Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #30939 Sitting 481 2017-02-13 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu – xogħlijiet li saru minn Destination Management Companies

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista sħiħa ta’ xogħlijiet li tqabbdu biex jagħmlu Destination Management Companies (jew operaturi simili) mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru tiegħu? Għal kull biċċa xogħol, jista’ jgħid meta tqabbdu, fiex kien jikkonsisti x-xogħol, kemm sewa u jekk tqabbdux wara proċess kompetittiv jew b’direct order?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, mill-informazzjoni li għandi, id-Destination Management Companies illi ġew imqabbda f’eventwalitajiet illi jvarjaw bejn konferenzi, inċentivi u attivitajiet oħra, mill-Ministeru u mill-entitajiet illi jifformaw parti mid-dekasteru tiegħi jinkludu: Proġett Meta tqabbdu Fiex kien jikkonsisti x-xogħol Kemm sewa (inlk. VAT) Proċess kompetittiv jew direct order Ministeru għat-Turiżmu EEED-2015 12/09/2016 Organiżżazzjoni ta’ Konferenza Internazzjonali; Social networking evening; u tour ġewwa Għawdex €7,768.91 Proċess kompetittiv Malta Tourism Authority Swiss Federation of Travel Agents/ Conference (incl. Gala dinner for 210 pax.) 13/11/2014 DMC illi tispeċjalizza fil-M.I.C.E. fis-Suq Svizzeru, biex jimmaniġġaw il-loġistika għall-avveniment. F’dan il-każ, id-DMC ħadet ħsieb tħallas lis-suppliers hi. €57,025.00 Proċess kompetittiv (Expression of Interest issued on 05/03/2014 including request for quote) JC Decaux Familiarisation Visit 04/11/2014 DMC illi tispeċjalizza fil-M.I.C.E. fis-Suq Olandiż, biex jimmaniġġaw il-loġistika għall-avveniment. €6,067.60 Proċess kompetittiv (Expression of Interest issued on 25/02/2014 including request for quote). BEA Familiarisation Visit 12/02/2015 DMC illi tispeċjalizza fil-M.I.C.E. fis-Suq Taljan, biex jimmaniġġaw il-loġistika għall-avveniment. €4,592.50 Proċess kompetittiv (Expression of Interest issued on 03/12/2015 including request for quote). Malta International Choir Festival 24/10/2015 DMC biex jipprovdi s-servizzi ta’ courier sabiex jassisti f’li jiġu milqugħa 20 kor mal-wasla fl-MIA €2,660.36 Proċess kompetittiv (Expression of Interest issued on 16/10/2015).
Leg 12 PQ #29673 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Segretarjat Privat – Safar

Question

Jista’ l-Ministru jindika, għal kull membru tas-Segretarjat tiegħu, l-ispejjeż ta’ vvjaġġar, id-destinazzjonijiet u r-raġunijiet għal tali vvjaġġar mill-2014 ‘l hawn?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #30086 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Mediterranean Conference Centre — operat

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28388, jista’ l-Ministru jgħid kif inhu kummerċjalment inkorporat l-operat tal-Mediterrenean Conference Centre (hux kumpanija privata, dipartiment jew entità)?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Dar il-Mediterran għall-Konferenzi (MCC) hija entita’ tal-Gvern, illi bħal ma’ diġa’ tennejt diversi drabi, tikkompeti ma’ kumpaniji u entitajiet oħra li joperaw fl-istess settur. Xejn ma nbidel bħala forma tal-entita’ skont il-liġi minn kif kienet taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Hekk kif qed nesperjenzaw xgħira posittiva fejn is-settur tal-konferenzi qed jikber, il-Bord u t-tim ta’ ġestjoni tal-MCC qed jaħtaf kull opportunita’ sabiex jitjieb is-servizz u jiġi ġġenerat iktar dħul. Dan filwaqt illi jiġu kkontrollati l-ispejjez sabiex l-entita’ tkun self-sustainable . Dan il-Gvern għaddej b’ħidma kontinwa sabiex Dar il-Mediterran għall-Konferenzi tingħata l-attenzjoni mistħoqqa lil dan il-wirt storiku, kif ukoll inżommu dan il-monument nazzjonali ħaj u vibranti bl-attività. Għal dan il-għan, qed jitwettqu proġetti ta’ immodernizzar ta’ faċilitajiet inkluż soundproofing, sistema ta’ arja kkundizzjonata iktar effiċjenti, dawl modern u restawr tal-bini inkluż is-Sacra Infermeria. Għas-sena 2017, il-Gvern ser jaħdem fuq proġett estensiv illi għandu iservi wkoll għat-tisħiħ tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali storiku, fejn Malta sar tibbenifika minn fond ta’ 5 miljuni mill-EU sabiex inkomplu bil-progress li bdejna. Permezz ta’ din l-inizjattiva, ser isir tibdil u titjib biex tiżdied l-aċċessibilta’ f’ċertu swali li ilhom abbandunati u fi stadju ta’ telqa għal snin twal. Kif ukoll ser jitwettaq proġett ambizjuzz li ser ikun l-ewwel tax-xorta tiegħu f’Malta li permezz ta’ teknoloġiji magħrufa bħala augmented reality , holographic technology u time-windows li bl-użu ta’ GPS, il-viżitaturi jesperjenżaw dak kollu li kien jiġri fl-era ta’ Kavallieri permezz tal-iSmart phones u tablets tagħhom.
Leg 12 PQ #30087 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

