Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bring-in Sites — tibdil

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu l-ħsieb biex il-bring-in sites li llum ilhom fis-servizz madwar għaxar snin jibdew jiġu mibdula? Huwa minnu li din l-ispiża se tgħaddi fuq il-kunsilli rispettivi? Jekk le, x’inhu l-pjan biex dawn jinbidlu b’mod gradwatorju?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-WasteServ li l-bring-in sites kienu koperti b’kuntratt bejn il-WasteServ u l-Kunsilli Lokali li skada f’Awwissu li għadda. Teknikament minn dakinhar dawn saru responsabbilita` tal-Kunsilli Lokali. Madankollu għaddejjin diskussjonijiet mal-Minsteru kkonċernat sabiex tkun identifikata l-aħjar triq il-quddiem.

Waste Transfer Station u CA Sites

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda jaħdem il-Waste Transfer Station f’Għawdex u c-CA Site tal-Pitkalija għax fi stqarrija pubblika l-WasteServ qalet li dawn il-proġetti qegħdin on-track?

Response (BRINCAT, LEO)

Nikkonferma li mill-informazzjoni mgħoddija lili mill-WasteServ, il-proġetti qegħdin on-track. Il-Waste Transfer Station f’Għawdex ser jibda jaħdem għall-aħħar tas-sena 2015, filwaqt li s-CA Site f’Ta’ Qali ser tinfetaħ għall-użu tal-pubbliku qabel l-aħħar tas-sena 2014.

Impjant ta' Sant'Antnin – monitoraġġ ambjentali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala s-sit elettroniku tal-Wasteserv qed jindika (għall-anqas sat-8 ta' Ottubru) li l-aħħar monitoraġġ ambjentali tal-Impjant ta' Sant'Antnin sar f'Jannar 2014? Għaliex ma ttellgħux aktar rapporti minn dak ix-xahar sal-lum? Huwa każ li ma sarux, jew li ma ġiex aġġornat is-sit?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-WasteServ tikkonferma li l-monitoraġġ ambjentali jsir kull tlett xhur. Il-kumpanija tikkonferma li l-monitoraġġ sar anke fix-xahar ta’ Ġunju 2014. Ir-riżultati għadhom ma jidhrux fuq is-sit elettroniku għax dan għadu jrid jiġi aġġornat. Il-WasteServ tikkonferma ukoll li dan l-istess monitoraġġ qiegħed isir anke matul ix-xahar t’Ottubru.

TTF emission readings

Question

Jista' l-Ministru jgħid għala skont statistika mtella' fuq is-sit elettroniku tal-Wasteserv bejn it-3 u s-6 ta' Ottubru 2014 it-TTF emission readings immarka 0? Ġew investigati dawn ir-riżultati? Jekk iva, x'kienet ir-raġuni għalihom?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, fl-istatistika mtella' fuq is-sit elettroniku tal-WasteServ bejn it-3 u s-6 ta' Ottubru 2014, it-TTF emission readings immarka 0 minħabba li l-impjant kien mitfi għal manutenzjoni ta’ rutina.

Wied il-Għajn – Il-Magħluq — riabilitazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux il-ħsieb jintervjeni sabiex jiġi riabilitat u mmonitarjat aħjar is-sit fil-Magħluq f'Wied il-Għajn li huwa wkoll parti min-network Natura 2000? Hemm il-ħsieb li jiġu rilokati papri li ġew introdotti minn xi nies xi ftit tas-snin ilu u li jingħad li qed jattiraw għad kbir ta' firien?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-materja nkwistjoni taqa’ taħt ir-responsabilità tal-MEPA. Għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat

Tibdil fil-Klima – stima ta’ Commitments

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra stima ta’ kemm huwa pproġettat li se jiswew lil pajji¿na l-commitments li għamel aċċenn għalihom il-Prim Ministru fil-Konferenza tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-bidla fil-klima fit-23 ta' Settembru li għadda, speċjalment dawk il-commitments li jmorru lil hinn mill-commitments li għandha Malta mal-EU dwar l-istess qasam?

