Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #27608 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Freeport

Question

Jista' l-Ministru gentilment jgħid kemm daħlu jaħdmu nies il-Freeport mill-1 ta' Mejju 2001 sal-lum? Fl-liema ġrad daħlu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li bejn l-1 ta' Mejju u t-23 ta' Lulju ta' din is-sena ġew impjegati tmienja u għoxrin ħaddiem ġdid mal-Korporazzjoni tal-Port Ħieles. Il-ħaddiema ġodda ġew impjegati bħala mechanics, student ħaddiem (għall-perjodu tas-sajf biss), general duties man, kok, assistant kok, skrivani u kontrolluri tas-sigurta'.
Leg 9 PQ #27633 Sitting 588 2001-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' titjiriet tal-ajru li kienu suġġett għall- xi delay tat-titjira mit-tluq tagħhom minn Malta matul l-ewwel xhur tas-sena? Kemm kien in-numru ta' passiġġieri nvoluti? Liema linji ta' l-ajru kkawżaw dawn id-delays fl-Airport Internazzjonali ta' Malta

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li bejn Jannar u Ġunju ta' din is-sena kien hemm 2,502 titjiriet li kienu suġġetti għal "delays" ta' aktar minn ħmistax-il minuta. It-total ta' passiġġieri involuti f'dawn id-"delays" kien ta' 276,561. Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija ma naħsibx li jkun etikament prudenti li tingħata informazzjoni dwar il-linji ta' l-ajru li kkawżaw dawn id-"delays".

Enemalta — Impjegati - Għoti ta' Demm

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27229?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul din is-sena, bejn Jannar u Ġunju, 298 impjegat tal-Korporazzjoni Enemalta talbu u ngħataw permess sabiex imorru jagħtu d-demm waqt il-ħin tax-xogħol. In-numru ta' ħaddiema li ngħataw permess, xahar b'xahar, kien kif ġej: Jannar 65 Frar 51 Marzu 56 April 37 Mejju 54 Ġunju 35

Enemalta — Impjieg ta' Perit

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27230?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li ma saret l-ebda sejħa interna għall-applikazzjonijiet peress li ma kienx hemm impjegati fi ħdan il-Korporazzjoni li kellhom il-warrant ta' arkitett u inġinier ċivili. Minħabba dan l-Enemalta kisbet il-permess mingħand il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ sabiex tkun tista' timpjega perit fuq bażi "full time". L-għażla saret minn bord imwaqqaf apposta mill-Enemalta. Il-Bord eżamina l-applikanti li ġew riferuti mill-istess Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Il-persuna magħżula, li għandha esperjenza estensiva, ingħatat il-grad u l-iskala relattiva għall-esperjenza li għandu.
Leg 9 PQ #27556 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Somma ta' l-Irtirar

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27428, il-post tax-xogħol tal-persuna msemmija kienet il-kumpanija Maltacom, ex-Telemalta. Jista' issa jekk jogħġbu jwieġeb il-mistoqsija oriġinali?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferuta lill-Maltacom sabiex tingħata l-attenzjoni xierqa.
Leg 9 PQ #27575 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA

Question

B'referenza għat-tweġiba parlamentari nru. 27451, kemm ilu direttur Joe R Darmannin fl-MIA? Mill-ħatra tiegħu sal-llum kemm-il laqgħa żejda għamel barra dawk tal-bord tad-diretturi u tħallas tletin lira? Kemm huma l-ħlasijiet li ha mill-MIA kemm ilu fil-kariga ta' direttur u meta saru? Minħabba li l-ammont ta' safar ta' persuna li hu direttur ta' kumpanija pubblika mhux ta' natura kummerċjali iżda hu ta' interess pubbliku, jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' meta dan id-Direttur siefer fuq xogħol, fejn mar u kemm tħallas f'allowances żejda għal dawn iż-żjarat barra minn xtutna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mis-26 ta' Ottubru 1998, kull darba li xi direttur ta' l-M.I.A. siefer, u l-ispejjeż ta' dan is-safar tħallas mill-Kumpanija, dan kien dejjem konness ma' xogħol ta' l-istess Kumpanija u għax kien hemm bżonn. Fir-rigward tal-ħlas lid-diretturi għal laqgħat li mhumiex dawk tal-Bord, jiena nfurmat li l-prattika li qed tintuża llum hija l-istess li kienet tintuża mill-Bord tal-Kumpanija fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Tajjeb jingħad li skond il-liġi, l-M.I.A. tippubblika kemm ħadu flus id-Diretturi tagħha matul sena finanzjarja. L-ammont totali f'dawn l-aħħar snin kien kif ġej: April 1998 - Marzu 1999 Lm23,688 April 1999 - Marzu 2000 Lm22,140 April 2000 - Marzu 2001 Lm23,725
Leg 9 PQ #27507 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

