Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-saħħa — Ambulanzi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ambulanzi li għandu d-dipartiment tas-saħħa fil-preżent? Jista' jagħtini breakdown ta' l-annu (snin ta' servizz) li għandhom dawn l-ambulanzi? Kemm minnhom jaħdmu u kemm huma bil-ħsara u/jew skrappjati fil-preżent?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Diviżjoni tas-Saħħa għandha 20 ambulanza. Dawn l-ambulanzi inxtraw kif ġej: 2 V/Wagon Transporter inxtraw fl-1987 3 V/Wagon Transporter inxtraw fl-1990 3 Fiat Ducato inxtraw fl-1995 2 Fiat Ducato inxtraw fl-1997 6 Ford Transit inxtraw fl-2000 4 Fiat Ducato inxtraw fl-2003 Hemm ukoll ħames ambulanzi ordnati. Minn l-għoxrin (20) ambulanza, bħalissa hemm waħda bil-ħsara (Ford Transit) u oħra skrappjata (V/W). Għalhekk hemm 18-il ambulanza jaħdmu.

Dipartiment tas-saħħa — Mediċini permezz tal-karta r-roża

Question

Matul l-2004 jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ħadu l-mediċini permezz tal-karta r-roża mill-isptar u ċentri tas-saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Waqt li n-numru ta' persuni ma jinżamx, matul l-2004 in-numru ta' attendenzi ta' persuni li ħadu l-mediċini permezz tal-karta r-roża mill-isptar u ċentri tas-saħħa kien ta' 279,862. Sptar San Luqa 50,163 Sptar Pawlu Boffa 7,548 Sptar Ġenerali t'Għawdex 24,289 Spiżerija ta' Raħal Ġdid 45,732 Spiżerija ta' Bormla 11,959 Spiżerija ta' Ħal-Luqa 16,221 Spiżerija tal-Mosta 20,339 Spiżerija ta' B'Kara 23,199 Spiżerija ta' Ħal-Qormi 22,188 Spiżerija Gżira 20,742 Spiżerija Floriana 37,482

Dipartiment tas-saħħa — Mediċini out of stock

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema huma l-mediċini ntitolati bil-karta r-roża li fil-preżent jinsabu out of stock?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-pilloli ntitolati bil-kartuna r-roża li fil-preżent jinsabu out of stock huma: Pilloli Raġuni Atenolol 25mg tabs Agent late in delivery Trifluoperazine 2mg tabs Overseas manufacturing problems Trifluoperazine 10 mg tabs Trifluperazine 1mg and 5mg in stock Trifluoperazine 15mg tabs Trifluperazine 1mg and 5mg in stock Haloperidol 0.5mg tabs Expecting balance of order from UK later on this week Benztropine 2mg tabs Manufacturing problems Chloramphenicol 250 mg caps Agent late in delivery due to raw material problem Mesalazine 400mg tabs Agent late in delivery Mianserin 10mg tabs Regulatory problems in adjudicating tender

Sptar San Luqa — Lifts

Question

Jista' il-Minsitru jgħid x'kienu r-raġunijiet li hemm lifts fl-isptar San Luqa li ilhom ġimgħat wieqfa ? Meta se jitħaddmu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li żviluppat ħsara fil-lift tal-Labour Ward fil-5 ta' Jannar 2005 u fil-lift tal-maternita' fis-6 ta' Jannar 2005, it-tnejn l-isptar Karin Grech. Kien hemm bżonn li xi tiswijiet isiru barra mill-isptar f'inġinerija privata. Il-lift tal-Labour Ward reġa' tħaddem fis-27 ta' Jannar 2005 u dak tal-maternita' hu mistenni li jerġa' jiffunzjona fil-jiem li ġejjien. Sadanittant, is-servizz ta' lift xorta kien qed jiġi provdut minn lift ieħor tal-maternita'. Fis-26 ta' Jannar 2005 żviluppat ħsara oħra fil-lift tad-Dipartiment tal-Outpatients li bħalissa qed tingħata prijorita'.

