Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #19182 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Riċevimenti

Question

Jista' l-Prim Ministru Ministru jgħid kemm saru riċevimenti u ikliet mill-ministeru - dipartimenti u entitajiet oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-31 ta' Awissu, 2000? Jista' jgħid separatament f'kull każ x'kienet l-okkażjoni, u kemm laħqet l-ispiża?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif diġà kelli l-opportunità inwieġeb l-Onorevoli Interpellant f’okkażjonijiet oħra, sakemm ma ningħatax raġuni l-għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba. Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant għall-allokazzjonijiet għall-“Hospitality” li hemm fl-Estimi Ġenerali taħt il-vot ta’ l-Uffiċċju tiegħi u dawk tad-Dipartimenti li jaqgħu taħtu.
Leg 9 PQ #19701 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Gvern — Overtime

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħadem overtime fid-dipartimenti tal-gvern sa tmiem Awissu 2000? Kif tipparaguna din il-figura ma' l-ewwel tmien xhur tas-sena 1999?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-istess Mistoqsija Parlamentari Numru 19702 li għamel lill-Ministru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #19718 Sitting 385 2000-10-06 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delegazzjoni Għolja Militari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min hija ffurmata d-delegazzjoni għolja militari li qed iżuru Malta bħalissa u li mistennija tagħmel laqgħat ma' uffiċjali lokali ta' l-Armata għada? X'inhi r-raġuni li din id-delegazzjoni qiegħda f'Malta? Hija ko-inċidenza li għada se jibdew isiru eżerċizzji minn membri ta' l-Armata f'Għajn Tuffieħa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bħalissa f’Malta hawn delegazzjoni militari mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina. L-għanijiet taż-żjara huma biex isiru bdil ta’ fehmiet u biex jiġu diskussi modi ta’ koperazzjoni bejn il-militar taż-żewġ pajjiżi. Id-delegazzjoni tinkludi sitt uffiċjali. Bħalissa bħala parti mill-eżerċitazzjoni msejjaħ “Terra Ferma” hawn Malta kontinġent ta’ l-Armata Taljana, li hu magħmul minn 5 uffiċjali u 43 suldat. Dan il-kontinġent ġie apposta għal taħriġ u eżerċizzju mal-Forzi Armati Maltin. Uffiċjal għoli Taljan ser iżur Malta nhar il-Ġimgħa, 6 ta’ Ottubru 2000 biex isegwi l-eżerċizzju flimkien mal-Kmandant tal-Forzi Armati Maltin. Il-fatt li ż-żjara mid-delegazzjoni Ċiniża ħabtet eżatt fl-istess ġranet li fihom il-Forzi Armati qegħdin jagħmlu eżerċizzju flimkien ma’ suldati Taljani fl-inħawi msemmija hu ko-inċidenza.
Leg 9 PQ #19150 Sitting 380 2000-10-03 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari numri 18058 u 18383?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt fis-seduta Numru 367 fit-22 ta’ Settembru 2000.
Leg 9 PQ #16970 Sitting 379 2000-10-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ditta Borg Bros.

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat tat-tenders kollha ta' ġarr u trasport ta' għamar u merkanzija oħra, tkun xi tkun, li ġew awarded lid-Ditta Borg Bros. ta' Triq id-Demnuq, Siġġiewi, minn Settembru 1998 sal-ġurnata tal-lum inklużi dawk li għadhom operattivi sal-lum? Jista' jgħid liema tenders ingħataw lil din id-ditta b'direct order u liema tenders ingħataw wara sejħa għall-offerti? Jista' jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartment, korporazzjoni u awtorita' li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #17307 Sitting 379 2000-10-02 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażel?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra skeda li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #19138 Sitting 379 2000-10-02 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjara ta' New York

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġiet tiswa ż-żjara li għamel fl-Amerika (New York) fil-bidu ta' Settembru 2000? Jista' jgħid min kienu l-persuni li akkumpanjawh għal din iż-żjara u x'kienet il-ħtieġa u r-rwol tagħhom waqt iż-żjara? Jista' separatament jgħid fiex kienu jikkonsistu l-ispejjeż?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #19490 Sitting 379 2000-10-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Partnership for Peace

