Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #16441 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-assistenti diretturi fis-settur pubbliku, skond id-dipartimenti li qegħdin fihom u skond id-data ta' meta saru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #16442 Sitting 302 2000-05-29 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-impjegati mas-settur pubbliku li għandhom degree universitarju, x'inhi d-degree, x'inhu l-grad li qegħdin fih u meta daħlu f'dan il-grad?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda tinġabar, u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #16180 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Inġenji u karozzi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-inġenji u karozzi li tagħmel użu minnhom l-Armata, humiex ser jinbidlu peress li ħafna minn dawn jafu żmien l-Inglizi? Jista', f'każ li r-risposta tkun fl-affermattiv, jgħid jekk humiex ser jinbidlu b'vetturi ġodda jew second hand?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Hemm il-ħsieb li sas-sena d-dieħla jinxtraw numru zgħir ta' vetturi ġodda u numru ieħor ta' vetturi rikondizzjonati. Peress li vetturi militari ġeneralment jiswew ħafna iżjed minn dawk kummerċjali, mhux dejjem ikun possibli għall-Forzi Armati jixtruhom ġodda.
Leg 9 PQ #16181 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-membri tal-Armata, meta jkunu għassa fil-festi, ma jitħallsux tagħhom, bħalma jiġri fil-każ tal-Pulizija?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Sa Ġunju ta' l-1993 membri tal-Forzi Armati ta' Malta ma kienu jieħdu l-ebda benefiċċju speċjali meta kien imisshom xogħol il-Ħadd jew f'festa pubblika. Permezz tar-riforma ta' l-1993, il-Forzi Armati bdew igawdu minn kundizzjonijiet ġodda kemm f'salarji kif ukoll f'allowances - waħda minn dawn kienet paga doppja għal xogħol fil-Ħdud. Wieħed irid iħares lejn il-pakkett sħiħ tar-riforma li kien jinkludi wkoll żidiet fis-salarji, special duty allowances u trade pay, sostanzjalment aħjar minn dawk ta' qabel ir-riforma.
Leg 9 PQ #16182 Sitting 301 2000-05-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-promozzjonijiet fl-Armata humiex ser jingħataw kif kien ippjanat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fil-preżent l-Armata qed tirrevedi l-proċess għall-promozzjonijiet u taġġorna l-Promotion Assessment Report kif kien ippjanat li jsir meta madwar sentejn ilu l-Amministrazzjoni preċedenti ntroduċiet proċeduri ġodda għall-promozzjonijiet.
Leg 9 PQ #16178 Sitting 300 2000-05-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, ġaladarba l-gvern huwa determinat li nissieħbu fil-grupp Ewropej, hux ser iġib l-Armata in line ma' dik fuq il-kontinent u cioe' jibdew jaħdmu nofs ta' nhar?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-membri tal-Forzi Armati fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea ma jaħdmux fuq sistema ta' nofs ta' nhari biss. Anzi fil-każ ta' ħafna minnhom, il-membri tagħhom iqattgħu ġranet jew ġimgħat sħaħ il bogħod mill-familja mhux biss minħabba esiġenzi tas-Servizz iżda wkoll minħabba d-distanzi twal involuti partikolarment f'pajjiżi kbar. Hemm xi pajjiżi li l-Forzi Armati tagħhom jaħdmu sas-sagħtejn ta' wara nofs in-nhar fl-eqqel xhur tas-sajf. Membri tal-Forzi Armati ta' Malta jaħdmu sas-siegħa u nofs ta' wara nofs in-nhar fix-xhur tas-sajf minbarra dawk li jaħdmu fuq sistema ta' shift.
Leg 9 PQ #16179 Sitting 300 2000-05-24 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Riformi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għalfejn ir-riformi fl-Armata għadhom ma sarux bħalma ġara fil-każ tal-Pulizija?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li f'dawn l-aħħar snin twettqu diversi riformi fil-Forzi Armati. Fost dawn ta min isemmi: Il-formazzjoni tal-AFM Staff Association Il-formazzjoni tal-Forzi tar-Riserva u tal-Voluntieri L-introduzzjoni tal-Promotion Examinations għall-Fizzjali Ir-ri-introduzzjoni ta' l-eżami bil-miktub fir-reklutaġġ ta' Gunners.
Leg 9 PQ #16226 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Ċitazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk f'dawn l-aħħar 20 xahar tħallsitx xi ċitazzjoni għal kontravenzjoni tat-traffiku mill-fondi pubbliċi (it-teżor jew xorta oħra) li wettaq jew wettqet impjegat/impjegata jew uffiċjal taċ-ċivil? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Prim Ministru: jagħti lista ta' dawn il-ħlasijiet li saru; min kienu l-impjegati jew uffiċjali li wettqu l-kontravenzjoni; meta u fejn twettqet il-kontravenzjoni; x'kienet il-kontravenzjoni li twettqet; jekk huwiex skond ir-regolamenti taċ-ċivil jew xorta oħra li kontravenzjoni mwettqa minn dawn hawn fuq imsemmija titħallas mill-fondi pubbliċi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li f'dawn l-aħħar għoxrin xahar fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi kien hemm kontravenzjoni waħda tat-traffiku. Il-kontravenzjoni kienet ta' towing, saret il-Belt f'Diċembru 1998 u l-uffiċjal kien l-Assistent Segretarju Privat fil-Ministeru tiegħi. Mhix il-policy li multi għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku jitħallsu minn fondi pubbliċi imma kull każ jiġi trattat skond iċ-ċirkustanzi.
Leg 9 PQ #16271 Sitting 299 2000-05-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li qed tiġi ppjanata ċaqliqa fis-segretarji permanenti? Din marbuta mal-performance review tagħhom? Jekk mhux esklużivament, x'raġunijiet oħra hemm? Meta mistenni isir dan iċ-ċaqliq? Huwa minnu li se jinħatar segretarju permanenti ġdid fil-ministeru tal-finanzi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Sar ċaqliq fis-Segretarji Permanenti billi s-Sur Joseph F X Scicluna inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi għal tliet snin b'seħħ mill-25 ta' April 2000. Is-Segretarju Permanenti ta qabel, li wasal biex jirtira, ngħata kuntratt ta' sena bħala Kap tat-Tax Compliance Unit. Is-Sur Joseph Ebejer inħatar Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Politika Soċjali mill-25 ta April 2000.
Leg 9 PQ #16204 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Sur Edward J. Borg