Sptar San Luqa — Testijiet tad-Demm

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm-il persuna kellha terġa' tissejjaħ lura fl-isptar San Luqa biex jerġgħu jsirulha eżamijiet tad-demm peress li l-ewwel li saru dawn it-testijiet ma sarux fiż-żmien biex id-demm ma jagħqadx, speċjalment dak għat-test tal-glucose? Huwa minnu li mhux qed isir overtime fil-laboratorji u dan qed jikkawża dewmien fit-testijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kien hemm madwar 350 kampjun tad-demm għat-test taz-zokkor li ma baqgħux stabli biżżejjed sabiex ikun jista jingħata riżultat aċċettabli fuqhom. Dan ġara minħabba diversi affarijiet inkluż ħsara fil-magna li tipproċessa dawn il-kampjuni. Rigward it-tieni parti tad-domanda, mhuwiex minnu li mhux qiegħed isir overtime fil-laboratorji. L-użu tal-overtime qiegħed jiġi skrutiniżżat biex jintuża' fejn verament hemm bżonnu.

Saħħa, Anzjani u Kura fil-Komunita' — Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefaq il-ministeru tiegħu fuq mobile phones fix-xhur ta' Novembru u Diċembru li għaddew (2004)?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-Ministeru tiegħi nefaq fuq mobile phones Lm339.38 fix-xahar ta' Novembru 2004. Dan jinkludi wkoll telefonati internazzjonali waqt xogħol uffiċjali barra mil-pajjiż. Il-figura għax-xahar ta' Diċembru 2004 għadha qed tinħadem.

Saħħa — Pazjenti mibgħuta għall-kura barra minn Malta

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ntbagħtu barra għall-kura fis-sena 2004? Kemm kienu nisa, irġiel, żgħażagħ u tfal? F'liema pajjiżi ntbagħtu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li fis-sena 2004 intbagħtu 235 pazjent għall-kura barra minn Malta. 234- intbagħtu l-Ingilterra 1- intbagħtet l-Israel L-etajiet kienu hekk: Tfal (0-14) 90 Żagħżagħ (15-18) 28 Nisa 49 Irġiel 68

Saħħa — Operazzjoni tal-bypass

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li għamlu l-operazzjoni tal-bypass fis-sena 2004? Jista' iwieġeb l-istess informazzjoni għas-snin 2003 u 2002 separatament?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li d-Data Management Unit fl-Isptar San Luqa għandu informazzjoni dwar l-operazzjonijiet kirurġiċi mis-sena 2002 sa' Ġunju 2004 mis-Surgical Operations Register ta' l-isptarijiet San Luqa u Karin Grech (SLH-KGH). In-numru ta' operazzjonijiet reġistrati ta' Coronary Artery Bypass Grafts (CBAG) hekk imsejħa Heart Bypasses fis-snin 2002, 2003 u Jannar sa Ġunju 2004 huma kif ġej: Sena Total ta' CABGs 2002 397 2003 476 2004 (Jan-Ġun) 262

Saħħa — Ċimiterji privati

Question

Jeżistu talbiet quddiem id-dipartiment tas-saħħa biex jiġu żviluppati ċimiterji privati? Jekk fl-affermattiv, meta tressqu u x'ġara minn dawn it-talbiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li preżentament teżisti applikazzjoni waħda mad-Dipartiment tas-Saħħa, dik għal estenzjoni taċ-Ċimiterju tal-Knisja ta' Ħal-Luqa. Tali applikazzjoni saret fit-3 ta' Jannar 2005 u risposta parzjali ngħatat fit-18 ta' Jannar 2005. Dwar żvilupp għal Ċimiterji privati ninforma wkoll li jeżistu talbiet għal żewġ areas oħra mal-MEPA., liema applikazzjonijiet ġew riferuti lid-Dipartiment tas-Saħħa mill-MEPA għas-suġġerimenti rispettivi. Għal aktar informazzjoni nissuġġerixxi li tirreferi lill-Ministru kkonċernat.

