Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17654 Sitting 336 2000-07-04 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Membri tal-Kabinett/Segretarji Parlamentari

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tar-renumerazzjoni għall-kariga tagħhom (inklużi allowances) li jirċievu l-membri tal-Kabinett u s-segretarji parlamentari individwalment?Kemm minn dawn in-renumerazzjoni u allowances huma suġġetti għat-taxxa fuq l-income?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed nagħti r-remunerazzjoni (inkluż) allowances għall-karigi tal-Ministri u Segretarji Parlamentari. L-Expense Allowance biss mhuwiex taxxabbli. Salarju Expense Bonus Allowance Statutorju Lm Lm Lm Prim Ministru 11,877 2,500 220 Ministri 10,531 1,000 220 Segretarji Parlamentari 10,083 1,000 220
Leg 9 PQ #17679 Sitting 336 2000-07-04 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS — Chairman

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jitħallas iċ-Chairman tal-MITTS? Jista' jgħid kemm kien jitħallas is-sena l-oħra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-kumpanija MITTS, bħala kumpanija tal-Gvern, hija kklassifikata Category B u għaldaqstant i-Chairman tal-MITTS jitħallas Lm6,000 fis-sena. L-istess ammont tħallas liċ-Chairman is-sena l-oħra.
Leg 9 PQ #17418 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kabinett — Memorandum

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid u jagħti dettalji dwar dak li ġie rrapportat li qal lill-ġurnalisti wara l-laqgħa tal-Kabinett tat-Tnejn, l-1 ta' Novembru, 1999 fejn skond "In-Nazzjon" tat-2 ta' Novembru, 1999 intqal li "Il-Kabinett iddiskuta l-bidliet li jridu jsiru mhux biss fid-dipartiment tal-Gvern iżda wkoll fil-ministeri. Qed ikun propost pjan li għandu jwassal biex il-ministeri kollha jkunu aktar effettivi fid-deċiżjonijiet. Bħala prijorita', l-ewwel li se jgħaddi minn din il-bidla hu l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni". Jista' għaldaqstant ukoll il-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-memorandum approvat mill-Kabinett fl-istess laqgħa msemmija u li kien ippreżentat mill-Ministru ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f'seduta 196 għall-mistoqsija tiegħu Nru 11593.
Leg 9 PQ #17549 Sitting 333 2000-07-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Arma ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk il-persuni li m'humiex ambaxxaturi, konsli ta' Malta, uffiċjali tal-Gvern, jew b'xi mod fl-impjieg tal-Gvern u huma awtorizzati mill-istess Prim Ministru - skond it-termini ta' artikolu 3 (1) tal-Kap. 253 tal-Liġijiet ta' Malta - jużaw l-Arma ta' Malta jew xi imitazzjoni tagħha, jew l-istemma jew l-arma msemmijin fis-subartikolu 2 ta' l-artikolu 2 ta' l-istess kapitolu jew x'imitazzjoni tagħhom? Jekk hemm min għandu tali awtorizzazzjoni, jista' l-Prim Ministru jgħid: (a) meta ngħatat tali awtorizzazzjoni; (b) x'inhuma - jekk hemm - il-kondizzjonijiet li jirregolaw tali użu; u (ċ) għal-liema raġuni ngħatat tali awtorizzazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Arma ta' Malta tintuża biss għall-użu uffiċjali tal-Ministeri u Dipartimenti tal-Gvern u entitajiet li b'xi mod jiffurmaw parti mill-Amministrazzjoni. Għalkemm, skond l-artikolu 3 (1) ta' l-Att dwar l-Arma u s-Sigill Pubbliku ta' Malta (Kap 253 tal-Liġijiet ta' Malta), il-Prim Ministru jista jawtoriżża l-użu ta' l-Arma ta' Malta minn persuni oħra, il-policy hi li ma jingħatax permess biex tintuża l-Arma għal skopijiet kummerċjali. M'hemmx terzi persuni li għandhom awtorita jagħmlu użu mill-Arma ta' Malta.
Leg 9 PQ #17416 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Ass. Technical Officer

