Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ġonna tal-Buskett

Question

B'riferenza għall-ENOTEKA li kienet proposta mill-Ministru ta' qabel li tiġi żviluppata fil-ġonna tal-Buskett, jista' il-Ministru jinformani għaliex wara nofs leġislatura li ilu jmexxi l-ministeru lanqas inbdew ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-ewwel sottomissjoni għall-proġett fil-Buskett ma kenitx għal Enoteka Nazzjonali iżda għal żvilupp ta' winery sperimentali, restaurant u tliet wine bars. Wara ħafna konsultazzjonijiet, kemm interni kif ukoll ma’ esperti Taljani, dan il-Ministeru ħass li l-iżvilupp ġewwa l-Kumpless tal-Buskett kellu jkun wieħed differenti. Inħasset il-ħtieġa li s-settur ta' l-inbid jingħata l-importanza xierqa billi tiġi żviluppata Enoteka Nazzjonali li għandha tagħti l-opportunità għall-industrija li torganizza attivitajiet ta' promozzjoni fuq skala nazzjonali bl-iskop li anke s-settur tat-turiżmu jibbenefika. Dan il-Ministeru konvint ukoll li l-istruttura ta' l-Enoteka tista’ isservi bħala "interpretation centre" għall-ġonna tal-Buskett biex b'hekk jitkattar l-interess tal-pubbliku fl-eko-sistemi tal-Buskett. Għaldaqstant dan il-Ministeru ħass li l-proġett kollhu kellu jiġi rrivedut biex jinkludi din il-politika ħolistika u jagħmel pjanijiet ġodda mfassla kif meħtieġ mil-professjonalità. Id-Dipartiment għamel applikazzjoni lill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) għal dan l-iżvilupp. Wara diskussjoni kemm ma’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kif ukoll mal-konsulenti Taljani, ġie maqbul li jsiru emendi għall-proposti inizjali ta’ l-applikazzjoni.

Sagħtar

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk is-sagħtar hux protett jew le u meta dan jista' jiġi distrutt?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-Sagħtar huwa protett skond l-Avviż tal-Gvern (Government Notice) Nru. 85 tal-1932, li huma ukoll magħrufin bħala r-regolamenti tal-Protezzjoni tas-Sagħtar. Skond dawn ir-regolamenti, interventi fuq sagħtar selvaġġ jista’ jsir biss bil-permess miktub tad-Direttur ta' l-Agrikultura. Dan ir-regolament jgħodd biss għas-Sagħtar salvaġġ, u mhux għal dak li huwa mkabbar miż-żerriegħa għal-skopijiet kummerċjali.

EU — Insib

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex inqata' l-insib ta' Marzu meta dan suppost kellu jibqa', dejjem skond kif wiegħed il-gvern, u l-istess Ministru qabel, wara ir-referendum għad-dħul ta' Malta fl-Unjoni Ewropea?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-kaċċa u l-insib f’Malta hija bbażata minn dejjem fuq dak li kien nnegozjat u maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea. Sa’ llum l-insib f’Malta sar skond dak li kien jirriżulta lill-Gvern Malti mill-interpretazzjoni legali li dejjem ta lin-negozjati tas-sħubija. Wara ż-żjara f’Malta mid-delegazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea f’April li għadda kien hemm skambju ta’ ideat bejn iż-żewġ naħat. Dan wassal biex ħareġ fid-deher li kien hemm differenza ta’ interpretazzjoni tar-regolamenti kif stabbiliti mid-Direttiva dwar l-Għasafar. Din id-differenza tikkonsisti f’interpretazzjoni legali tar-Regolamenti u mhux fis-sinifikat tagħhom. Dan wassal biex il-Gvern ippubblika abbozz li jamenda ir-Regolamenti dwar il-Ħarsien ta’ l-Għasafar u tal-Fenek Selvaġġ minħabba li fil-każ tal-insib id-Direttiva 79/409/KEE ma tippermettix it-teħid ta’ għasafar li jkunu fi triqthom lejn pajjiżi fejn ibejtu, u matul ir-rebbiegħa.

