkluż r-Revenue Security Corps (RSC), xogħol b'sistema ta' xift jitħaddem biss f'dawk il-postijiet fejn ix-xogħol ikun jeħtieġ jibqa għaddej 24 siegħa sħaħ is-sena kollha. Fejn dan ma jkunx meħtieġ is-suldati jaħdmu bil-ġurnata u jagħmlu għassa bil-lejl kull meta jkun imisshom skond sistema ta' roster.
Dan l-aħħar, xogħol ta' sigurta li xi membri ta' l-RSC kienu jwettqu b'sistema ta' xift għad-Dipartiment tad-Dwana f'Hal Far Groupage Complex beda jitwettaq mill-istess membri tad-Dwana. Dawn il-membri ta' l-RSC issa qegħdin jaħdmu bil-ġurnata u jagħmlu għassa bil-lejl kull meta jkun imisshom skond ir-roster.
Għalkemm fil-Forzi Armati hemm sezzjonijiet diversi li jaħdmu b'sistemi ta' xift, bħalissa ma hemm ebda ħtieġa li dawn is-sistemi jitbiddlu. Tibdil bħal dan iseħħ biss jekk ikun meħtieġ.