ITS jaħdem minn Smart City

Question

Peress illi fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28393, il-Ministru qal li l-ITS ser ikun kompletament funzjonali minn SmartCity fl-2019, jista’ jgħid fiex waslet l-applikazzjoni għall-permess tal-PA?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija Parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 12 PQ #30088 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Dħul mill- eko-kontribuzzjoni fuq iljieli tat-turisti f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm daħħal flus s’issa l-Gvern mill-eko-kontribuzzjoni fuq l-iljieli tat-turisti f’pajjiżna?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #30089 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Dħul mill- eko-kontribuzzjoni fuq iljieli tat-turisti f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-proġetti li ser tagħmel il-Fondazzjoni (li qed tamministra d-dħul mill-eko-kontribuzzjoni fuq l-iljieli tat-turisti f’pajjiżna) fl-2017?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari W460, datata 10 ta’ Ottubru.
Leg 12 PQ #30090 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi ta’ 5 stilel — occupancy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-occupancy fil-lukandi ta’ 5 stilel bejn Jannar u Diċembru fis-snin 2015 u 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO) bejn Jannar u Diċembru 2015 , l-occupancy f’lukandi ta’ 5 stillel kienet ta’ 70.3%. Iċ ċifri għal bejn Jannar u Diċembru 2016 ma jistgħux jingħataw għaliex il-figuri uffiċċjali mill-NSO se jiġu ppublikati fit-28 ta’ Frar 2017.
Leg 12 PQ #30091 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi ta’ 5 stilel – bed nights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-bed nights fil-lukandi ta’ 5 stilel bejn Jannar u Diċembru fis-snin 2015 u 2016?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont ċifri ppublikati mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika (NSO), bejn Jannar u Diċembru 2015, il-Bednights f’Lukandi ta’ 5 stilel ammontaw 1,648,299 lejl filwaqt li n-numru ta’ residenti kien ta’ 384,288. Iċ ċifri għal bejn Jannar u Diċembru 2016 ma jistgħux jingħataw għaliex il-figuri uffiċċjali mill-NSO se jiġu ppublikati fit-28 ta’ Frar 2017. Madanakollu skont ċifri ppublikati mill-istess NSO, bejn Jannar u Novembru tal-2016, il-Bednights f’Lukandi ta’ 5 stillel ammontaw għal 1,559,570 filwaqt li n-numru ta’ residenti kien ta’ 366,079. Meta kkomparat ma l-istess perjodu tal-2015, ifisser żieda ta’ 0.1% fl-ammont ta’ bednights u kif ukoll żieda ta’ 2.7% fuq in-numru ta’ residenti li qagħdu f’lukandi ta’ 5 stillel.
Leg 12 PQ #30667 Sitting 478 2017-02-06 Oral · Final From: ROBERT ARRIGO To: Ministeru għat-Turiżmu

Gwidi — liċenzji

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ gwidi ġodda li ħarġu bil-liċenzja fl-2016? B’liema lingwi jitkellmu? Kemm hemm gwidi li qed isegwu l-kors? F’liema lingwi? Kemm hemm gwidi li waqfu jaħdmu fl-2015 u fl-2016 u b’liema lingwa/i?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #30085 Sitting 477 2017-02-01 Oral · Final From: CLAUDIO GRECH To: Ministeru għat-Turiżmu

