Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33092 u cioe, jista' jgħid kemm huwa in-numru ta' rġiel u nisa (separatament) 'il fuq minn 16 il-sena li qed jaħdmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 33092 f'Seduta Numru 730.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33091 u cioe, jista' jgħid kemm huwa n-numru ta' NGOs f'Malta u Għawdex? Kemm għandha full-time employees kull NGO? Kemm għandha part-time employees kull NGO? Kemm tħallas bolla tan-national insurance kull NGO?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Unit għall-Liaison ma' Għaqdiet Mhux Governattivi, li taqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Ministeru tiegħi, għandha nformazzjoni biss dwar dawk l-Għaqdiet li japplikaw għall-fondi provduti mill-Gvern. Ninsab infurmat li għas-sena 2002 kien hemm 33 Għaqda, li 2 minnhom kienu minn Għawdex, li għamlu talba għal dawn il-fondi dwar 39 proġett.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni dwar in-numru ta' mpjegati full-time u part-time imħallsa, kif jirriżulta mill-Project Document ippreżentat mat-talba għall-fondi mill-Għaqda rispettiva.
Ninsab infurmat li l-Unit m'għandiex l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tinqaleb il-kera fuq persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija peress li d-dokumenti li ġiet mitluba tibgħat mil-lands ġew mogħtija? Jista' dan is-sinjur jiġi nformat bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Awtorita` tas-Saħħa u Sigurta` fuq il-Post tax-Xogħol
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm health and safety officers fi ħdan l-awtorita` tas-saħħa u sigurta` fuq il-post tax-xogħol li qed jagħmlu id-dmirijiet mitluba minn din il-pożizzjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Hemm tmien (8) uffiċjali li ġew appuntati bħala Occupational Health and Safety Officers skond kif kontemplat fl-Artikolu 15 tal-liġi li waqqfet l-Awtorita' għas-Saħħa u Sigurta' fuq il-Post tax-Xogħol.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm single parents li għandhom applikazzjoni pendenti għall-akkomodazzjoni alternattiva? Minn liema lokalita` ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex plots 16,17,18 fi Triq Abela f'Santa Venera ma jibqgħux jintużaw bħal mizbla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-plots indikati mill-Onor. Interpellanti ma jaqgħux taħt ir-responsabbilta' ta' xi Dipartiment jew Entita' li taqa' taħt id-dekasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuni li isimhom qiegħed jintbaghat separatament li
joqogħdu flimkien mal-familja tagħhom konsistenti fi tlett itfal ilkoll joqogħdu fil-post li wkoll imsemmi separatament u li għandhom kera ta' LM 60 fis-sena bis-sussidju, issa qiegħdin jintalbu li jħallsu aktar kera fis-sena meta l-missier huwa l-uniku
breadwinner
tal-familja u jaqla medja ta' LM 282 fix-xahar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-fatt il-kera sussidjat tal-persuna ndikata kien ilu Lm100 fis-sena minn Lulju 1999. F'Novembru 2001 ġie rivedut għal rata kummerċjali għax il-persuna naqset li tipproduċi d-dokumenti mitluba.
Infurmat ukoll li issa, li ġew prodotti dawn id-dokumenti, l-kera reġa ġie rivedut għal Lm140 fis-sena skond id-dħul ta' din il-persuna u skond il-kuntratt li ffirmat meta ħadet il-post fl-1994.
Dipartiment tar-relazzjonijiet industrijali u impjieg — Junior Legal Officer
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħtina informazzjoni dwar kemm applikaw persuni għall-kariga ta' junior legal officer fid-dipartiment tar-relazzjonijiet industrijali u ta' l-impjieg skond ċirkolari LE/72/96? Kemm minnhom ġew magħżula u ġew impjegati? Min ma kkwalifikax ġie infurmat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li kien hemm 7 (sebgħa) applikanti għal kariga ta' Junior Legal Officer fid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' Impjieg. L-intervisti għall-post vakanti saru fit-8 ta' April 2002, u r-riżultat ġie mgħoddi għall-verifika lil Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Ir-riżultat jitħabbar pubblikament mill-istess Kummissjoni.