Question

Jista' l-Prim Ministru bħala ministru responsabbli mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Management and Personnel Office jgħid meta hemm il-ħsieb li jsiru l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjoni li kienet ġiet ippubblikata fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti għal post ta' Assistant Technical Officer (draughtsmanship) fi ħdan id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 17300.
Leg 9 PQ #17527 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tħaffir għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżvilupp dwar l-agreements li ġew iffirmati mill-Gvern Laburista fejn għandu x'jaqsam tiftix u tħaffir għaż-żejt?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għanda valur kummerċjali u għaldaqstant mhux il-waqt li tingħata.
Leg 9 PQ #17302 Sitting 331 2000-06-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Performance Management Programme — Ittra

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ittra mibgħuta lill-officer i/c performance rating reports/performance management programme fil-Management and Personnel Office bid-data 15 ta' Mejju, 1998 minn persuna li isimha qed jintbagħat separatament sal-lum għad ma kellux tweġiba għaliha, minkejja l-fatt li l-ombudsman ta istruzzjonijiet biex ikun hemm risposta għalih sa l-14 ta' Diċembru, 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fl-ittra tal-15 ta' Mejju 1998 l-uffiċjal involut kien talab kopja ta' rapporti ta' diversi snin u staqsa jekk kienx ġie ċertifikat qualified jew unqualified. Il-Management and Personnel Office, permezz ta' żewġ ittri separati, talab lil dan l-uffiċjal biex iressaq it-talba tiegħu skond il-provvedimenti ta' l-Estacode, u ċioe permezz tal-Kap tad-Dipartiment tiegħu. Dan l-uffiċjal, pero' għażel li, minflok, iressaq il-każ quddiem l-Ombudsman. Fuq rakkomandazzjoni ta' l-Ombudsman l-uffiċjal ingħata risposta fl-1 ta' Diċembru, 1999, liema risposta ġiet ikkupjata wkoll lill-Ombudsman. Irrid ngħid li, skond il-proċedura stabbilita, fis-16 ta' Settembru, 1995 u anke f'diversi okkazzjonijiet wara, l-uffiċjal involut kien ingħata sommarju tar-rapport li kien sar fuqu biex hu jkun jista' jieħu dawk il-passi li jidhirlu xierqa skond il-provvedimenti ta' l-Estacode. Irrid ngħid ukoll, li dan l-uffiċjal ressaq ilmenti dwar il-każ tiegħu quddiem il-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji, it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji u l-Ombudsman, u fl-ebda każ ma ngħata raġun.
Leg 9 PQ #17304 Sitting 331 2000-06-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Performance Management Programme — Increments

Question

Jista' l-Prim Mnistru jgħid għaliex l-increments ta' Skala 7 li ġew miżmuma lil persuna li isimha qed jintbagħat separatament minħabba nuqqas ta' effiċjenza ma ngħatax lura wara li dan għamel sena prova u kellu performance management programme tajjeb? L-Estacode 2.4.5.1. titkellem ċar dwar dan. L-Estacode 2.2.3.4. tgħid ukoll li l-arretrati dovuti għandhom jingħataw wara l-perijodu ta' prova li jkun għamel uffiċjal.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Skond il-Ftehim tal-1993 dwar il-Klassifikazzjoni, Assimilazzjoni u Grading tal-Gradi tas-Servizz Ġenerali, progression minn skala għall-oħra hija suġġetta għall-servizz sudisfaċenti. Ninsab infurmat li peress li l-uffiċjal involut, ma ġiex ċertifikat li qegħda dmiru b'mod sudisfaċenti, huwa ma setgħax jingħata progression minn skala għall-oħra u għalhekk ma setgħax jieħu l-increments ta' l-iskala qabel jidħol fiha. Ninsab infurmat li s-sezzjonijiet ta' l-Estacode ikkwotati mill-Onorevoli Interpellant ma japplikawx f'dan il-każ peress li dawn ma jirriferux għal progressions.
Leg 9 PQ #17377 Sitting 330 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulent

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-ħatra ta' persuna - isimha qed jintbagħat separatament - bħala konsulent tal-Ministru ta' l-Edukazzjoni saret mingħajr ebda sejħa għall-applikazzjonijiet filwaqt li jqiegħed id-dokumentazzjoni kollha li ġiet skambjata bejn l-Uffiċċju tiegħu u l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex dan l-individwu jiġi ngaġġat mill-Malta University Services Ltd. biex jagħti servizz fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 17376.
Leg 9 PQ #17376 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Malta University Services Ltd.