Air Malta – impjegati ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 28389 u jgħid kemm ġew impjegati persuni ġodda mal-Air Malta fis-snin 2015 u 2016, u jagħti l-informazzjoni skont il-grad li fihom ġew impjegati?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2015 ġew impjegati 148 impjegat li 140 minnhom kienu ngaġġjati mal-kumpanija fuq bażi temporanja u part-time bħala cabin crew, clerks, airport handlers u junior first officers fil-peak period partikolarment bejn April u Ottubru. Fis-sena 2016 ġew impjegati 132 ħaddiem li kollha kemm huma ġew impjegati fuq bażi temporanja u part-time fl-istess gradi u perjodu imsemmija aktar ‘l fuq. Impjiegi ma’ l-Air Malta fuq bazi temporanja u part-time huma prassi normali, illi ilha tiġi applikata sa mis-sena 1996, sabiex jibqa’ jinzamm il-livell ta’ kwalita’ li l-kumpanija ta’ l-ajru tagħna hi tant rinomata għalih. Ninforma ukoll lill-Onorevoli interpellant li fl-2012, li kienet l-aħħar sena sħiħa ta’ gvern preċedenti, ma’ l-Air Malta ġew impjegati 310 persuni f’sena waħda biss li minnhom 234 kienu fuq bażi temporanja u part-time.
Leg 12 PQ #30348 Sitting 477 2017-02-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — person of trust u position of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 30335 u 29916 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru hemm tlett persuni f’position of trust u tmintax bħala persons of trust.
Leg 12 PQ #29657 Sitting 476 2017-01-31 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — persuni li m’għadhomx fis-Segretarjat

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk il-persuni li għal xi raġuni jew oħra m’għadhomx jaħdmu fis-Segretarjat minn April 2013?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kienu 18-il impjegati li ma baqgħux jaħdmu mas-Segretarjat Privat tiegħi minn April 2013 sal-lum. Kif kien stabbilt fl-aħħar leġiżlatura mill-Prim Ministru, fit-tweġiba li ingħatat għall-mistoqsija parlamentari 5535, dettalji personali ta’ dawn il-persuni tiġi mgħoddija lill-Onor. Interpellant jekk ikun hemm il-permess tagħhom.
Leg 12 PQ #30367 Sitting 476 2017-01-31 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għat-Turiżmu

tneħħija tal-liċenzji tal-catering u tal-lukandi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jibdew it-tħejjijiet sabiex il-liċenzji ta' negozji tal-catering u tal-lukandi jitneħħew ukoll bħalma tneħħew il-liċenzji tal-ħwienet u negozji oħra?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma l-Onor. Interpellant li hekk kif ġie mħabbar fl-aħħar baġit, it-tneħħija tal-liċenzji tan-negozju ma tinkludix lukandi, stabbilimenti tal-catering u operaturi turistiċi oħra liċenzjati mill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu. 40% tal-miżata operattiva statutorja mħallsa mill-operaturi turistiċi kollha tirrappreżenta ħlas ta’ kontribuzzjoni lill-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, filwaqt li l-bqija hija liċenzja mħallsa lill-Gvern. Kif diġà tħabbar fi Frar 2016, waqt it-tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni tar-riforma leġiżlattiva tat-Turiżmu, l-Awtorità qed taħdem mal-Ministeru għat-Turiżmu fuq revised fee structure għall-operaturi turistiċi kollha, flimkien ma’ sistema ta' liċenzjar ġdida. L-istruttura ġdida ta' tariffi hija mmirata biex tara li l-miżati tal-operat ma jiżdidux u f'xi każijiet xi operaturi jistgħu wkoll jibbenefikaw minn tnaqqis. Dan minkejja l-fatt li s-sovvenzjoni tal-Gvern għall-Awtorità Maltija tat-Turiżmu żdiedet b'mod esponenzjali matul l-aħħar snin, u minkejja l-prestazzjoni pożittiva rreġistrata fis-settur tat-turizmu fl-aħħar snin. Barra minn hekk, wieħed għandu jfakkar illi l-ħlas ta' kontribuzzjoni baqgħu ma ntmessux għal numru ta' snin. Madankollu, il-ħlasijiet ġodda ser jiġu diskussi mar-rappreżentanti tal-industrija qabel ma jiġu mħabbra.
Leg 12 PQ #30500 Sitting 476 2017-01-31 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Swieqi – CCTV Cameras

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 30115, billi fir-risposta qed jingħad li s-CCTV Cameras kienu se jitwaħħlu għaliex il-Gvern sema’ l-ilmenti tar-residenti tas Swieqi, u għaliex inħass l-effett tat-turiżmu fuq iż-żona, jista’ l-Ministru jara li jekk bl-istess argument, kellhomx jibdew jiġu stallati wkoll cameras f'lokalitajiet bħal Buġibba, Qawra u San Pawl il-Baħar, fejn it-turiżmu hu ferm iktar qawwi?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’hemm xejn x’inżid mat-tweġiba illi ngħatat għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 30115, datata 25 ta’ Jannar 2017.
Leg 12 PQ #30322 Sitting 475 2017-01-30 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Il-Bajja tax-Xemxija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar xi żviluppi ġodda kien hemm għal dak li jikkonċerna l-Bajja tax-Xemxija matul l-2016? Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk fil-fatt tlestewx xi studji partikulari dwar l iżvilupp ta' din il-bajja? Meta hu mistenni li jinbeda xi xogħol fuq il post?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istudji baqgħu għaddejin u fil-fatt tlesta l-Environmental Impact Assessmnt (EIA) li ġie sottomess kemm lill-Awtorità tal-Ambjent u Riżorsi (ERA) kif ukoll lill-Awtorità tal-Ippjanar (PA). Peress li l-proċess tal-ippjanar għadu għaddej, inħoss li hu prematur li wieħed jitkellem fuq xogħol fil-post.
Leg 12 PQ #30114 Sitting 474 2017-01-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Lukandi u stabbilimenti — sodod

