Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati tal-Maltacom li huma on loan jew seconded fid-dipartimenti u ministeri tal-gvern? Issa li l-Maltacom hija totalment privatizzata, dawn l-impjegati se jintbagħtu lura jew se jsiru mpjegati permanenti tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li m’hemmx impjegati tal-Maltacom li huma on loan jew seconded f’Dipartiment u Ministeri tal-Gvern.
Madankollu, hemm seba’ impjegati tal-Maltacom li qed iservu f’Segretarjati Privati ta’ Ministri u Segretarji Parlamentari b’kuntratt. Il-kuntratt jipprovdi li jekk il-kuntratt jintemm, dawn l-impjegati jirritornaw mal-Maltacom.
Fid-dawl tat-tweġiba mogħtija mill-Prim Ministru għall-mistoqsija parlamentari 19315 rigward l-impjegati tal-Gvern, jista' il-Prim Ministru jgħid:
i) u jispjega x'irid ifisser bit-terminu li uża hu stess "grad sostantiv" fil-kontest ta' uffiċjali pubbliċi li jkunu b'kuntratt defnittiv;
ii) jispjega kif qiegħed jgħid li kuntratt definittiv mal-gvern ma jkunx għall-perijodu fit-tul meta jaf illi hemm diversi impjegati bħal dawn li ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal bosta snin;
iii) jgħid jekk għandux il-ħsieb li jirranġa l-kuntratti ta' dawk l-impjegati li mhumiex intitolati għal parental leave, responsibility leave u reduced hours in vista tal-fatt li ħafna minn dawn l-impjegati ilhom bosta snin bl-istess impjieg u jaħdmu tmien sigħat kuljum bħal impjegati permanenti;
iv) jgħid espressament x'jiġri jekk mara fuq kuntratt indefinit li mhijiex intitolata għal parental leave li toħroġ pregnant u li tixtieq trabbi lil uliedha, titlifx il-job tagħha jekk mat-terminu tal-maternity leave din ma tirritornax għax-xogħol u x'alternattivi qed joffrilha l-gvern bħala impjegata tiegħu;
v) jgħid jekk hux se jirranġa dawn il-kuntratti definittivi in vista tad-direttiva fixed term work directive 199/70 EC li tgħid li m'għandux ikun hemm diskriminazzjoni bejn "permanent workers " u "contract workers" u jekk fin-negattiv għaliex;
vi) jgħid għaliex Avviż Legali 429 ta' l-2002 li suppost qed jirrifletti din id-direttiva qed jeskludi mill-applikabbilta' tagħha l-impjegati kollha tal-gvern meta d-direttiva ma tagħmel l-ebda distinzjoni bejn impjegati mal-gvern u impjegati mas-settur privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
i) It-terminu ‘grad sostantiv’ ifisser dawk l-impjegati li jkollhom ‘appointment’ skond il-gradi stabbiliti fil-‘collective agreement’ tas-Servizz Pubbliku; u waqt li jżommu dan il-grad, jidħlu għall-kuntratt definit għal-pożizzjoni oħra.
ii) L-impjegati fuq kuntratt definit jista’ jkollhom il-kuntratt imġedded, għalhekk jistgħu jkunu ilhom bosta snin jaħdmu, iżda kull kuntratt normalment ma jkunx għal iktar minn sena.
iii) Dwar paragrafi iii) v) u vi) tad-domanda, li jistaqsu jekk hemm ħsieb li jinbiddlu l-kundizzjonijiet u benefiċċji tal-impjegati bil-kuntratt, ngħid li bħalissa qed isir studju biex naraw jekk jistax isir xi tibdil.