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-uffiċċju tiegħu ta l-approvazzjoni lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex dan, permezz tal-kumpannija ta' l-Universita, cioe' l-Malta University Services Ltd. jingħata s-servizzi tal-persuna - ismu qed jintbagħat separatament - b'salarju part-time ta' Lm14,000 (mingħajr VAT) fis-sena għall-massimu ta' 15-il siegħa fil-ġimgħa għall-perijodu bejn Ottubru u Ġunju u massimu ta' ħamsa u għoxrin siegħa fil-ġimgħa fil-perijodu bejn Lulju u Settembru kif ukoll l-użu ta' karozza bl-ispejjeż kollha tagħha mħallsa mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-Ministeru ta' l-Edukazzjoni għandu kuntratt (A Contract for Services) mal-Malta University Services Ltd (MUS) biex din il-Kumpanija tipprovdi servizzi lill-imsemmi Ministeru. Il-persuna msemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet provduta mill-MUS biex tagħti s-servizzi tagħha lill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni taħt dan il-kuntratt. L-approvazzjoni ta' kuntratt simili hi delegata lill-Ministru kkonernat.
Leg 9 PQ #17300 Sitting 326 2000-06-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Assistant technical officer

Question

Jista' l-Prim Ministru, bħala responsabbli mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku u l-Management and Personnel Office, jgħid meta hu previst li jinbeda l-proċess ta' l-intervisti għas-sejħa għall-applikazzjoni għall-post ta' assistant technical officer (civil draughtmanship) fi ħdan it-taqsima bini ta' skejjel tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni, liema post hu tant delikat u ta' importanza peress li hemm ħajjet it-tfal fin-nofs fl-iskejjel, filwaqt li jgħid f'liema stadju wasal il-proċess biex toħroġ is-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post ta' senior technical officer (draughtmanship) fl-istess taqsima?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fir-rigward għall-ewwel parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-Risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11591. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, jiena nfurmat li l-Management and Personnel Office m'għandux talbiet pendenti biex tinħareġ Sejħa għall-applikazzjonijiet għall-post imsemmi.
Leg 9 PQ #17299 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Palazz — Turisti

Question

Billi ħafna turisti ta' kuljum qed iżuru l-Palazz biex jiġu mbagħad mwaqqfa mis-suldati għassa fil-bieb peress li dawn ma jistgħux jidħlu minħabba illi l-Parlament ikun għaddej, jista' l-Prim Ministru jara illi xi forma ta' tabella b'diversi lingwi titpoġġa ħdejn il-bieb bi spjegazzjoni pulita li żgur tagħmel l-affarijiet eħfef, kemm għas-suldati għassa kif ukoll għat-turisti illi ta' kull darba jidħlu imbagħad jispiċċaw biex jitkeċċew, ħafna drabi b'sinjali għax ma jkunux jafu jitkellmu bil-lingwa barranija?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li s-suġġeriment magħmul mill-Onorevoli Nterpellant qed ikun ikkunsidrat mill-awtoritajiet kompetenti.
Leg 9 PQ #17307 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Interim From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażel?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17309 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Ħabs Ċivili

