Legislature:
Category:
Reset
Active:

Nisa — impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni ta’ sess femminili li bdew jaħdmu fis-sena 2014? Kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw lura għad-dinja tax-xogħol? Kemm ġew impjegati full-time u kemm part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2014 hija kif muri fit-tabella t’hawn taħt. It-tabella turi wkoll kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw għad-dinja tax-xogħol skont in-natura tax-xogħol (full time jew part time). Nisa li bdew jaħdmu fl-2014 Full time Part time Total Nisa li biddlu xogħol f'inqas minn sena 7,474 3,775 11,249 Nisa li reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2014 wara sena, sentejn jew tlett snin inattivi 1,019 1,404 2,423 Nisa li reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2014 wara 4 snin jew aktar inattivi 694 1,165 1,859 Nisa li bdew jaħdmu fl-2014 u ma kellhomx impjieg ieħor qabel 3,673 3,562 7,235 Total ta' Nisa li rċevejna li bdew jew biddlu xogħol fl-2014 12,860 9,906 22,766

Nisa — impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni ta’ sess femminili li bdew jaħdmu fis-sena 2015 (sal-aħħar ta’ Settembru)? Kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw lura għad-dinja tax-xogħol? Kemm ġew impjegati full-time u kemm part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar kemm hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2015 hija kif jidher fit-tabella t’hawn taħt. It-tabella turi wkoll kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw għad-dinja tax-xogħol skont in-natura tax-xogħol (full time jew part time). Nisa li bdew jaħdmu fl-2015 Full time Part time Total Nisa li biddlu xogħol f'inqas minn sena 5,575 2,718 8,293 Nisa li reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2015 wara sena, sentejn jew tlett snin inattivi 679 675 1,354 Nisa li reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2015 wara 4 snin jew aktar inattivi 486 642 1,128 Nisa li bdew jaħdmu fl-2015 u ma kellhomx impjieg ieħor qabel 2,294 2,077 4,371 Total ta' Nisa li rċevejna li bdew jew biddlu xogħol fl-2015 9,034 6,112 15,146

Skejjel sekondarji – tgħallim tal-lingwa spanjola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti li għas-sena akkademika li ġejja fl-iskejjel sekondarji ta’ pajjiżna rreġistraw sabiex jibdew jitgħallmu l-lingwa spanjola? Kemm huwa l-ammont komplessiv ta’ dawk li qed jiġu mgħallma dan is-suġġett? Jista’ jindika s-sess tal-istudenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li fl-iskejjel sekondarji tal-Gvern l-iSpanjol qed jiġi mgħallem kif ġej: Form 1 Form 3 (Option) Total (Form 1 sa Form 5) Grand Total Bniet Subien Bniet Subien Bniet Subien Bniet u Subien 181 146 19 10 773 665 1438 In-numru ta’ studenti li qegħdin jitgħallmu l-iSpanjol fl-iskejjel sekondarji non-statali huwa: SubienBnietTotal 9067157

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – nefqa f’petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intefaq f'petrol u diesel mill-Ministeru tiegħu, inkluż id-dipartimenti, awtoritajiet u entitajiet illi jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu, bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Ġunju 2015? Jista' jgħid mil-liema pompi tal-petrol inxtara l-fuel u jagħti break down skont il-pompi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Skejjel Indipendenti – għajnuna finanzjarja

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’għajnuna finanzjarja ingħatat minn April 2013 sal-lum lill-iskejjel Indipendenti biex jinvestu f’riżorsi marbuta ma’ investiment f’software u liċenzji tal-IT, titjib f’faċilitajiet ta’ xjenza, titjib f’faċilitajiet sportivi, servizzi marbuta mal-ħtiġijiet individwali tal-istudenti u fl-iżvilupp professjonali tal-għalliema fl-iskejjel privati?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li taħt din l-iskema, magħrufa aħjar bħala Per Capita Scheme, fis-sena 2013 ġew rifonduti €649,998, fl-2014 ġew rifonduti €796,961 u sa Lulju tal-2015 daħlu applikazzjonijiet għal rifużjoni li jammonta għal €496,418.

Fond għas-sostenibbilità — flus utilizzati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew utilizzati flus mill-fond għas-sostenibbilità tal-iskejjel privati fl-2013, 2014 u sa issa fl-2015? F’kull każ li sar ħlas, jista’ jgħid lil liema skejjel ingħatat din l-għajnuna??

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi matul l-2013, l-2014, u l-2015 (sad-data tal-mistoqsija parlamentari), l-iskejjel privati rċevew, €649,998.00, €796,961.00, u €496,418.00 rispettivament, f’għajnuna mill-fond għas-sostenibbilità. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-iskejjel li rċevew din l-għajnuna, sena b’sena.

Skejjel tal-Istat, Knisja u Indipendenti — studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ studenti li attendew l-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f’livell primarju u sekondarju matul is-sena skolastika li għadha kif għaddiet?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li attendew l-Iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti f’livell Primarju u Sekondarju matul is-sena skolastika li għadha kif għaddiet, hu kif se nsemmi: Livelltal-Istattal-KnisjaIndipendenti Primarja1379578393374 Sekondarja1152975372342 Dawn it-totali ma jinkludux it-tfal li kienu jattendu fil-kinder u l-istudenti li kienu jattendu fl-iskejjel Post Sekondarji.