Dipartiment ta' l-ortikultura — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-ortikultura matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Biex tkun tista’ tinġabar l-informazzjoni mitluba huwa meħtieġ li l-Onor Interpellant jindika x’jifhem b’Dipartiment ta’ l-Ortikultura.

Food and veterinary regulation division — Qtates ta' San Anton

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11536 u jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta li kienet qed titmexxa minn uffiċjal tal-food and veterinary regulation division dwar it-trasferiment mhux awtorizzat tal-qtates ta' San Anton għal Wied Inċita? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' l-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

Xagħra l-Ħamra — Golf coarse

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'rapporti u studji qed isiru dwar il-proposta ta' golf coarse fix-Xagħra l-Ħamra? Jista' jgħid min kien ikkummissjonat għall-istudji rispettivi u x'offerti ntefgħu għalihom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Dan il-proġett jikkwalifika għal Stima ta' l-Impatt fuq l-Ambjent (Environmental Impact Assessment). L-Istima ser jinkludi studji ta' l-impatti fuq: l-agrikultura, l-ekoloġija, kwalità ta' l-arja, wirt kulturali, ġeoloġija u idroloġija (studju ta' l-ilma), ħsejjes, trasport, aċċess għall-pubbliku, l-pajsaġġ, kif ukoll l-iskart li ser jiġġenera il-proġett. L-Istima ta' l-Impatt fuq l-Ambjent ser jikkonsidra wkoll liema speċi ta' ħaxix jista’ jintuża għall-korsa, kif ukoll minn fejn ser jinġieb l-ilma biex jissaqqa l-ħaxix. ADI Associates huma kkommissjonati mill-applikant biex jikko-ordinaw dawn l-istudji. Rigward x'offerti ntefgħu għal dawn l-istudji l-Onor. Interpellant għandu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tat-Turiżmu.

Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm impjegati ġodda ġew ingaġġati fid-dipartiment u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm huwa preżentament in-numru ta' l-impjegati f'kull dipartiment u awtorita' rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

MEPA — Rave parties

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-MEPA hijiex se tibqa' toħroġ permessi għal rave parties ġewwa l-Buskett meta dan huwa santwarju ta' l-għasafar?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li ma hemmx applikazzjonijiet għal rave parties quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA).

Ħal Qormi — Fabbrika Lowenbrau

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhu d-duħħan iswed li ta' spiss jidher ħiereġ mill-fabbrika Lowenbrau f'Ħal Qormi u jekk sarux spezzjonijiet biex jiġu evalwati dawn l-emissions?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) investigat dan il-complaint u nstab li l-boiler ma kienx qiegħed jaħdem kif suppost. Ġie ordnat li jsiru x-xogħlijiet meħtieġa u l-emmissjonijiet ġew ikkontrollati.

Fuljett bl-isem "Titjib ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin"

Question

Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13656 u jgħid kemm–il kopja tal-fuljett intitolat ‘Titjib ta' l-Impjant ta' Sant'Antnin" u li kien ippubblikat mill-kumpanija WasteServ u mill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent ġew stampati? Jista’ jgħid ukoll f’liema stamperija ġew stampati u jekk ħarġitx sejħa għal offerti/tenders għall-istampar tagħhom? Kemm hi l-ispiża totali involuta, inkluż id-distribuzzjoni u l-pustaġġ u minn liema vot tħallsu l-ispejjeż konnessi?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Għall-mistoqsija ta' l-Onorevoli Interpellant, jista’ jingħad li ġew stampati b'kollox 36,000 fuljett. Dan il-fuljett ġie stampat għand l-ISR Printers. Din il-kumpanija tifforma parti mill-grupp JP Advertising, l-istess kumpanija mqabbda mill-WasteServ Malta Limited għall-servizzi ta' komunikazzjoni. Il-JP Advertising kienu magħżula wara sejħa pubblika (Expression of Interest) f'Ottubru 2003 għal dan is-servizz. Għat-tweġiba tal-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li kont tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 13392.