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid b'liema proċeduri mtela' l-post ta' assistent direttur administration, fl-Isptar Monte Carmeli mis-Sur Edward J. Borg? Meta ħarġet sejħa għal dan il-post? Kemm applikaw? Min applika? Meta saru l-intervisti? X'kondizzjonijiet għandu s-Sur Borg bħala assistent direttur? X'allowances għandu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni ta' Assistent Direttur, Amministrazzjoni, fl-Isptar Monte Carmeli mtliet bl-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. L-uffiċċjal imsemmi, li kien diġa' ingħata l-ħatra ta' Assistent Direttur f'Ministeru ieħor, nħatar fil-pożizzjoni l-ġdida għax kellu esperjenza unika dwar it-tmexxija amministrattiva ta' l-isptar peress li għal żmien twil kien diġa' nvolut fir-riforma li qed iseħħ fl-istess sptar. Il-kundizzjonijiet u benefiċċji li għandu dan l-uffiċċjal bħala Assistent Direttur huma dawk applikabbli għall-Assistenti Diretturi l-oħra.
Leg 9 PQ #16220 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il safra għamel bħala Prim Ministru bejn is-sena 1997 u din is-sena, sena b'sena? Jista' jagħti dettalji tal-pajjiżi li siefer fihom kull sena matul dawn is-snin imsemmija, u kemm qamet kull safra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Nassumi li l-Onorevoli Membru irid ikun jaf kemm kelli żjarat uffiċjali barra minn Malta minn Settembru 1998 u mhux mill-1997.
Leg 9 PQ #16241 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Suldati tal-volontarjat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'sejjer isir minn dawk il-persuni li ġew magħżula bħala suldati volontiera wara li jispiċċalhom il-kuntratt ta' tliet snin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Avviż Legali Numru 80 ta' l-1998 jirregola l-kundizzjonijiet tas-Servizz tas-suldati voluntieri. Skond ir-Regolament Numru 10 dawn il-voluntieri jistgħu jiġu mogħtija l-opportunita li jservu t-tieni ngaġġ ta' tlett snin.
Leg 9 PQ #16269 Sitting 298 2000-05-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Employment Commission