Response (BRINCAT, LEO)

Nixtieq ninforma lil-Onor. Interpellant illi l-impenji li għamel referenza għalihom il-Prim Ministru waqt il-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-bidla fil-klima fit-23 ta’ Settembru li għadda, huma relatati mal-impenji li Malta għandha bħala membru fil-Kyoto Protocol taħt il-UNFCCC u b’hekk ukoll l-impenji li għanda Malta mal-Unjoni Ewropea f’dan il-qasam. Malta għandha l-obbligu li, bħala pajjiż żviluppat, kif inhi rikonoxxuta fl-Anness Nru. I tal-Kyoto Protocol u bħala Membru tal-Unjoni Ewropea, tipprovdi r-riżorsi neċessarji kemm b’mod finanzjarju kif ukoll permezz ta’ assistenza teknika sabiex timplimenta u tassisti pajjiżi aktar vulnerabbli minnha sabiex huma ukoll jimplimentaw l-istess protocol. F’dan ir-rigward, wieħed mill-impenji teknikċi sabiex jintlaħqu dawn l-obbligi huwa li Malta ser tagħti boroż ta’ studji lill-pajjiżi aktar vulnerabbli u pajjiżi oħra li għadhom qed jiżviluppaw. Għalhekk dawn il-boroż ta’ studji ser ikunu parti mill-obbligu li pajjiżna ser jikkometti għall-implimentazzjoni tal-Kyoto Protocol rigward l-azzjonijiet favur il-klima.

Laqgħa tal-SCRC — rappreżentanza Maltija

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk Malta kenitx rappreżentata fil-laqgħa tal-SCRC li nżammet riċentement f'Madrid, liema laqgħa tippreċedi l-laqgħa ta' l-ICCAT li se tinżamm iktar tard din is-sena? Jekk iva, min ħa sehem fil-laqgħa, u x'pożizzjonijiet ittieħdu mir-rappreżentant/i Malti/Maltin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li bħal ma jiġri kull sena Malta attendiet għal-laqgħa li saret f’Madrid. Min-naħa ta’ Malta attenda Uffiċjal Xjentifiku Anzjan bħala parti mid-delegazzjoni tal-Unjoni Ewropea. Infakkar lill-Onor. Interpellant li fil-materja ta’ konservazzjoni tal-ħut, l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva u kull pożizzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali tittieħed minn rappreżentanti tal-Kummisjoni Ewropea.

Torri ta' Marsaxlokk — ċentru tar-riċerka dwar l-akwakultura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar fejn hu mistenni li jiġi rikolat iċ-ċentru tar-riċerka dwar l-akwakultura li ilu snin twal fit-torri ta' Marsaxlokk? X'investiment hu mistenni li jsir u min hu maħsub li jagħmel dan l-investiment?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, bħalissa m’hemmx pjan li ċ-Ċentru ta’ Riċerka dwar l-Akkwakultura jiġi rilokat

Raħal Ġdid — Qtugħ ta’ siġar

Question

Jista’ l-Ministru jibgħat lil xi ħaddiema biex jaqtgħu s-siġar ta’ maġenb ix-showroom tal-kmamar tal-banju fi Triq l-Arkata, Raħal Ġdid, għax kibru ħafna?

Response (BRINCAT, LEO)

Peress li l-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkoneċernat.

WasteServ – re-deployment ta’ professjonisti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm irriżenjaw jew ġew re-deployed professjonisti mill-WasteServ f’dawn l-aħħar erba’ xhur? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni, każ b’każ, li dawn il-professjonisti ċċaqilqu mill-WasteServ? Jista’ jgħid kemm kienu ilhom il-professjonisti li matul dawn l-erba’ xhur irriżenjaw jew ġew re-deployed mal-WasteServ każ b’każ? Jista’ jgħid x’kienu l-aħħar responsabilitajiet ta’ dawn il-professjonisti, wieħed wieħed jew waħda waħda, qabel irriżenjaw jew ġew re-deployed?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.

L-Inċineratur tal-Marsa, l-Impjant ta’ Sant Antnin u l-Landfill — operaturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-kwalifiki u l-esperjenzi tal-uffiċjali li llum qed joperaw l-inċineratur tal-Marsa, l-Impjant ta’ Sant Antnin u l-landfill tal-Għallis? Jista' jagħti din l-informazzjoni b’mod individwali għal kull impjant imsemmi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.

WasteServ, l-Impjant ta’ Sant Antnin, l-Inċineratur u l-Landfill — organigrammi

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta l-organigramma tal-WasteServ kollha u kif ukoll l-organigramma tal-operat ta’ kull impjant, u ċjoè, Sant Antnin, Landfill u l-Inċineratur?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli bl-informazzjoni miġbura. Tabella A turi l-organigramma tal-WasteServ, filwaqt li Tabella B turi l-organigramma ta’ Sant’ Antnin, l-organigramma tal-Landfill u l-organigramma tal-Inċineratur.

