Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14342?
Response (DALLI, JOHN)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li diġa tajt għall-mistoqsijiet parlamentari numru 13267ġ13459.
Kif diġa spjegajt inkun f`qagħda li nagħti t-tagħrif sa tmiem Frar 2000 fl-ewwel jiem ta` Marzu.
Jista'l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14345?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tħejjijiet tal-Bank Ċentrali għas-sħubija sħiħia fl-Unjoni Ewropea, w aktar tard fl-Unjoni Monetarja Ewropea, huma spjegati fit-tul fil-Pjan Nazzjonali għall-Adozzjoni tal-Acquis (NPAA), u preċiżament fil-parti 3.3.2 li titkellem dwar l-Unjoni Monetarja Ewropea. Dan il-Pjan għadu kemm ġie ppubblikat mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 14346?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li hekk kif pajjiż jidħol fl-Unjoni Ewropea dan ikun meqjus bħala `membru b`deroga` li jfisser li ċerti artikli tal-Unjoni li għandhom x`jaqsmu mal-Unjoni Monetarja Ewropea ma` japplikawx għalih. Madankollu, it-Trattat jgħid ukoll li, malli pajjiż jidħol fl-Unjoni Ewopea, dan għandu jikkonsidra l-politika tal-kambju tiegħu bħala waħda ta` nteress komuni għall-Unjoni u, għaldaqstant, ikun mistenni li jingħaqad fl-arranġament tal-kambju magħruf bħala ERM II. M`hemmx żmien speċifiku li matulu pajjiż irid jidħol fl-ERM II - madankollu hu mistenni li dan isir fl-iqsar żmien possibli wara li pajjiż isir membru. Hemm kriterji oħra li jridu jintleħqu qabel ma membru tal-Unjoni Ewropea jingħaqad fl-Unjoni Monetarja. Dawn għandhom x`jaqsmu mal-iżbilanċ finanzjarju tal-Gvern, il-livell tad-dejn pubbliku, ir-rati tal-imgħax għat-tul u r-rata ta` l-inflazzjoni.
Fil-każ ta` Malta, waqt li hu l-għan tal-Gvern li jingħaqad fl-Unjoni Monetarja Ewropea mill-aktar fis possibli wara li Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, hija ħaġa naturali li dan il-pass ma` jistgħax jittieħed qabel ma l-pajjiż ikun laħaq il-kriterji li ssemmew aktar `l fuq u qabel ma l-Gvern jaħseb li jkun fl-aħjar interess tal-pajjiż.
B'riferenza għall-mistoqsija preċedenti dwar privatizzazzjoni tista' tgħid kif beħsiebu jipproċedi il-gvern fir-rigward tal-white paper? Qed jikkonsidra xi leġislazzjoni dwar il-policies tiegħu f'dan ir-rigward? Meta mistennija ssir il-konferenza nazzjonali dwar il-privatizzazzjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma jirriżultax li hemm bżonn leġislazjoni fir-rigward ta` privatizazzjoni. Il-konferenza nazzjonali dwar il-privatizazzjoni qegħda diġa ppjanata għas-7 ta` April 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Dwana mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista'jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? Jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li r-risposta hija fin-negattiv.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' l-Uffiċċju tal-VAT mis-16 ta' Settembru, 1999 sa l-4 ta' Jannar, 2000? Jista' jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirrżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bejn is-16 ta` Settembru 1999 sal-4 ta` Jannar 2000 ma kien hemm ebda ħaddiema ġodda li ġew impjegati mad-Dipartment tal-VAT.
Jista' l-Ministru jgħid bħala medja kemm jiddikjaraw li jaqilgħu l-kategoriji differenti ta' professjonisti bħal avukati, tobba, periti, nutara u accountants? Tista' tagħti t-tagħrif kategorija b'kategorija?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan l-eżerċizzju qiegħed jiġi finalizzat billi qed tiġi verifikata l-informazzjoni. Dalwaqt inkun f`pożizzjoni li ngħati din l-informazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa persuni rreġistrati mal-VAT Department bħala exempt persons?
Kemm minn dawn huma: (a) tobba; (b) avukati; (ċ) periti; u (d) nutara separatament?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` persuni reġistrati mad-Dipartiment bħala persuni eżenti hu 12,929. Minn dawn, 133 huma tobba, 143 avukati u nutara, u 146 periti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm accountants jew awdituri jew kumpanniji ta'awdituri u accountants li huma reġistrati għal fini tal-liġi tal-VAT? Kemm ħallsu VAT dawn l-accountants is-sena li għaddiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` accountants, awdituri u kumpanniji ta` awdituri u accountants reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT għall-fini tat-taxxa 371. Minn dawn, 145 huma reġistrati bħala persuni eżenti għax id-dħul tagħhom ma jaqbiżx is-Lm6,000 fis-sena. Il-kumplament (226) ħallsu bejniethom is-somma ta` Lm354,956.74 matul l-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm tobba li huma reġistrati għal fini tal-liġi tal-VAT? Kemm kien l-ammont ta' dħul li ddikjaraw bħala medja? Tista' l-informazzjoni tinqasam f'żewġ kategoriji - tobba (family doctors) u tobba (speċjalisti)?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` tobba reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT għall-fini tat-taxxa hu ta` 617. Sal-15 ta` Jannar 2000 kienu laħqu bgħatu d-denunzja tat-taxxa 464. Il-medja ta` dħul (valur tal-provvista tas-servizzi mogħtija minnhom) li ddikjaraw kien ta` Lm6,873.40. Mhux possibli li l-informazzjoni tinqasam f`żewġ kategoriji - tobba u speċjalisti.