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta għalaq iż-żmien ta' l-employment commission? Meta mistennija tinħatar mill-ġdid?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-terminu ta' tlett snin tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi għalaq fid-29 ta' Frar 2000. Din il-Kummissjoni nħatret mill-ġdid b'effett mit-2 ta' Mejju 2000 għal perjodu ta' tlett snin.
Leg 9 PQ #15833 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Proċeduri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri li jintużaw mill-Forzi Armati ta' Malta rigward l-iscreening ta' ittri jew pakketti suspettużi li jkunu fil-pussess tal-Posta? Jista' jgħid jekk skond il-proċeduri jintalabx ħlas mingħand min jitlob li l-posta tiegħu tkun screened mill-Forzi Armati ta' Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Forzi Armati permezz ta' l-Explosive Ordnance Disposal Section jiċċekkjaw ċerta posta (ittri u pakketti) skond il-ħtieġa kif stabbilita mill-Maltapost plc. Dan l-iċċekkjar isir kuljum bejn it-Tnejn u s-Sibt. Ta' dan is-servizz il-Forzi Armati jitolbu ħlas, biex ikopru l-ispejjez, mingħand il-Maltapost plc.
Leg 9 PQ #16143 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Pensjoni tat-Teżor

Question

B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 15829 tas-Seduta Nru. 228 tat-8 ta' Mejju, 2000, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mill-uffiċjali msemmija li kienu fuq Performance Agreement ħadu l-pensjoni fuq l-iskala tal-Performance Agreement separatament fi skali 2, 3, u 4, cioe' kemm mit-tliet uffiċjali fi skala 2 ħadu l-pensjoni tat-teżor fuq skala 2, kemm miż-żewġ uffiċjali fi skala 3 ħadu l-pensjoni tat-tezor fuq skala 3, u kemm mid-disa' uffiċjali fi skala 4 ħadu l-pensjoni tat-teżor fuq skala 4?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Jien infurmat li kienu 8 l-uffiċċjali li rtiraw fis-skala 4 u mhux 9 kif kien indikat qabel peress li wieħed mid-Diretturi kien fuq Performance Agreement ta'skala 5.
Leg 9 PQ #16227 Sitting 297 2000-05-22 Oral · Interim From: FRANCIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Pensjoni ta' l-eta'

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk l-impjegati li spiċċaw bil-pensjoni ta' l-eta' jew ta' invalidita' (separatament għas-snin 1996, 1997 u 1998) fi gradi ta' salarji skala 1 sa skala 20 separatament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #15497 Sitting 295 2000-05-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartimenti tal-Gvern — Ħaddiema Għawdxin

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta, f'dipartimenti tal-gvern u korpi parastatali? F'liema dipartimenti huma mqassma?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