WasteServ – Żieda fir-Riċiklaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif fi stqarrija pubblika li ħarġet il-WasteServ qed jingħad li r-riċiklaġġ żdied f’dawn l-aħħar sentejn? Jista’ jippreżenta l-istatistika uffiċjali li turi dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura. L-informazzjoni titkellem waħidha.

Impjant ta’ Sant Antnin –skemi għal skart separat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-iskemi li llum idaħħlu skart separat fl-Impjant ta’ Sant’Antnin? Jista’ jgħid kemm daħal materjal għand il-WasteServ minn dawn l-iskemi sena b’sena tul dawn l-aħħar tliet snin? Jista’ jgħid x’kien l-introjtu għall-WasteServ minn dan is-servizz u mill-bejgħ tal-materjal sena b’sena tul dawn l-aħħar tliet snin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni miġbura.

Wasteserv – Tibdil fil-proċessi tal-Impjant ta’ Sant’Antnin

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-proċessi li skont il-Wasteserv iridu jinbidlu għaliex temmen li qed jikkontribwixxu għall-irwejjaħ fl-impjant ta’ Sant’Antin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żewġ proċessi li l-WasteServ temmen li minn dejjem ikkontribwixxew għall-irwejjaħ, u għaldaqstant huma komessi li jtejbu, huma l-proċess ta’ kif jidħol l-iskart fl-impjant ta’ Sant Antnin u l-proċess tal- Wet Treatment Plant.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – elettriku ġġenerat mill-iskart organiku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie ġġenerat elettriku mill-iskart organiku fl-impjant ta’ Sant’Antnin, xahar b’xahar minn Marzu 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli l-WasteServ, wara x-xogħolijiet ta’ tiswija fuq il-hydrolyser, l-ammont ta’ elettriku li qed jiġi ġġenerat mill-iskart organiku fl-impjant ta’ Sant Antnin huwa ta’ madwar 35,000kWh fil-ġimgħa. It-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra turi l-elettriku ġġenerat minn Marzu 2013 sa nofs Settembru ta’ din is-sena.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – bibien miftuħa

Question

Peress li fi stqarrija maħruġa fl-10 ta’ Settembru l-Wasteserv qalet li konsulent dwar is-saħħa u s-sigurtà ta parir li l-fast roller shutters fl-impjant ta’ Sant’Antnin iridu jinfetħu minn ħin għal ħin, jista’ l-Ministru jgħid kemm kien issuġġerit mill-istess konsulent li jkunu twal l-intervelli li fihom il-bibien iridu jibqgħu miftuħa? Jista’ jgħid jekk il-MEPA ġietx infurmata mill-Wasteserv dwar dan il-parir u, jekk iva, meta? Kemm hemm il-ħsieb li ttul din il-prattika li qed tikkontribwixxi għal żieda fl-intejjen li joħorġu minn dan l-impjant?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għal-mistoqsija parlamentari 10825.

Impjant ta’ Sant’ Antnin – balal tal-RDF mitfugħa fil-landfill tal-Għallis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex, kuntrarju għal dak li qalet il-Wasterserv fi stqarrija maħruġa fl-10 ta’ Settembru 2014, il-balal tal-RDF li sa ftit ilu kienu qed jinħażnu fl-Impjant ta’ Sant’Antnin issa qed jintefgħu fil-landfill tal-Għallis? Min ta l-ordni biex isir dan?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-WasteServ li fil-verità l-prassi li l-balal tal-RDF jinħażnu fl-Għallis għada tiġi eżerċitata u ila fis-seħħ mill-2010.

Impjant ta’ Sant’Antnin — Skart ittrasporat għal-landfill tal-Għallis

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex nhar it-Tlieta, 16 ta’ Settembru 2014, l-iskart baqa’ jiġi ttrasportat mill-Impjant ta’ Sant’Antnin għal-landfill tal-Għallis sal-10pm meta l-permess tal-MEPA għal din il-landfill jistipula li operazzjoni bħal din għandha tieqaf sas-7pm?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-permess tal-MEPA bin-numru IP 0001/06/B jistipula li, fil-ġurnata msemmija, il-landfill tista’ topera sa l-għaxra ta’ bil-lejl.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – nisa f’pożizzjoni ta’ deċiżjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm nisa f'pożizzjoni ta' deċiżjoni fi ħdan id-dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tiegħu? Liema hija l-kariga ta' dawn in-nisa?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tispeċifika għal-liema pożizzjoni ta' deċiżjoni qed tagħmel referenza għalihom.