iv) Dwar paragrafu iv) nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għal l-aħħar paragrafu tat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija numru 19315.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema f'kull grad li jaħdmu fl-istamperija tal-gvern? Kemm kien hemm overtime imħallas matul l-2005? Kemm kien hemm ġranet sick leave fl-istess perijodu? X'sistema ta' time-keeping tintuża fl-istamperija? Jirriżultalu l-Prim Ministru jekk hemmx xi impjegati fl-istamperija (jew xi taqsima tagħha) bil-grad ta' acting manager jew simili?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ħaddiema f’kull grad li jaħdmu fl-Istamperija tal-Gvern huma:
Direttur
1
Uffiċjal Prinċipali
3
Skrivan Anzjan
1
Skrivan
2
Messaġġier II
3
Messaġġier I
1
Grupp II
1
Uffiċjal Tekniku
1
Assitant Chief Printer
3
Press Inspector
10
Senior Printer
29
Printer
2
Security
1
Total
58
Overtime imħallas matul is-sena 2005 ammonta għal Lm52,014. Ġranet ta’ sick leave matul l-2005 kien ta’ 625 ġurnata. Fil-preżent is-sistema ta’ time-keeping hija dik ta’ l-Attendence Sheet. Ma hemm l-ebda impjegat fl-Istamperija tal-Gvern bi grad ta’ Acting Manager.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-ħaddiema ta' l-istamperija tal-gvern għandhomx xi inċentivi jew benefiċċji barra minn dawk tal-bqija tas-servizz pubbliku? Fil-każ ta' parkeġġ ta' karozzi tal-management u ħaddiema ta' l-istamperija, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi arranġamenti jew xi forma ta' żona fejn dawn il-vetturi jistgħu jitħallew? L-istamperija għandha, u fil-każ x'inhuma, vetturi għall-użu tagħha?
Jirriżultalu l-Prim Ministru jekk hemmx xi stores jew bini ieħor li fih qed jiġu parkeġġjati xi vetturi? Fil-każ li fl-affermattiv, x'inhu dan il-bini u liema vetturi jistgħu jitħallew hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħaddiema ta’ l-Istamperija tal-Gvern m’għandhomx inċentivi jew benefiċċji barra minn dawk tal-bqija tas-Servizz Pubbliku.
Il-ħaddiema ta’ l-Istamperija tal-Gvern jużaw il-parkeġġ li hemm mal-madwar ta’ l-Istamperija.
L-Istamperija għandha żewġ vetturi – karozza tad-Direttur u vann għall-użu ġenerali tad-Dipartiment.
Il-vetturi li jiġu parkeġġjati fil-garaxx ta’ l-Istamperija huma l-karozza tad-Direttur, il-vann tad-Dipartiment (it-tnejn proprjeta’ tal-Gvern) u l-karozza ta’ l-Assistant Chief Printer li fil-preżent qed jassumi r-responsabbiltajiet ta’ Chief Printer, prattika li ilha fis-seħħ minn mindu l-Istamperija ġiet trasferita għall-Marsa fl-1995.
Jista' il-Prim Ministru jiċħad jew jikkonferma li fid-dekasteru tiegħu inħarġu call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi, l-intervisti tmexxew u ħadd ma ġie appuntat minn dawk li applikaw u għaddew mill-interview b'suċċess? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni u min ħa din id-deċiżjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fil-każ ta’ Segretarji Permanenti, il-ħatriet isiru fit-termini ta’ Artikolu 92 (3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, u sejħiet ta’ applikazzjonijiet ma’ joħorġux għal dawn il-pożizzjonijiet.
Għar-rigward tad-Diretturi Ġenerali u Diretturi, il-proċess huwa marbut mal-Linji Gwida dwar il-proċess ta’ l-għażla ta’ kapijiet tad-Dipartimenti, kopja anessa.
Fil-każ ta’ Assistenti Diretturi, kien hemm żewġ każijiet fejn min ġie kklasifikat l-ewwel ma ħax il-kariga għax ġie l-ewwel f’żewġ proċessi ta’ għażla li seħħew fl-istess żmien u għażel pożizzjoni minnhom.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 18184, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi regola jew direttiva ta' l-Unjoni Ewropea fejn tgħid li tkun xi tkun ir-raġuni, la jgħaddu l-erba' snin dawn il-ħaddiema jridu jsiru tal-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M’hemm l-ebda direttiva jew regola tal-Unjoni Ewropea li tesiġi kif qed jingħad f’din il-mistoqsija parlamentari. Id-direttiva ta’ l-Unjoni Ewropea tesiġi li ma jkunx hemm diskriminazzjoni ma’ impjegati fuq kuntratt definit.
Jikkonferma l-Prim Ministru rapporti li ġew ingaġġati managers mal-VAT department minn barra ċ-ċivil? Kemm hemm minn dawn il-persuni? Liema karigi qed jokkupaw? X'inhuma s-salary scales tagħhom? Dawn għandhom il-poter li jagħtu d-direttivi lill-ħaddiema taċ-ċivil li jaqgħu taħthom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ġew irrapportati settijiet ta' mobile phones bħala mitlufa, misruqa jew bil-ħsara minn membri ta' l-istaff privat tiegħu u/jew tas-Segretarju Parlamentari? Jista' jgħid kemm kien jiswa kull mobile in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onorevoli Interpellant li kien hemm żewġ settijiet ta’ mobile phones li ġew irraportati bil-ħsara, wieħed minn membru ta’ l-istaff tal-Prim Ministru u ieħor minn uffiċjal fis-Segretarjat tas-Segretarju Parlamentari.