GWU

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 27014, jista' jgħid jekk jistax jivverifika l-pagamenti li għad iridu jitħallsu lil ex-ħadddiema ta' l-ex-lukanda Verdala, jekk il-GWU tgħaddilu l-ammonti tal-pagamenti pendenti, skond kif iddikjara waqt il-ħin tal-mistoqsijiet f'seduta preċedenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp qatt ma kellha claim mingħand il-G.W.U. dwar pagamenti lill-ex ħaddiema tal-lukanda Verdala. Ta' min jinnota li fl-1984, il-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp xtrat biss il-proprjeta', jiġifieri il-likanda u l-blokk ta' appartamenti u dakinhar ma saret ebda riferenza għall-kwistjoni tal-ħaddiema ta' l-ex lukanda.
Leg 9 PQ #27490 Sitting 584 2001-07-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Mosta

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani x'passi ħa l-Ministeru dwar kopja ta' ittra li rċieva s-segretarju Parlamentari Edwin Vassallo nhar it-2 ta' Ottubru 2000 li tagħha qed nibgħat koppja separatament? Jista' l-Ministru jinfurmani x'titjib sar bħala riżultat tal-passi li ttieħdu u x'inhija s-sitwazzjoni tar-residenti ta' dawn it-toroq partikulari fil-Mosta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif jaf tajjeb l-Onorevoli Interpellant, l-ittra ma ġietx indirizzata lill-Ministeru iżda lil diversi persuni u korpi, fosthom is-Segretarju Parlamentari l-Onorevoli Edwin Vassallo. Jiena ċert li l-Onorevoli Segretarju Parlamentari mhux biss ħa interess fil-materja iżda qed jagħmel dak kollu possibbli biex tinstab soluzzjoni li tkun ta' sodisfazzjoni għall-partijiet kollha.
Leg 9 PQ #27405 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

San Pawl il-Baħar — Triq Emanuel Pinto

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ta' spiss is-servizz ta' l-ilma fi Triq Emanuel Pinto, San Pawl il-Baħar, qed ikun maqtugħ?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant ġie mgħoddi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma sabiex issir l-investigazzjoni meħtieġa u jekk ikun il-każ tittieħed azzjoni rimedjali.
Leg 9 PQ #27428 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Somma ta' l-Irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu b'mod separat, huwiex intitolat għas-somma issa li spiċċa bl-eta' u dan skond ftehim li kien sar fis-snin sebgħin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ikun apprezzat jekk ml-Onorevoli Membru jagħtini aktar dettalji dwar il-persuna, b'mod partikulari l-post tax-xogħol fejn kien jaħdem qabel irtira.
Leg 9 PQ #27445 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Fire Proof

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema bibien huma fire proof fid-dar ta' l-Anzjani ta' Bormla?