Ħad-Dingli — Day Centre

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk inħatarx xi bord ta' investigazzjoni fuq it-tmexxija tad-day centre ta' Ħad-Dingli? Min huma l-persuni li qegħdin imexxu dan id-day centre? Huwa minnu r-rapport li għandi li waqt li kien hemm xi seduti tal-bord min qiegħed imexxi riedet bilfors iddaħħal magħha membru parlamentari Nazzjonalista u t-tifel tagħha li jaħdem fil-ministeru ta' l-edukazzjoni? Huwa minnu li l-membri tal-bord tant ħassewhom intimidati li ħassru l-laqgħa tal-bord?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ħatar Bord biex jeżamina l-mod ta' tmexxija u l-operat fid-Dingli Day Centre. Waħda mill-persuni, li ntalbu jagħtu x-xiehda tagħhom quddiem dan il-Bord , talbet li tkun assistita minn persuna/i ta' fiduċja tagħha. Il-Bord iddeċieda li jissospendi temporanjament is-smiegħ tax-xiehda sakemm din it-talba tiġi riżolta b'mod definittiv. Ninforma wkoll lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt li għadha għaddejja l-investigazzjoni ma nħossx li hu pertinenti li jissemmew l-ismijiet f'dan l-istadju.

Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunita' — Safar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm siefru impjegati tal-gvern jew ta' xi entita' oħra li taqa' taħt id-dekasteru tiegħu li huma fil-grad ta' executive officer jew grad inqas, jew li għandhom salarju fi skala 14 jew inqas bejn Jannar 2003 sa Ottubru 2004? Fejn marru? Min awtorizza l-imsemmija safra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għadha qed tinġabar. Risposta tingħata f'xi seduta oħra.

Siringi tal-Juvenile Diabetics

Question

Jista' il-Ministru jikkunsidra li l-labar tas-siringi tal-juvenile diabetics jerġgħu jibdew jiġu ta' ħxuna ta' 6mm flok 8mm għaliex dawk ta' l-8mm qegħdin ibenġlu lit-tfal?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba tad-Domanda Parlamentari numru 5835.

Spiżeriji tal-Gvern — Pilloli out of stock

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10185 u cioe' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-pilloli out of stock fl-ispiżeriji tal-gvern?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta tad-Domanda numru 10185.

Rabat — Ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jinformani x'ġara mit-talbiet tiegħi u tal-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex mill-ġdid jerġa' ikun hemm tobba fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat wara l-5.00 p.m. matul il-ġimgħa, wara s-1.00 p.m. s-Sibt u l-ġurnata tal-Ħadd?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Minħabba n-nuqqas kronika ta' tobba fiċ-ċentri tas-saħħa, kien intlaħaq ftehim f'Mejju 2000 bejn id-dipartiment tas-saħħa u l-MAM biex iċ-ċentri tas-saħħa ta' Bormla, B'Kara, Ħal Qormi u r-Rabat ma joffrux servizz ta' tabib wara l-5p.m. matul il-Ġimgħa, wara 1.00p.m. is-Sibt u l-ġurnata kollha l-Ħadd. Minn dak iż-żmien lil hawn ma kien hemmx żidiet fin-numru ta' tobba sabiex jerġa' jiġi rivedut dan il-ftehim.

Rabat — Ċentru tas-saħħa

Question

Jista' il-Ministru jinformani meta se tiġi stallata l-x-ray machineil-ġdida fiċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat, Malta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 109 datata 23/06/03. Mill-analiżi tal-volum ta' nies li jistgħu jiġu bżonn dan is-servizz, mqabbla mal-ispejjeż sabiex tinxtara u titwaħħal magna tal-X-Rays ġdida, mgħammra u mħaddma sew, huwa ċar li ma huwiex għaqli li jerġa' jinfetaħ servizz tal-X-Rays fiċ-Ċentru tas-Saħħa tar-Rabat. Huwa aktar għaqli li jibqa' l-arranġament li kull meta l-pubbliku tal-Baħrija, Ħad-Dingli, l-Imtarfa, r-Rabat u l-madwar jkollhom bżonn xi X-Ray dawn jistgħu jagħmluh fl-aktar Ċentru tas-Saħħa viċin, ċioe' dak tal-Mosta.