Il-mobiles kienu jiswew Lm70 u Lm55 rispettivament.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm inxtraw mobile phones għal użu personali tal-membri ta' l-istaff fl-uffiċċju tiegħu jew tas-Segretarju Parlamentari matul is-snin 2003, 2004 u 2005? Kemm minnhom inxtraw għall-prezz ta' aktar minn Lm50, Lm100, Lm150 u Lm200? Jista' jikkonferma jekk kienx hemm xi membri mis-segretarjat privat tiegħu li f'dan il-perijodu xtara iktar minn mobile wieħed? Kemm-il wieħed inxtara u kemm kienu l-prezzijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-2003 sa l-2005 ma nxtraw l-ebda mobile phones għall-użu personali ta’ l-istaff fl-uffiċċju tiegħi jew tas-Segretarju Parlamentari.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali tiegħu bħala Prim Ministru u s-second car humiex government owned jew mikrija? F'każ li mikrija, kemm hu l-ammont inkluż il-VAT li l-imsemmija karozzi huma mikrijin kuljum? F'każ ta' government owned cars, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għal manutenzjoni/repairs ta' l-imsemmija karozza matul is-sena 2004/2005? Jista' jgħid jekk matul l-2004/2005 keriex xi karozza għall-użu tiegħu temporanjament? Fil-każ li fl-affermattiv, kemm inkriet kuljum? Jista' jagħti l-istess informazzjoni għas-Segretarju Parlamentari li jaqgħu taħtu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' private staff li hemm miegħu u mas-Segretarju Parlamentari? Kemm minnhom huma uffiċjali pubbliċi, u kemm minnhom huma b'xi forma ta' kuntratt? X'inhu s-salarju, allowance u benefiċċji oħra (fringe benefits) li qegħdin jieħdu? Jista' jgħid kemm minnhom huma mid-distrett elettorali tiegħu u jagħti lista ta' l-ismijiet, indirizzi u n-numru ta' l-identita' tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil l-Onor Interpellant li għar-rigward tal-ewwel u t-tieni mistoqsija, l-istaff tas-Segretarjat Privat tiegħi jammonta għal total ta’ 36 li minnhom 30 huma uffiċjali pubbliċi u mis-settur tal-parastatali filwaqt li dak tas-Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi huwa ffurmat minn total ta’ 11 li minnhom 7 huma uffiċċjali pubbliċi u mis-settur tal-parastatali.
Għar-rigward tat-tieni mistoqsija, il-ħlas kollu li jirċievu dawn il-ħaddiema kif ukoll benefiċċji oħrajn huwa konformi mal-linji ta’ gwida għal ingaġġ ta’ ħaddiema fis-Segretarjat Privati ta’ Ministri (Guidelines of the engagement of staff for Minister’s Secretariat) kif approvat mill-Kabinett.
Għar-rigward ta’ l-aħħar żewġ mistoqsijiet, napprezza raġuni valida qabel ngħati l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm siefru bejn l-2004 u l-2005 il-membri tal-private staff tiegħu? Fejn marru? X'kienet ir-raġuni? Kemm ħadu flus/ingħataw flus għal kull safra u jikkonferma jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li siefer first jew business class?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi impjegati fid-dekasteru tiegħu li jagħmlu użu mis-servizzi tal-Melita cable? Min huma u fil-każ li fl-affermattiv, kemm kienet l-ispiża bejn l-2004 u l-2005?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant.
Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.
Jista' il-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18990 u jgħid ukoll kemm mhux se jintnefqu minnhom, anke bħala persentaġġ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Malta ġiet allokata total ta’ 110.56 miljun Euro taħt diversi Fondi li jinkludu l-Fondi Strutturali, l-Fond ta’ Koeżjoni, l-Fond ta’ Transizzjoni u l-Fond ta’ Solidarjeta’. Il-Fondi kollha huma kollha kommessi fi proġetti u minn dawn intefqu s’issa 23 miljun Euro.