Skejjel tal-Knisja — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont allokat għall-iskejjel tal-Knisja fl-estimi tal-Gvern għas-sena kurrenti 2015? Jista’ jgħid jekk hux qiegħed jiġi kkunsidrat li din is-somma tiġi riveduta u tiżdied għall-kumplament tas-sena?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont allokat għall-iskejjel tal-Knisja fl-estimi tal-Gvern għas-sena kurrenti 2015 huwa ta’ €53,000,000. Sal-lum, din is-somma diġà kienet miżjuda b’€4,249,449 biex telgħet għal €57,249,449. Għaddejjin diskussjonijiet mal-Ministeru tal-Finanzi biex din is-somma tkompli tiżdied sal-aħħar tas-sena 2015.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk hu jew xi membri fis-Segretarjat tiegħu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi li nħarġu f’ismu jew f’isem xi ħadd fis-Segretarjat tiegħu? Jekk fl-affermattiv min huma dawk awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards għal kull credit card minn Marzu 2013 u jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – entitajiet — użu ta’ credit cards pubbliċi

Question

Jista’ l-Ministru jinforma jekk l-entitajiet li jaqgħu taħtu jagħmlux użu minn credit cards pubbliċi? Jekk fl-affermattiv min huma dawk l-entitajiet li huma awtorizzati li jużaw dawn il-credit cards? Għal liema skop jintużaw dawn il-credit cards? Kemm kienet in-nefqa minn dawn il-credit cards pubbliċi għal kull entità minn Marzu 2013 u jista’ jelenka separatament l-iskop wara kull nefqa? Jista’ jgħid ukoll minn min saru dawn il-pagamenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Salarju ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika kemm għandu salarju fl-2015 tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien id-dħul globali tiegħu għall-2015 meta jittieħdu in konsiderazzjoni s-salarju, bonuses u allowances applikabbli kemm bħala station manager kif ukoll bħala lecturer?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha mhix disponibbli. Għaldaqstant, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-istatistika rraportata fil-mistoqsija parlamentari 16817, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu part-time huma persuni li qabżu l-età tal-pensjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 kienu jaħdmu fuq bażi part-time u li l-età tagħhom kienet minn 62 sena `l fuq kien ta’ 6,228. Minnhom 5,716-il persuna kellhom l-impjieg part- time bħala xogħol primarju filwaqt li 512 kellhom part-time kif ukoll full time job.

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-istatistika rraportata fil-mistoqsija parlamentari 16817, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu part-time huma persuni li jaħdmu Għawdex?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' ħaddiema li kienu jaħdmu fuq bażi part-time f’Għawdex fl-aħħar ta’ Diċembru 2014 kien ta’ 4,065. Minnhom 2,126 kellhom l-impjieg part time bħala xogħol primarju filwaqt li 1,939 kellhom part-time u full time job.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — ħaddiema ingaġġati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm, tul is-snin 2013, 2014 u 2015 separatament ġew ingaġġati ħaddiema fil-Ministeru u fid-dekasteri varji fuq bażi ta' self-employed? Jista' jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ġentilment nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara xi jrid ifisser eżatt b’kemm “…ġew ingaġġati ħaddiema… fuq bażi ta’ self-employed?” u dan ukoll fid-dawl tal-mistoqsija sussegwenti fejn qed jitlob li “…jiġu indikati l-gradi u s-salarji bażiċi tagħhom?”.

Wied il-Għajn – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni fil-librerija pubblika ta’ Wied il-Għajn matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija ta’ Wied il-Għajn matul is-sena 2014 inxtraw 196 ktieb minn Malta Libraries u 465 ktieb ieħor ingħataw b’donazzjoni mill-Kunsill Lokali u l-pubbliku.

Il-Fgura – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni fil-librerija pubblika tal-Fgura matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija tal-Fgura matul is-sena 2014 inxtraw 71 ktieb minn Malta Libraries u 104 ktieb ieħor ingħataw b’donazzjoni mill-Kunsill Lokali u l-pubbliku.

Djar tal-Anzjani – self ta’ kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizz ta’ self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi huwiex se jiġi estiż għad-djar tal-anzjani?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li sa issa m'hemm ebda pjan biex jinfetħu libreriji fid-djar tal-anzjani. Ngħarraf ukoll lill-Onor. Interpellant li s-servizz ta’ self ta’ kotba mil-libreriji pubbliċi huwa miftuħ għal kulħadd anki l-anzjani, mil-lokalitajiet elenkati fi Skeda A tal-Att dwar il-Libreriji Maltin. Barra minn hekk jiġi offrut servizz ta’ kotba fuq cassettes li jitqassmu bil-posta bla ħlas għal dawk il-persuni li ma jistgħux joħorġu minn darhom.

Iż-Żejtun – librerija pubblika — kotba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw kotba ġodda u kemm ġew mogħtija b’donazzjoni fil-librerija pubblika taż-Żejtun matul l-2014?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li għal-librerija taż-Żejtun matul is-sena 2014 inxtraw 104 kotba minn Malta Libraries u 808 ktieb ieħor ingħataw b'donazzjoni mill-Kunsill Lokali u l-pubbliku.

Impjiegi Part-time

Question

B’referenza għall-istatistika rraportata fil-mistoqsija parlamentari 16817, jista’ l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li kienu qegħdin jaħdmu part-time bħala l-impjieg primarju tagħhom, ilhom hekk reġistrati għal aktar minn ħames snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li mill-34,057 persuna li kienu qegħdin jaħdmu part-time bħala l-impjieg primarju tagħhom sal-aħħar ta` Diċembru 2014, kien hemm 10,479 persuna li kienu ilhom reġistrati għal aktar minn ħames snin.

Tfal bi bżonnijiet speċjali – skejjel primarji tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Privat

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' tfal bi bżonnijiet speċjali li jattendu skejjel primarji tal-Gvern, tal-Knisja u tal-Privat?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ tfal bi bżonnijiet speċjali li jattendu fl-iskejjel primarji tal-Gvern, tal-Knisja u Indipendenti hu kif se nsemmi: Skejjel Primarji tal-Gvern - 1490 Skejjel Primarji tal-Knisja - 533 Skejjel Primarji Indipendenti - 114