Response (BONNICI, JOSEF)

Peress li d-djar ta' l-anzjani ma jiffurmawx parti mid-dekasteru tiegħi, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 9 PQ #27447 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Retail Trade

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi il-politika tal-Gvern Nazzjonalista dwar il-prospett ta' sehem barrani fir-retail trade ta' pajjiżna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fuq linji ġenerali, il-Gvern iħares pożittivament lejn investiment minn barra l-pajjiż għaliex dan mhux biss jimplika injezzjoni ta' flus barranin fl-ekonomija Maltija, iżda wkoll, ħafna drabi, iġib miegħu ideat ġodda li jaghtu spinta għal innovazzjoni f'pajjiżna. Fil-passat dawn il-kunsidrazzjonijiet kienu aktar asoċjati b'mod dirett ma' ċerti oqsma bħall-manifattura aktar milli ma' oqsma oħra bħalma huwa il-bejgħ bl-imnut. Iżda bil-mod kif qed tiżviluppa l-attivita' ekonomika, fejn qed issir dejjem aktar globali, illum dawn il-kunsiderazzjonijiet jgħoddu għal kull qasam ta' l-attivita' ekonomika.
Leg 9 PQ #27451 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Chief Executive

Question

Jista' l-Ministru jgħid l-persuna li isimha qed jidher separatament bediex jaqdi rwol eżekuttiv fl-MIA? Għaliex u kemm jitħallas ta' kull ġurnata li jagħmel? Minn meta beda jaqdi din il-funzjoni kemm tħallas tal-ġranet li għamel u x'allowances oħra ingħatawlu xahar b'xahar minn meta ħa l-ħatra sal-aħħar ta' Ġunju? Għaliex ma ngħatatx ħatra ta' Chief Executive? Min meta ma kienx hemm Chief Executive? Minn kemm ilu direttur tal-MIA, kemm-il darba siefer, fejn mar u meta siefer fuq xogħol tal-kumpanija? X'allowance extra ingħata għal kull ġurnata li kien impenjat xogħol barra, barra s-salarju u l-allowance li kien qiegħed jingħata għal full time executive role sal-aħħar ta' Ġunju li għadda?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-persuna li qed issir riferenza għaliha ma bdietx taqdi rwol eżekuttiv fl-M.I.A. Din il-persuna hija direttur tal-Kumpanija u bħal kull direttur ieħor tal-Kumpanija tirċievi remunerazzjoni ta' Lm800 fis-sena u Lm30 għal kull laqgħa li jattendi li ma tkunx dik tad-Diretturi. Id-doveri ta' Chief Executive tal-Kumpanija jaqdihom ic-Chairman, u dan ilu jagħmlu mis-26 ta' Ottubru 1998. L-informazzjoni li qed tintalab fl-aħħar parti tal-mistoqsija hija ta' natura kummerċjali u għaldaqstant ma nħossx li din għandha tiġi ppubblikata.
Leg 9 PQ #27399 Sitting 582 2001-07-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Dwal Pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 27267?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni Enemalta qed tistħarreġ is-suġġeriment ta' l-Onorevoli Interpellant u fejn ikun meħtieġ tieħu l-passi rimedjali.
Leg 9 PQ #27329 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Trobbija tal-Majjal — Għalf

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex l-għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjal bejn il-perijodu minn tliet xhur sa seba' xhur għola minn Lm140.00 għal Lm190.00 it-tunnellata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn investigazzjonijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Kummerċ irriżulta li l-prezz tal-prodott imsemmi huwa fil-fatt Lm95.20 it-tunnellata. Dan il-prezz ilu hekk mill-1988. Tajjeb jingħad li l-prezz ta' l-għalf għall-majjali ż-żgħar huwa dejjem għola minn dak għall-majjal akbar. Jidher li f'dan il-każ ġew ikkwotati prezzijiet ta' għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjali ta' bejn l-4 u t-12-il ġimgħa.
Leg 9 PQ #27330 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Trobbija tal-Majjal — Għalf

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex l-għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjal bejn il-perijodu ta' 4 sa 12-il ġimgħa għola minn Lm95 għal Lm123 it-tunnellata?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li minn investigazzjonijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Kummerċ irriżulta li l-prezz tal-prodott imsemmi huwa fil-fatt Lm190 it-tunnellata. Dan il-prezz ilu hekk għal dawn l-aħħar ħames snin. Tajjeb jingħad li l-prezz ta' l-għalf għall-majjali ż-żgħar huwa dejjem għola minn dak għall-majjal akbar. Jidher li f'dan il-każ ġew ikkwotati prezzijiet ta' għalf li jintuża għat-trobbija tal-majjali ta' bejn it-3 u s-7 xhur.
Leg 9 PQ #27331 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Soyabean