Malta ġiet allokata 26. miljun Euro oħra taħt is-sezzjoni tal-Garanzija tal-Fond ta’ l-Agrikoltura. Minn dawn intefqu s’issa 9.16 miljun Euro. Malta ħadet ukoll 26.1 miljun Euro taħt diversi inizjattivi u programme Komunitarji (bħall-programmi ta’ l-edukazzjoni, tal-kultura, tar-riċerka u oħrajn). Minn dawn intefqu s’issa 7.2 miljun Euro.
Il-perjodu ta’ implimentazzjoni tad-diversi Fondi u programme jvarja minn programm għall-ieħor u jestendi ta’ xi wħud mill-programmi sa l-2009. L-infiq li sar s’issa jirraprezenta l-ewwel fażi ta’ pagamenti ta’ xi wħud mill-programmi.
Barra mill-ammonti li semmejt, Malta ħadet 261.23 miljun Euro oħra bħala lump sum/budgetary compensation li minnhom daħlu s’sisa 201.5 miljun Euro fil-Fond Konsolidat.
Fil-perjodu konċernat daħlu wkoll 9.4 miljun Euro fil-Fond Konsolidat mill-Fondi ta’ Qabel is-Sħubija (Pre-Accession Funds). Dawn il-flus kienu allokati lil Malta fi proġetti qabel is-sbuħija fejn, pero’, il-pagamenti jibqgħu għaddejjin skond il-perjodu t’implimentazzjoni tal-programm.
L-għan tal-Fondi Ewropej hu li l-flus jintefqu għall-iżvilupp tal-pajjiż. Għalkemm il-Fondi li ħadet Malta fl-aħħar sentejn u l-programmi u l-proġetti marbutin magħhom għadhom fi stadju ta’ implimentazzjoni, hu l-għan tal-Gvern u ta’ l-agenziji kollha (kemm dawk Governattivi kif ukoll dawk li ġejjin mis-soċjeta’ ċivili u privati) li l-flus jintefqu tajjeb u fil-ħin.
Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Prim Ministru u tal-Ministeru tal-Finanzi fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew boarded out u temmew l-impjieg tagħhom mal-gvern persuni minħabba dawn il-fatturi, l-eta’, riżenji u tkeċċijiet mis-sena 2000 sal-lum, sena b’sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19271 u jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-avviżi legali ġodda dwar il-kondizzjonijiet fiskali dwar familji u persuni li jżommu magħhom studenti barranin li jiġu jitgħallmu l-Ingliż fostna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall mistoqsija parlamentari numru 19271.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi matul is-snin 2004 u 2005 fid-dekasteru tiegħu? F'każ li fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-order of merit finali ta' l-applikanti għall-kariga rispettiva? Jista' jgħid jekk hux f'kull każ il-persuna klassifikata fl-ewwel post ħadet l-appointment? F'każ li l-appointment ma ħaditux il-persuna klassifikata numru wieħed, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tweġiba hija fil-pożittiv ħlief fil-każ tas-Segretarji Permanenti li jinħatru skond Artiklu 92 (3) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta u sejħiet ta’ applikazzjonjiet ma’ joħorġux għal dawn il-pożizzjonijiet. Fil-każ ta’ Diretturi Ġeneral u Diretturi, il-ħatriet isiru fuq bażi ta’ kompetizzjoni u l-aktar kandidat adattat jintgħażel għall-pożizzjoni fit-termini ta’ Artiklu 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta. M’hijiex etika li jingħataw dettalji personali.
Fil-każ ta’ proċessi għall-pożizzjonijiet ta’ Assistent Direttur, li ma jsirux skond Artiklou 92 (4) tal-Kostituzzjoni ta’ Malta, jista’ jkun hemm raġunijiet varji għalfejn min jiġi kklassifikat l-ewwel ma’ jiħux il-kariga bħal, per eżempju, meta uffiċjal jiġi l-ewwel f’żewġ proċessi ta’ għażla li jseħħu fl-istess żmien u jagħżel pożizzjoni minnhom.
Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi segetarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi fid-dekasteru tiegħu li ma ġġeddilhomx il-kuntratt matul is-snin 2004 u 2005? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid min kienu, għaliex ma ġġeddilhomx il-kuntratt u fejn qegħdin jaħdmu llum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li kien hemm każijiet bħal dawn kif jidher mill-iskeda li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. M’hijiex etika li jissemmew persuni iżda nista’ ngħid li r-raġunijiet jistgħu jkunu diversi, bħal meta uffiċjal ma jerġax japplika jew ma jkunx adattat biex jerġa’ jimla’ l-pożizzjoni li oriġinarjament ikun intgħażel għaliha.