In-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta f'Dipartimenti tal-Gvern huwa ta' 273. Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi f'liema dipartiment dawn huma mqassma. Ma hemm ebda persuna Għawdxija li taħdem hawn Malta f'xi korp parastatali jew entita pubblika li taqa taħt id-dekasteru tiegħi. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi korpi parastatali oħrajn, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #16020 Sitting 295 2000-05-17 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Repubblika ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilha mwaqqfa r-Repubblika ta' Malta sal-lum, kemm persuni ħadu l-unur ta' Ġieħ ir-Repubblika? Jista' jgħid min kienu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Mill-1975, meta twaqqfet ix-Xirka Ġieh ir-Repubblika, 'l hawn żewġ ċittadini Maltin u dsatax-il ċittadin ta' pajjiżi barranin inħatru rispettivament Imsieħbin u Imsieħbin fuq Bażi Onorarja tax-Xirka. Dawn kienu: Msieħbin Il-Prof Sir Anthony Mamo SG L-ET Mons Guseppi Mercieca SG Msieħbin Onorarji L-ET l-Kurunell Muammar Gaddafi SG L-ET Prof Giovanni Leone SG L-ET s-Sur Li Xiannian SG L-ET s-Sur Kim Il Sung SG L-ET s-Sur Jose Manuel Durao Barroso SG L-ET s-Sur Jose Manuel Briosa E Gala SG L-ET s-Sur Joao Diogo Nunes Barata SG Il-General Carlos Azeredo SG L-ET Antonio Syder Santiago SG L-ET Mons Giovanni Battista Re SG L-ET Mons Jean-Louis Tauran SG L-ET Mons Pier Luigi Celata SG L-ET Dott Dino Marrajeni SG L-ET s-Sinjura Susanna Agnelli SG L-ET s-Sur Gaetano Gifuni SG L-ET Dott Marco Colombo SG L-ET s-Sur Giulio di Lorenzo Badia SG L-ET Dott Luigi Amaduzzi SG Il-General C A Paolo Scaramucci SG
Leg 9 PQ #15479 Sitting 293 2000-05-16 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li m'humiex ambaxxaturi, konsli ta' Malta, uffiċjali tal-gvern, jew b'xi mod fl-impjieg tal-gvern u huma mill-istess Prim Ministru - skond it-termini ta' l-artikolu 3 (1) tal-Kap. 253 tal-Liġijiet ta' Malta - awtorizzati jużaw is-siġill pubbliku ta' Malta? Jista' l-Prim Ministru jgħid għal-liema raġuni tali persuni ġew hekk awtorizzati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-uffiċjal pubbliku nnominat bħala Kustodju tas-Sigill Pubbliku huwa s-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Is-siġill pubbliku ta' Malta jista jintuża biss għal skopijiet uffiċjali minn ministeri u dipartimenti tal-Gvern, fejn ikun hemm il-ħtieġa. Fi kwalunkwe każ, is-siġill pubbliku jsir biss fl-Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi.
Leg 9 PQ #15947 Sitting 292 2000-05-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm personelle stazzjonat fis-sezzjoni ta' l-AOD ta' l-Armata f'Manoel Island? Jista' jgħid jekk dawn is-suldati jeħdux xi danger money u/jew xi allowance? Jekk iva, kemm jingħataw, jeħduhiex kollha jew le, u jekk le għaliex? Jista' jgħid jekk hemmx xi suldati li għadhom ma ħadux dawn il-flus minħabba xi dewmien amministrattiv? Jista' jgħid jekk humiex se jingħataw dawn l-arretrati u jekk iva, meta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li bħalissa, fl-Explosive Ordnance Disposal Section (EOD) tal-Forzi Armati hemm stazzjonati 31 membru. Il-membri ta' din is-Sezzjoni jistgħu jkunu ntitolati għal żewġ tipi ta' allowance. Dawn huma: Explosives Allowance - li titħallas bir-rata fissa ta' Lm28 fix-xahar lil dawk li jkunu kwalifikati u jaħdmu bħala EOD Operators. Diving Allowance - li titħallas skond in-numru ta' sigħat li għaddas kwalifikat skond l-istandards militari jdum jogħdos matul l-istess ġurnata, skond dawn ir-rati: L-ewwel siegħa Lm2.06c0 It-tieni siegħa Lm3.85c0 It-tielet siegħa Lm5.05c0 Ir-raba siegħa Lm6.87c0 Bħalissa hemm 20 membru kkwalifikat u jaħdmu bħala għaddasa li kollha huma ntitolati għad-diving allowance. Hemm numru zgħir ta' membri mill-31 ta' l-EOD Section li mhumiex qegħdin jirċievu l-explosives allowance. Dawn fil-fatt huma l-aħħar membri li ngħaqqdu ma l-EOD Section. Ninsab infurmat li qegħdin isiru l-arranġamenti sabiex anki dawn jibdew jieħdu l-explosives allowance malajr kemm jista jkun, fejn hu l-każ, bl-arretrati.