Kull applikant kellu l-kwalifiki meħtieġa biex jiġi ntervistat.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 31993 u cioe, b'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 31778, jaf illi l-inkwilin qed jgħix fir-residenza msemmija b'mod abbużiv u illegali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-inkwilin mhux qed jgħix fil-post b'mod abbużiv u illegali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li koppja anzjana li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament tiġi infurmata jekk hux tieħu pensjoni tajba peress li komparata ma' ħaddiema li kienu jaħdmu miegħu hi ħafna differenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata ġiet nfurmata dwar il-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif persuna li l-partikolaritajiet tagħha qed jintbagħtu separatament li ma taħdimx ġie mitlub iħallas is-somma ta' Lm761.19c2? Jista' dan is-sinjur jiġi infurmat bl-aħħar żviluppi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tiġi nfurmata bl-eżitu tal-każ tagħha personalment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li l-każ ta' anzjana li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament tieħu servizz tal-handyman wara li saret talba dwar sadd ta' drenaġġ u jidher li ma kienx hemm risposta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li x-xogħol li għandu jsir fid-dar tal-persuna ndikata jinvolvi ftuħ ta' medda tad-drenaġġ. Dan sar magħruf wara li ħaddiema mis-servizz tal-Handyman marru fuq il-post u fetħu d-drains tas-sink. Ftuħ tad-drenaġġ ma jaqax taħt ir-responsabbilita' tas-servizz tal-Handyman.
Jista' l-Ministru jgħid min ikun qed joqgħod f'dar residenzjali u jkollu xi forma ta' diżabilita', jista' fl-istess waqt ikollu reserved parking bay quddiem id-dar ta' fejn kien joqgħod oriġinarjament (cioe, fil-lokal fejn kien joqgħod)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema kienu dawk l-azjendi u fabbriki li għalqu jew taw is-sensji lill-ħaddiema mll-1999 sal-lum? Kemm kien in-numru tal-ħaddiema li spiċċaw barra ssensjati f'kull azjenda jew fabbrika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif ġie permess li persuna li tgħix fil-fond RO41989 meta mhux suppost? Jista' jgħid jekk qattx intbagħtu inspectors biex jaraw il-każ meta d-dipartiment ilu jaf b'din il-hawker għal madwar sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-informazzjoni mogħtija lili, jidher li l-każ ma hux ta' kompetenza tad-dipartment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx żviluppi dwar l-istallar ta' lift fl-appartamenti bl-indirizz 36 Triq Sant'Anna, Furjana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li għalkemm hemm spazju biex joqgħod lift żgħir fil-post indikat mill-Onor. Interpellant, fil-livelli (il-landings) tal-flats numru 2 u 3 mhemmx spazju fejn jista' jinfetaħ il-bieb tal-lift u għalhekk ma jidhirx li hu possibbli li jiġi nstallat lift.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament huwiex tad-dipartiment ta' l-akkomodazzjoni soċjali jew tal-joint office?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fir-records tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jeżistix l-indirizz indikat mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tkun irranġata t-talba għal ħlas ta' kera esaġerata minn persuna bla impjieg li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u dan minħabba nuqqas tiegħu stess meta ma bagħtx l-informazzjoni mitluba mid-dipartiment?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-kera ssussidjata ġiet irranġata f'Jannar li għadda wara li l-inkwilin ipproduċa d-dokumenti meħtieġa.
Jista' l-Viċi Prim Minstru jikkunsidra t-talba għall-akkomodazzjoni alternattiva tal-persuna b'disabilita` li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament li tgħix f'post b'żewġt ikmamar flimkien ma' ħames uliedha?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni tal-persuna ndikata ilha li ġiet ikkanċellata minn April 1998 wara li ma rrisponditx għal kwestjonarju.