Saħħa — Ħaddiema msiefrin fuq xogħol

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 10032 u cioe' jgħid kemm impjegati fil-ministeru siefru fuq xogħol matul is-sena 2004? F'liema pajjiżi marru? Kemm minnhom siefru economy class u kemm business class/club class? Kemm kienu l-allowances li ħadu? Kemm minnhom siefru darba, darbtejn, tliet darbiet, erba' darbiet, ħames darbiet, sitt darbiet u aktar? Kemm kienet l-ispiża totali għad-dipartiment? Kemm total ta' ġranet damu msiefra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji relatati ma' safar fuq xogħol minn impjegati fil-Ministeru tiegħi matul is-sena 2004.

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' residenti fil-home ta' l-anzjani ta' Bormla? Jista' jaqsamhom skond is-sess u l-lokalita' mnejn ġejjin? Jista' jgħid ukoll kemm hi l-waiting list għad-dħul f'din il-home?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' residenti fid-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla huwa ta' 129- 34 irġiel u 95 nisa. Il-lokalita' mnejn huma ġejjien huwa kif ġej : Lokalita' Nru ta' Residenti B'Buġia 1 Birgu 14 B'Kara 3 Bormla 51 Fgura 2 Floriana 1 Għaxaq 1 Gudja 3 Ħamrun 5 Isla 4 Kalkara 11 Luqa 2 M'Scala 1 Msida 1 Paola 6 Qormi 1 Safi 1 San Ġwann 1 Sannat 1 Sliema 1 Sta. Luċija 1 Tarxien 3 Valletta 3 Żabbar 10 Żejtun 1 Total 129

Konsulent Mediku — Foot drop

Question

Jista' il-Ministru jinnota li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament għandha bżonn urġenti li tiġi eżaminata minn konsulent mediku għall-kura tal-foot drop? Jista' il-Ministru jara għaliex qed ikun hemm diffikultajiet kbar sabiex din il-persuna tiġi assenjata tali konsulent?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Din il-mistoqsija parlamentari mhiex skond l-istanding orders, għaldaqstant mhux se nirrispondi tali mistoqsija.

SVPR — Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-proġetti li kienu ppjanati li jsiru sa l-aħħar tas-sena 2004 fir-residenza San Vincenz de Paule skond l-informazzjoni mogħtija fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari 7427 f'seduta ta' l-4 ta' Ottubru 2004 twettqux jew le? Jekk mhux kollha twettqu, liema huma dawk li tlestew u liema huma dawk li għadhom ma tlestewx u meta aktarx ikunu lesti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proġetti li kienu ppjanati li jsiru sa l-aħħar tas-sena 2004 fir-Residenza ta' San Vinċenz hu kif ġej: L- air - conditioning system tal-Wards 9/10 Nisa - it- Tendering Process sar kollu fl-2004 filwaqt ix-xogħol beda f'Jannar 2005. It- Tail-Lift V a n inxtara kif ippjanat. Il-proġett tal-Wards 1/2/3/4 Nisa nbeda fis-sena 2004 u għadu għaddej. Il-Lifts 5/6/7/8 Males - l- award tat- tender sar fit-2004 u qed nistennew li jinbeda x-xogħol. It-tisbiħ tas-Sala Psychogeriatric tan-nisa tlestiet f'Diċembru 2004. It-tisbiħ tas-Sala Psychogeriatric ta' l-irġiel inbdiet u mistenni li titlesta sa nofs Marzu li ġej.

Dipartiment ta' l-Anzjani — Care Malta Ltd.

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'ammonti ta' flus id-dipartiment ta' l-anzjani u servizzi fil-komunita' ħallas lill-Care Malta Ltd bħala ħlas għall-amministrazzjoni ta' dar ta' l-anzjani, Bormla u dar ta' l-anzjani Żejtun għas-sena 2004?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment ta' l-Anzjani u s-Servizzi fil-Komunita' ħallas l-ammont ta' Lm877,109 lill-Care Malta rigward l-amministrazzjoni ta' djar ta' l-Anzjani ta' Bormla u Żejtun għas-sena 2004. Dar ta' Bormla: Lm 56,315 (Novembru/Diċembru 2003) Lm253,833 (Jannar/ Awwissu 2004) Total Lm310,148 Dar taż-Żejtun: Lm109,675 (Novembru/Diċembru 2003) Lm457,286 (Jannar/Awwissu 2004) Total Lm566,961