MEPA — Impjant ta' Sant'Antnin

Question

Jista’ il-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 13657 u jinforma lill-Kamra jekk il-Bord tal-MEPA kienx aċċetta l-analiżi komparattiva fuq l-għażla tas-siti għall-proġett tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin magħmul mill-kumpannija SLR għan-nom tal-kumpannija WasteServ, skond kif inhu stipulat fit-terms of reference ta' l-istess MEPA fl-2004? Min kienu l-membri tal-bord li ddeċidew dwar dan u f'liema data ttieħdet id-deċiżjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nikkonferma li l-Bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-24 ta' Ġunju 2004, kien aċċetta l-analiżi komparattiva fuq l-għażla tas-siti għall-proġett tar-riċiklaġġ ta' Sant' Antnin magħmul mill-kumpannija SLR għan-nom tal-kumpannija WasteServ Malta Limited. Tmien (8) membri ivvutaw favur filwaqt li tlieta (3) ivvutaw kontra. erba’ (4) membri ma kenux preżenti meta ttieħdet din id-deċiżjoni. Il-bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kien kompost mis-sinjuri: Andrew Calleja, Chairman, Victor Torpiano, Ronald Azzopardi, Michael Ellul, Alfred Mangion, Salvator Mousù, Sandra Sladden, Peter Zammit, Leonard Callus, Godwin Debono, Saviour Gauci, Anthony Mifsud, Joseph Falzon, Joe Brincat u Karen Vincenti. Kif jidher il-Kamra tar-Rappreżentanti hija rrappreżentata fuq il-bord ta’ l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) b' żewġ membri, wieħed innominat mill-Prim Ministru u l-ieħor mill-Kap Ta' Oppożizzjoni.

MEPA — Żvilupp ta' bar

Question

Jista' il-Ministru jikkonferma li l-bar li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, qed jiġi żviluppat skond il-permess rilevanti tal-MEPA? Dettalji dwar il-permess qed jintbagħtu wkoll separatament.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li s-sit in kwistjoni huwa kopert b'permess b'referenza PA1228/99 maħruġ fit-12 ta' Jannar 2001, u dan biex isir tibdil t'użu minn Mini Market (Grocery) għal Take Away outlet. Fil-preżent hemm applikazzjoni pendenti b'referenza PA 3062/03 "to include consumption of snacks and spirits on premises". Din l-applikazzjoni ġiet irrifjutata, u bħalissa qegħda fi stadju t' appell kontra l-istess rifjut. Dwar il-mistoqsija jekk il-ħanut hux qiegħed jiġi żvilupat skond il-permessi, irid jingħad li l-ispettur tal-bini nkarigat mill-area għamel żewġ spezzjonijiet u sab is-sit in kwistjoni magħluq, kif ukoll għamel diversi attentati biex jikkomunika mas-sid imma sal-lum dan ma kienx possibbli. Għaldaqstant qiegħed jiġi mitlub aktar żmien biex tkun tista’ ssir spezzjoni interna tas-sit ħalli jiġi vverifikat li x-xogħol jaqbel mal-permessi maħruġa.