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu preżentement, wara l-estensjonijiet li saru fil-lukandi, u stabbilimenti oħra ta' residenza għat-turisti, in-numru ta' sodod li huma liċenzjati f'kull lokalità f'Malta, skont il-kategoriji tal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu, lokalità lokalità? X'żieda hi mistennija li sseħħ, skont l-applikazzjonijiet approvati mill-istess Malta Tourism Authority (MTA), wara li jinbnew il-faċilitajiet approvati mill-MTA, u li għadhom mhux qed jintużaw bħalissa, lokalità lokalità?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu għandha total ta’ sebgħa u tletin elf, tlett mija u sittin (37,360) sodda liċenzjati magħha fil-kategoriji ta’ Lukandi, Villaġġi Turistiċi, Guest Houses u Hostels. Addizzjonalment, l-Awtorità approvat numru ta’ applikazzjonijiet fl-istess kategoriji li jammontaw għal total ta’ sitt elef u ħames mija u ħamsa u disgħin (6,595) sodda oħra f’ dawn l-aħħar sentejn li għadhom f’diversi stadji tal-proċess qabel ma jiġu illiċenzjati biex jintużaw. L-informazzjoni, lokalità bl-lokalità, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #30115 Sitting 474 2017-01-25 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għat-Turiżmu

Swieqi – CCTV Cameras

Question

Billi fil-ġurnali lokali ntqal li l-Ministeru ser ikun qed jgħin biex matul din is-sena jiġu stallati numru ta’ CCTV Cameras fl-inħawi tas-Swieqi, bl-għajnuna tal-Malta Tourism Authority (MTA), jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan hux ser isir bħala parti minn xi skema nazzjonali, jew jekk dan hux każ uniku? Jekk hu mistenni li jkun hemm lokalitajiet oħra fejn ser jiġu stallati dawn il-cameras, jista’ jagħti tagħrif dwar fejn fil-fatt hu mistenni li jiġu stallati iktar cameras? Jekk għad ma hemmx pjan sħiħ dwar dan, jista’ jikkunsidra li tali cameras jiġu wkoll stallati f’diversi nħawi ta’ San Pawl il-Baħar, meta hu magħruf li din il-lokalità għandha l-ikbar numru ta’ sodod ta’ lukandi u stabbilimenti turistiċi oħra?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi kien primarjament dan il-Gvern li sema’ l-ilmenti tar-residenti tas-Swieqi u ħa azzjoni fuq l-installazzjoni ta’ CCTV cameras għalkemm din iż-żona ilha iġġorr l-effett dirett mit-turiżmu għal dawn l-aħħar għexieren tas-snin. M’hemmx dubju li din l-inizjattiva, wara li wieħed jara l-andament tagħha, tiġi estiża għal żoni oħra fejn għandek residenti f’lokalitajiet differenti li jħossu l-effetti tas-settur fuq iż-żona fejn jgħixu.
Leg 12 PQ #29641 Sitting 473 2017-01-24 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — Segretarjat Privat - lista aġġornata

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-membri tas-Segretarjat Privat tiegħu u s-salarji rispettivi tagħhom?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat tiegħi huma kif stabbiliti fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġà tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #30035 Sitting 473 2017-01-24 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru għat-Turiżmu

Ministeru għat-Turiżmu — person of trust u position of trust

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 29916 u jgħid kemm-il person of trust u position of trust, elenkati separatament hemm fil-Ministeru tiegħu sal-jum li fih tkun imwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #29594 Sitting 472 2017-01-23 Oral · Final From: MARIO DE MARCO To: Ministeru għat-Turiżmu

Supplementary Financial Estimates 2016 – Professional Services – nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif intefqu l-€1,000,900 f’Professional Services kif jidher fid-dokument Supplementary Financial Estimates 2016? Jista’ jgħid liema servizzi ġew koperti b’din in-nefqa? Jista’ jgħid f’kull każ jekk saritx sejħa għall-offerti qabel ingħata s-servizz?

Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.