Ta` min ifikkar li s-servizz ta` tobba ma fihx VAT fuqu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm avukati u nutara reġistrati għal fini tal-liġi tal-VAT? Kemm ħallsu VAT dawn l-avukati u nutara s-sena li għaddiet?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta` avukati u nutara reġistrati mad-Dipartiment tal-VAT għall-fini tat-taxxa hu ta` 433. Sa` Diċembru 1999 kienu laħqu bgħatu d-denunzja tat-taxxa 326. Minn dawn 121 huma reġistrati bħala persuni eżenti għax id-dħul tagħhom ma jaqbiżx is-Lm6,000 fis-sena. Il-kumplament (205) ħallsu bejniethom is-somma ta` Lm148,432.65 matul l-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mal-Malta Stock Exchange mis-16 ta' Settembru, 1999 sal-4 ta' Jannar, 2000? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġewx impjegati ħaddiema ġodda meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjnijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi mpjieg, jista' l-Ministru jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bejn is-16 ta` Settembru 1999 u l-4 ta` Jannar 2000, ġew mpjegati 4 minn nies ġodda fil-Borża ta` Malta. Dawn in-nies ġew impjegati kollha minn fost lista ta` persuni mibgħuta mill-ETC u għalhekk ma kienx hemm ħtieġa li toħroġ applikazzjoni pubblika. In-numru ta il-permess kien 186\99.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 14015, ma jidhirlux l-Ministru li ħlas ta' VAT ta' Lm284.641.94 minn 4781 perit hu żgħir wisq meta tqis li dan ifisser li ras għal ras kull perit għandu turnover ta' Lm4,000 fis-sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li peress li l-Att tal-1998 dwar it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud daħal fis-seħħ f`Jannar tal-1999 u l-ewwel denunzji bdew jidħlu fid-Dipartiment f`Marzu, mhux kull perit li hu reġistrat mid-Dipartiment kien laħaq bagħat id-denunzji kollha li normalment jibgħat matul sena. Intant, minn 471 perit reġistrat mid-Dipartiment, 356 biss kienu laħqu bgħatu d-denunzji tagħhom sa` l-aħħar tas-sena. Minn dawn 129 huma reġistrati bħala persuni eżenti għax id-dħul tagħhom ma jaqbiżx is-Lm6,000 fis-sena. Il-kumplament (227) ħallsu is-somma msemmija ta` Lm284,642.
Pero` l-Onorevoli Interpellant issa jista` japprezza kif is-sistema tal-VAT tgħin biex jissaħħah l-isforz għall-ġbir ta` taxxi u kemm kien ħażin li din is-sistema ġiet stradikata mill-Gvern Laburista. Japprezza wkoll li kulħadd għandu jgħin fit-tkabbir ta` kultura li kull min jixtri prodott u servizz għandu jesiġi li jingħata rċevuta fiskali.
Rigward l-applikazzjoni Maltija għal sħubija sħiħa fl-UE, jista' l-Ministru jiddentifika it-tħejjijiet neċessarji sabiex il-Bank Ċentrali tagħna jkun jista' jiġi integrat l-ewwel fil-ESCB u aktar tard fil-Eurosystem?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall-din il-mistoqsija ser tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jikkonferma li meta pajjiż jissieħeb fl-UE l-ewwel jkun irid jipparteċipa fl-EMU bi status ta' "countries with a derogation", fi kliem ieħor b'impenn li jingħaqad mal-Euro area aktar tard u dan dejjem jekk ikun hemm "compliance" mal-kriterja ta' konvergenza meħtieġa mit-trattati li jistabilixxu il-komunita' Ewropea?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li risposta għall din il-mistoqsija se tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil dwar il-policy tal-Bank Ċentrali dwar jekk ċerti forecasts ekonomiċi/finanzjarji għandhomx jibqgħu jiġu ppubblikati jew le?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-policy tal-Bank Ċentrali dwar il-pubblikazzjoni ta` forecasts ekonomiċi. Għaldaqstant, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 13590 dwar is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew avviċinati nies intiżi fis-servizzi finanzjarji sabiex jaħdmu fuq bażi part-time għall-MFSC sabiex jagħmlu spezzjonjiet ta' istituzzjonijiet finanzjarji? X'kondizzjonijiet ġew offruti lilhom? Kif intgħażlu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ġew avviċinati persuni li fl-opinjoni taċ-Ċentru kellhom esperjenza twila u kompetenza f`xogħol relatat mas-servizzi finanzjarji jew mal-management ta` istituzzjonijiet jew kumpaniji. Ġew aviċinati numru ta` persuni u xi wħud aċċettaw, oħrajn ma aċċettawx l-inkarigu.
Dawn il-persuni qegħdin jiġu inkarigati fuq bażi part-time u ser jirċievu ħlas ta` massimu Lm2000 fis-sena. Sa issa intgħażlu tminja; tnejn fl-Insurance Unit, tlieta fl-Investment Services Unit, u tlieta fl-International Business Unit. Huma ser jwettqu xogħol ta` compliance u inspections tal-licence-holders.