Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-uffiċjali pubbliċi li ttellgħu quddiem il-PSC tul l-1999? Jista' jgħid f'liema dipartimenti qegħdin jew kienu dawn l-uffiċjali; x'kienu l-każi li għalihom kienu mressqin quddiem il-PSC, x'kienet id-deċiżjoni fuq il-każi li nqatgħu u kemm hemm każijiet pendenti? Jista' jaqsam l-informazzjoni f'irġiel u nisa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-Forzi Armati llum? Jista' jagħti breakdown tar-ranks kollha?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fit-13 ta' Ġunju 2000, b'kollox, fil-Forzi Armati kien hemm total ta' 1980 membru li kienu mqassmin kif jidher fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Il-Forzi Armati jimpjegaw ukoll, b'kuntratt u fuq bażi part-time, Marine Consultant u Airworthiness Surveyor.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru tfittxijiet għal bombi mill-Bomb Disposal Squad din is-sena? X'kien ir-riżultat? Kemm mir-rapporti li daħlu kienu bomb hoaxes?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fil-perjodu msemmi l-Explosive Ordnance Disposal (EOD) Section tal-Forzi Armati wettqet 41 tfittxija għal-bombi. Minn dawn it-tfittxijiet, irriżulta li waħda kienet Improvised Explosive Device ma dar privata f'Ħaż-Żebbuġ. L-erbgħin tfittxija l-oħra kollha rriżultaw li kienu hoaxes.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru tfittxijiet din is-sena mill-AFM għal persuni mitlufa fuq il-baħar? Kemm irriżultaw fil-pożittiv u kemm kien in-numru ta' persuni megħjuna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li bejn l-1 ta' Jannar u t-13 ta' Ġunju 2000 il-Forzi Armati ta' Malta (FAM) wettqu ħames tfittxijiet fuq il-baħar fi tliet każi separati. In-numru ta' persuni salvati kien ta' sitta. Ma kien hemm l-ebda każ fejn persuni mitlufa fuq il-baħar ma nstabux mill-FAM, jew kien hemm mewt jew korriment ta' xi persuni fuq il-baħar wara li ġew infurmati l-FAM.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba mill-1995 'il hawn saru l-eżamijiet għal principals u senir principals fis-Servizz Pubbliku? Meta saru? Kemm kandidati għamlu kull eżami? Kemm għaddew?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba.
Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' — Impjiegi
Question
Wara l-laqgħa li saret mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru biex il-gvern bħala employer joffri opportunitajiet indaqs ta' xogħol anke konformi mal-Liġi Opportunitajiet Indaqs? X'passi konkreti ttieħdu s'issa f'din id-direzzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi wara l-laqgħa li saret mal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita', l-Management and Personnel Office issottometta proposti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku dwar kif il-Gvern bħala employer jista joffri opportunitajiet indaqx ta' xogħol lill-persuni b'diżabilita'.
Il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku sejra tagħti ir-reazjoni uffiċjali tagħha għal dawn il-proposti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jammontaw in-numru ta' persuni b'diżabilita' li jaħdmu mal-Forzi Armati?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid ukoll kemm minn dawn il-persuni ġew ingaġġati meta kienu diġa' jbatu b'diżabilita', u kemm minnhom żviluppatilhom id-diżabilita' meta kienu diġa' ngaġġati ma' l-Armata?
Jista' jgħid ukoll x'drittijiet, vantaġġi u x'jgħidu r-regolamenti tal-Forzi Armati fir-rigward ta' persuni b'diżabilita'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mhux ċar x'irid ifisser l-Onorevoli Interpellant bil-frazi persuni b'diżabilita u ċioe għal liema kategorija partikolari qed jirreferi.
Ma jiġux ingaġġati fl-Armata persuni li diġa jbatu b'diżabilita. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, l-Membri ta' l-Armata huma eliġibli għall-benefiċċji kollha skond kif applikabbli taħt l-Att dwar is-Sigurta Soċjali, kif ukoll taħt il-Pensions Ordinance (Cap 93) u l-Artikli tal-Pensjoni applikabbli għall-membri ta' l-Armata, skond il-kundizzjonijiet tas-Servizz tal-Forzi Armati ta' Malta kif regolati mill-Avviz Legali Nru 91 ta' l-1970.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex meta ma ġġeddix il-kuntratt ta' l-ex-Direttur tal-Customer Services fil-Ministeru għal Għawdex dan baqa' ma ngħata ebda raġuni għax il-kuntratt tiegħu ma ġġeddidx, la mill-uffiċċju tiegħek u lanqas mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, minkejja t-talbiet li għamel?