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex is-soyabean għoliet minn Lm115 it-tunnellata għal Lm133 matul dawn l-aħħar xhur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li minn investigazzjonijiet li saru mid-Diviżjoni tal-Kummerċ, jirriżulta li l-prezz internazzjonali tas-soyabean għola u għaldaqstant il-prezz ta' dan il-prodott f'pajjiżna matul dawn l-aħħar xhur huwa ta' Lm133 it-tunnellata. Tajjeb jingħad li r-raġuni għal din iż-żieda fil-prezz minn barra hija direttament relatata ma' l-iżviluppi li kien hemm dwar il-marda tal-BSE, fejn fid-dinja kollha beda jintuża s-soyabean biss minflok soyabean bi preparamenti oħra. Tajjeb jingħad ukoll li peress li s-soyabean hu prodott bażiku ta' materja prima u huwa wkoll is-sors prinċipali ta' proteina għall-għalf bilanċjat tal-majjal, il-prezz ivarja minn ġurnata għall-oħra. Ta' min jinnota wkoll li f'dawn l-aħħar tnax-il xahar id-dollaru issaħħaħ fil-konfront tal-Lira Maltija u dan kellu effett fuq il-prezz ta' l-importazzjoni ta' dan il-prodott. Dawn il-fatturi wasslu biex kien hemm żieda ta' mdwar 41 dollaru Amerikan fit-tunnellata bħala riżultat tal-varjazzjoni fil-prezz internazzjonali u madwar ħames liri Maltin minħabba ċ-ċaqlieq fil-kambju.
Leg 9 PQ #27332 Sitting 581 2001-07-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Trobbija tal-Majjal

Question

Jista' l-Ministru jinformana kemm huwa kkalkolat għall-gvern li għolew l-ispejjeż tal-produtturi lokali tat-trobbija tal-majjal matul dawn l-aħħar xhur?

Response (BONNICI, JOSEF)

Filwaqt li fuq linji ġenerali l-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi għandu interess f'kull materja li għandha x'taqsam ma' l-iżvilupp ekonomiku tal-pajjiż, il-qasam agrikolu, inkluż it-trobbija tal-majjal, jaqa' taħt ir-responsabbilta' diretta tal-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd.
Leg 9 PQ #27317 Sitting 580 2001-07-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kummerċ — Għoli fil-Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena kemm-il prodott manifatturat lokalment - bħax-xorb minerali, ilma, eċċ. - għola fil-prezz? B'kemm f'kull każ? Meta ditta tgħolli l-prezz ta' xi prodott trid titlob il-permess tad-dipartiment tal-kummerċ minn qabel?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba fl-ewwel żewġ partijiet tal-mistoqsija. Ta' min ifakkar li bis-saħħa tat-tneħħija tal-levies, numru sostanzjali ta' prodotti bħal deterġenti, sapun, prodotti magħmulin mill-karta u oħrajn, kellhom roħs mhux żgħir fil-prezz. Tajjeb jingħad li dawn huma l-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut kif rakkomandati mill-manifatturi ta' dawn il-prodotti. Tajjeb jingħad ukoll li f'ħafna każi l-prezzijiet attwali minn diversi stabbilimenti huma anqas minn dawk rakkomandati mill-produtturi. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, ninforma lill-Onorevoli Membru li kemm il-darba l-prezz tal-bejgħ ta' oġġett mhuwiex stabbilit bi price order speċifiku, ditta li tgħolli l-prezz ta' tali oġġett, ma jkollhiex il-ħtieġa li titlob il-permess minn qabel tad-Diviżjoni tal-Kummerċ. Madanakollu, tajjeb jingħad li fejn ikun hemm dominanza fis-suq minn xi prodott, kif definit fil-liġi dwar il-kompetizzjoni ġusta, jew inkella jirrżulta li prodott qed igawdi minn protezzjoni ta' xi levy, ikun meħtieġ clearance mill-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni Ġusta qabel ikun hemm iż-żieda fil-prezz.