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 17021 fejn staqsejt għal-liema raġunijiet is-suldati armati madwar il-ħabs jistgħu jużaw l-armi, jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhuma l-proċeduri applikati fuq livell internazzjonali mill-militar madwar id-dinja u fuq liema proċedura u ta' liema pajjiż jiġu mħarrġa s-suldati Maltin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-proċeduri li rreferejt għalihom f'Mistoqsija Parlamentari numru 17201 huma magħrufa bħala Rules of Engagement. Il-proċeduri applikati fil-preżent mill-membri tal-Forzi Armati fejn jidħol l-użu ta' armi huma bbażati fuq il-Kodiċi ta' Kondotta skond il-Konvenzjonijiet ta' Ginevra ta' l-1949 u Protokolli addizzjonali. Barra minn hekk ir-Rules of Engagement applikati fil-Forzi Armati jinkludu wkoll il-prinċipji mħabbra fil-Code of Conduct on the use of fire arms by the Police Corps li kienu jiffurmaw parti mir-rapport tal-Bord ta Inkjesta maħtur mill-Gvern skond l-Inquiries Act 1977 f'Novembru 1995. Is-suldati li bħalissa qed jagħmlu għassa mad-dawra ta' barra tal-ħabs huma mħarrġa fl-applikazzjoni ta' dawn il-proċeduri u huma obligati li jġorru fuqhom kopja tal-proċeduri flimkien ma' kopja tan-Normal Safety Precautions applikabbli għall-arma li tkun qed tinġarr. Mhux rakkomandabbli li dawn il-proċeduri jkunu pubbliċi.
Leg 9 PQ #17310 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Interim From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, f'xogħol relatat ma' monitoring, screening, addozzjoni, kompatabbilita' eċċ ta' liġijiet, direttivi, deċiżjonijiet, regoli, eċċ ta' l-Unjoni Ewropea, u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17243 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

PSC — Direttur

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ħareġ mill-każ tal-PSC li d-direttur tal-ħabs Emanuel Cassar ippreżenta kontrta dak li kien l-assistent manager tal-ħabs Aron Haroun? X'kienu l-akkużi miġjuba kontrih?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma jidhirlix li għandi nagħti dettalji dwar każi ndividwali ta’ dixxiplina għax il-proċeduri huma kkunsidrati ta’ natura kunfidenzjali. Barra minn hekk il-każ ta’ in kwistjoni għadu quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #17167 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tiftix għaż-Żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux se jkun hemm tħaffir għaż-żejt fuq il-baħar jew l-art fiż-żmien li ġej?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Informazzjoni dwar tħaffir għaż-żejt tingħata meta u jekk isir ftehim għalhekk.
Leg 9 PQ #17021 Sitting 319 2000-06-20 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħabs Ċivili — Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati li issa se jkunu għassa madwar il-ħabs humiex se jkunu armati b'armi tan-nar? Jekk iva, jidhirlu l-Prim Ministru li din tista' tkun perikoluża għaliex jekk suldat jingħeleb l-arma u l-munizzjon jistgħu jaqgħu f'idejn il-kriminali maħruba? Jekk iva, jista' jgħid x'inhuma r-raġunijiet li jippermettu s-suldati li jużaw dawn l-armi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li suldati għassa madwar il-ħabs ikunu armati bħalma dejjem kienu f'okkażjonijiet simili fejn ukoll jittieħdu l-prekawzjonijiet meħtieġa. L-użu ta' l-armi huwa skond proċeduri applikati fuq livell internazzjonali mill-militar madwar id-dinja, u s-suldati jiġu mħarrġa f'dawn il-proċeduri.
Leg 9 PQ #16970 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Interim From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ditta Borg Bros.

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamar u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-Ditta Borg Bros. ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru 1998 sal-ġurnata tal-lum inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartment, korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #16971 Sitting 318 2000-06-19 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Infiq ta' flus

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti d-dettalji lil din il-Kamra separatament ta' kemm intnefqu flus mill-Forzi Armati, f'manpower, telefonati, fuel ta' karozzi u f'kull riżors ieħor li ntuża biex saru t-tfittxijiet u eventwalment il-qabdiet ta' l-aħħar żewġt ħarbiet ta' erba' u tliet priġunieri li ħarbu mill-ħabs ta' Kordin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Le. Kemm għaliex huwa diffiċli għal raġunijiet ovvji li tiġi kwontifikata l-informazzjoni mitluba, kif ukoll għaliex mhux prudenti li tingħata nformazzjoni ta' kif aġixxew il-forzi tas-sigurta.