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad li dan sar għax kien hemm rapport sfavorevoli mis-Segretarju Permanenti fl-istess ministeru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-ħatriet ta' Diretturi fuq bażi ta' Performance Agreement jiskadu awtomatikament meta jagħlaq l-Agreement u ma hemm l-ebda garanzija li Direttur jerġa jingħata l-ħatra. Il-ħatra l-ġdida ssir fuq bażi ta' kompetizzjoni u l-aħjar kandidat jintgħażel għall-post li jkun vakanti. Hekk sar ukoll fil-każ tal-vakanza li kien hemm ta' Direttur (Customer Services) fil-Ministeru għal Għawdex.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jammonta l-infiq f'xiri ta' armamenti mill-Gvern Malti f'dawn l-aħħar sentejn? Jista' jgħid minn liema pajjiżi nxtraw dawn l-armamenti? Jekk huwa dejjem possibbli u jekk dejjem l-informazzjoni mitluba bl-ebda mod ma xxekkel is-sigurta' tal-pajjiż, jista' l-Prim mInistru jgħid x'tip ta' armi jew armamenti nxtraw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
F'dawn l-aħħar sentejn, il-Forzi Armati ta' Malta xtraw sebgħa u tletin (37) pistola tat-tip Beretta 9mm FS 92 mill-Italja, li swew Lm4,866.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' ħaddiema taċ-Ċivil li ttellgħu quddiem il-PSC mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-lum? Jista' jgħid: (1) x'kienu l-każi li għalihom ittellgħu l-ħaddiema quddiem il-PSC; (2) kemm minn dawn il-każi għadhom pendenti; (3) kemm minn dawn il-każi ttieħdet deċiżjoni dwarhom u x'kienet din id-deċiżjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fl-1 ta' Frar 2000 daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) li permezz tagħhom il-każijet ta' dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti. It-tagħrif li se nagħti fl-Iskeda numru 1 li ser npoġġi fuq il-mejda tal-Kamra għaldaqstant huwa dwar każijiet ta' dixxiplina li nbdew mill-1 ta' Jannar 2000 sal-31 ta' Jannar 2000.
Għar-rigward każijiet ta' dixxiplina li nbdew mill-1 ta' Frar 'l hawn, ninsab infurmat illi fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi kien hemm tlett każijiet ta' dixxiplina. It-tagħrif dwarhom jinsab fl-Iskeda numru 2 li wkoll qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Għar-rigward it-tagħrif dwar każijiet ta' dixxiplina li nbdew mill-1 ta' Frar 'l hawn fil-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-ammont ta' ittri li jinsabu maqbuda fil-ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħtu b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali kontra l-miżuri anti-soċjali mħabbra fl-aħħar budget mill-GWU?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu jagħmel il-gvern u jekk humiex għaddejjin diskussjonijiet bejn il-partijiet biex tinstab soluzzjoni għal din il-kwestjoni?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il laqgħa saret f'dan is-sens u meta saret l-aħħar laqgħa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fil-Ministeru, dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi bħalissa m'hemm l-ebda ittra maqbuda b'riżultat ta' l-azzjonijiet industrijali tal-GWU.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninforma l-Onorevoli Interpellant li, fost l-oħrajn, il-Gvern qiegħed jirnexxilu jassigura li l-pubbliku jintlaqat mill-inqas mill-azzjonijiet tal-Union. Ma hemmx diskussjonijiet għaddejja mal-GWU dwar l-azzjonijiet industrijali.
Il-laqgħat li saru mal-GWU ġew rappurtati fil-media.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk l-impjegati li spiċċaw bil-pensjoni ta' l-eta' jew ta' invalidita' (separatament għas-snin 1996, 1997 u 1998) fi gradi ta' salarji skala 1 sa skala 20 separatament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' impjegati li spiċċaw bil-pensjoni ta' l-eta' jew ta' invalidita' huwa kif jidher hawn taħt:
Sena Spiċċaw bl-eta' Għaddew Bord Mediku
1996 442 168
1997 544 185
1998 485 277
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tliet tabelli li juru l-informazzjoni mitluba fuq il-gradi u l-iskali ta' salarju kif miżmuma minn dan l-Uffiċċju.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' jitwaqqaf l-Animal Welfare Committee? Jekk iva, meta hemm il-ħsieb li jitwaqqaf meta f'Malta għad hawn rata ta' krudelta' ta' l-annimali? Jaħsibx il-Prim Ministru li dan l-Animal Welfare committee jista' jkollu funzjoni ferm importanti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li f'Gunju 1998 kien twaqqaf l-Animal Welfare Steering Sub-Committee taħt in-National Country Parks Committee tal-Building Industry Consultative Council [BICC].