Fixed air monitoring stations

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13618 u jgħid: skond id-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea suppost li jsiru fixed air monitoring stations, jista' jgħid jekk dawn jeżistux f'Malta jew le? Jekk le, għandu ħsieb il-gvern li jwaqqafhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Pollution Prevention and Control Unit fi ħdan l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) preżentament iħaddem żewġ 'air monitoring stations'. It-“traffic station” li jinsab fi Triq Sant’ Anna il-Furjana jagħti rendikont ta’ l-effett tat-traffiku fuq il-viċinanzi u ilu jipproduċi riżultati għal dawn l-aħħar sena u nofs. Dan skond l-esiġenzi tad-Direttiva 96/62/EC fuq il-Kwalita’ ta’ l-Arja. It-tieni stationġie kkummissjonat madwar ħames snin ilu. Fil-passat kien jiġi mmexxi minn lokalità għall-oħra biex jikkumpara l-livelli ta’ tniġġiż bejn il-lokalitajiet. Wara li sar il-Preliminary Assessment of Air Quality in Malta(NETCEN, 2002), dan ir-rapport identifika l-iktar siti importanti fejn għandhom jiġu llokalizzati l-air monitoring stations, u r-raġunijiet għalfejn dawn il-lokalitajiet għandhom ikunu fissi. Għalhekk dan l-air monitoring station ġie llokalizzat f’wieħed minn dawn is-siti identifikati, b’tali mod li jsir moniteraġġ ta’ l-effet tat-tniġġiż mill-parti industrijali f’Malta inkluża l-power station tal-Marsa. Mhux eskluż li fil-futur jiġu nstallati air monitoring stationsoħra f’pajjiżna.

Tindif ta' uffiċini

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm qed titħallas il-kumpannija tat-tindif li tnaddaf l-uffiċini li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament? Liema hi l-kumpannija tat-tindif?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pagament għat-tindif hu ta’ Lm 18.88 fix-xahar u l-isem tal-kumpanija qed jingħata separatament.

Ħad-Dingli — Misrah Suffara - Uża ta' art tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u kif jirriżulta anke mir-ritratti li wkoll qed jintbagħtu separatament, tħalliet tuża u tikkonverti art tal-gvern fil-kontrada ta' Misraħ Suffara, Ħad-Dingli, f'żona ta' magażinaġġ għall-irħam? Jista' jgħid ukoll kif l-istess persuna wittiet art xagħri bi ksur tar-regolamenti viġenti, u dan meta din l-art hi tal-gvern, fil-kontrada ta' Misraħ Suffara, f'Ħad-Dingli?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li appena l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) saret taf li l-iżvilupp imsemmi fl-interpellanza huwa llegali ġie investigat il-każ immedjatament, fejn verament jirriżulta li l-persuna indikata mill-Onor. Interpellant, tul dawn l-aħħar snin kien qed jokkupa l-art faċċata tal-fabbrika tiegħu, u juzaha għaż-żamma, jew magazzinaġġ ta' folji ta’ l-irħam u materjal ieħor relatat man-negozju tiegħu. Għalhekk, l-Awtorità ħadet passi ta' nfurzar skond l-Att Nru 1 ta l-1992 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp kontra l-persuna / kumpannjia imsemmija, fejn dan intalab li jnaddaf is-sit u jreġġa’ lura għall-istat oriġinali tiegħu. L-Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq kien notifikat skond ir-riferenza ECF 598/05 fejn il-każ ser jibqa’ jkun segwit sakemm il-proċeduri kollha t'infurzar jiġu eżawriti skond il-liġi.

Dipartiment ta' l-agrikoltura — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-agrikoltura matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ staff fid-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura ma żdiedx fis-sena 2005.

Dipartiment tas-sajd — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment tas-sajd matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sajd u d-Dipartiment ta’ l-Akwakultura ġew inkoporati fit-Taqsima għall-Konservazzjoni u Kontroll tas-Sajd fis-sena 2002 u ninsab infurmat li n-numru ta’ uffiċjali u staff ieħor li daħlu matul is-sena 2005 huma dawn li ġejjin: Numru ta’ Impjegati Grad Kwalifiki 1 Fisheries Protection Officer bil-Kuntratt Higher National Diploma in Mediterranean Fisheries and Aquaculture 1 Casual Substitute Clerk bil-kuntratt ECDL full certificate plus 8 O levels and 1 A level 1 Casual Substitute Clerk bil-kuntratt ECDL full certificate plus 6 O levels

Dipartiment ta' l-akwakultura — Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' uffiċjali u staff ieħor li daħlu mad-dipartiment ta' l-akwakultura matul din is-sena? F'liema gradi u xi kwalifiki għandhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għal Mistoqsija Parlamentari numru 13709.