Il-BICC jaqa' taħt ir-responsabilta' tal-Ministeru ta' l-Ambjent u peress li nħass li l-funzjonijiet ta' dan il-Kunsill m'għandhomx konnessjoni mal-ħarsien ta' l-annimali, ġie deciż li l-Animal Welfare Steering Sub-Committee jigi xolt.
Pero' nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tressaq għall-Ewwel Qari l-abbozz ta' liġi dwar it-Trattament Xieraq ta' l-Annimali li sejjer jipprovdi għat-twaqqif ta' l-Animal Affairs Council li jkollu l-poteri neċessarji biex jiġu protetti l-annimali kollha. Mill-provvedimenti ta' l-Abbozz imsemmi, jidher ċar li dan il-Kunsill sejjer ikun ferm aktar effettiv mill-Animal Welfare Steering Sub-Committee.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jsir eżami għall-uffiċjal eżekuttiv fis-Servizz Pubbliku (minn barra u/jew minn ġewwa) meta wieħed iqis li dan ilu ma jsir għal xi tmien snin, u meta f'dawn l-aħħar snin perjodikament saru eżamijiet kemm għal skrivani, principals kif ukoll senior principals?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2000, 322 Clerk ser jingħataw il-ħatra ta' Executive Officers fuq il-bażi li għandhom tmien snin servizz, skond kif jipprovdi l-Ftehim tar-Riklassifikazzjoni tal-General Service Grades u dawn ser itellgħu n-numru ta' uffiċjali fil-grad ta' Executive Officers għal total ta' 850.
Matul l-istess sena, l-ebda Executive Officer mhu ser ikun eliġibbli sabiex jilħaq Assistant Principal.
Għaldaqstant għalissa m'hemmx l-intenzjoni li jsir eżami għal Executive Officers.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16271, jista' l-Prim Ministru jgħid x'pakkett ġie offrut lis-Sur Joe Portelli bħala kap tat-Tax Compliance Unit?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
It-Tax Compliance Unit jaqa taħt il-Ministeru tal-Finanzi; għalhekk nistieden l-Onorevoli Interpellant jagħmel id-domanda lill-Ministru tal-Finanzi.
Jista' l-Prim Ministru jara li jiġi rimedjat il-bżonn ta' fridge lis-second regiment ta' l-Armata (ADB), liema talba ilha pendenti għal aktar minn tmien xhur?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li fl-Air Defence Battery (ADB) tal-Forzi Armati ma kien hemm l-ebda talba biex tinxtara refrigerator li kien ilha pendenti għal aktar minn tmien xhur.
Fl-ADB hemm total ta' tliet refrigerators li waħda minnhom żviluppat ħsara fil-11 ta' April 2000. Minnufih saru arranġamenti biex tissewwa l-ħsara iżda wara li r-refrigerator ġiet spezzjonata, instab li ma kienx jaqbel li tissewwa. Għaldaqstant fil-15 ta' Mejju 2000 saret talba biex tinxtara oħra ġdida. Jien infurmat li r-refrigerator il-ġdida waslet għand l-ADB nhar it-Tnejn, 22 ta Mejju 2000.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk teżistix xi opportunita' ġdida għal membri tar-Revenue Security Corps fil-futur? Jekk fl-affermattiv, x'se tkun din l-opportunita'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-membri kollha tar-Revenue Security Corps għandhom xogħol u dmirijiet tagħhom x'jagħmlu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'jista' jsir biex wieħed ikun jaf jekk il-Public Service Commission imxietx b'mod ġust f'xi ħatra partikolari, speċjalment f'każ ta' ħatra ta' kap ta' dipartiment?
X'passi jieħu l-Prim Ministru jekk l-affarijiet ma jkunux saru sew?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħall-kummissjonijiet l-oħra mwaqqfa mill-Kostituzzjoni, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku qiegħda hemm preċiżament biex tara li l-ħatriet fis-servizz pubbliku jsiru b'mod ġust. Għaldaqstant mhux il-każ li wieħed joqgħod jiddubita wkoll mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-membri ġodda tal-Employment Commission?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-Sur Michael J Mallia inħatar bħala c-Chairman il-ġdid tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi. Il-membri l-oħra tal-Kummissjoni baqgħu l-istess.