Question

Billi fi żmien l-elezzjoni ġenerali ta' l-1998 inti kont għedt li s-sħubija fil-Partnership for Peace ma baqgħetx fuq l-aġenda tal-partit tiegħek tant li lanqas kont għamilt referenza għad-dħul tagħna mill-ġdid fiha fil-manifest elettorali tal-PN, x'wasslek biex issa qed tipproponi li terġa' issieħeb lil Malta fi ħdan din l-organizzazzjoni tan-NATO?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Filwaqt li l-Gvern m’għamel ebda proponiment li jerġa jidhol fil-“Partnership for Peace”, kif diġà għidt f’dan il-Parlament il-Gvern għadu jemmen li jkun utli għal pajjiżna u għall-membri ta’ l-Armata li jieħdu sehem fil-PFP u allura ikun għaqli li fiż-żmien opportun tiġi kkunsidrata mill-ġdid il-pożizzjoni ta’ pajjiżna.
Leg 9 PQ #19522 Sitting 378 2000-10-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Djar ta' l-Anzjani — Karta ta' l-identita tar-residenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk għall-persuni residenti f'dar għall-anzjani, hijiex obbligatorja li jibdlu l-karta ta' l-identita' mill-indirizz tar-residenza privata tagħhom għad-dar ta' l-anzjani?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Peress li l-Kummissarju tal-Pulizija huwa l-uffiċjal awtorizzat li joħroġ il-karta ta’ l-identità, nitlob l-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #19593 Sitting 378 2000-10-02 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata Ewropea

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux se jiftaħ applikazzjonijiet biex il-Maltin jingħaqdu fl-armata Ewropea?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Unjoni Ewropea qiegħda fil-proċess li twaqqaf “Rapid Reaction Force” biex tieħu sehem f’inizjattivi ta’ prevenzjoni ta’ konflitti u mmaniġġjar ta’ kriżijiet. Il-Gvern qed isegwi dan il-proċess biex fil-mument opportun jiddeċiedi jekk Malta għandhiex tipparteċipa f’xi inizjattivi ta’ natura umanitarja li tagħżel hi.
Leg 9 PQ #19398 Sitting 376 2000-09-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nefqa Totali Annwali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi n-nefqa totali annwali tal-ministeru tiegħu fuq konsulenzi - inklużi fringe benefits?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 18098 fis-seduta numru 367 fit-22 ta’ Settembru 2000.
Leg 9 PQ #18771 Sitting 375 2000-09-28 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Kabinett

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min kienu l-persuni li ġew mistiedna jitilgħu Għawdex għal laqgħa tal-Kabinett li saret il-ġimgħa li għaddiet? Jista' jgħid, apparti l-Ministri, min kienu fil-fatt dawk li telgħu Għawdex għal din l-okkażjoni? Jista' jgħid: (a) x'materjal informattiv ġie mogħti lil dawk mistiedna u kemm ġie jiswa; (b) x'attivitajiet ġew organizzati għalihom u kemm ġew jiswew; u (ċ) xi spiża saret għal vjaġġi bejn iż-żewġ "Gżejjer" b'konnessjoni ma' din l-attivita'?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-laqgħa tal-Kabinett li saret fil-Ministeru għal-Għawdex fl-20 ta’ Lulju 2000 kienet laqgħa normali tal-Kabinett b’attendenza normali. Fis-sistema ta’ Gvern ta’ Kabinett li jintuża f’pajjiżna l-biċċa l-kbira tax-xogħol tal-Kabinett isir a bażi ta “memoranda” li jkunu ġew ippreparati mill-Ministri ikkonċernati fuq suġġetti partikulari. Hekk sar fil-laqgħa tal-Kabinett li saret f’Għawdex u m’għandix għax nifhem li l-Onorevoli Interpellant jixtieq ikun jaf kemm ġiet tiswa kull kopja ta’ kull “memo” li kellhom quddiemhom il-Ministri. Huwa ovvju li, ħlief għall-Ministru għal Għawdex, l-ispejjeż tat-trasport kienu ogħla minn dawk li normalment ikun hemm meta l-Kabinett jiltaqa’ Malta. Wara l-laqgħa l-Onorevoli Ministru għal Għawdex, li kienet qiegħda tilqa’ l-kollegi tagħha lkoll flimkien għall-ewwel darba fil-Ministeru tagħha, ġentilment offriet ikla qabel ma l-Ministri l-oħra rritornaw Malta.
Leg 9 PQ #19356 Sitting 375 2000-09-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Public Service Commission

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta l-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku kkonsidrat l-ittra tat-8 ta' Awissu, 2000 tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid jekk intlaqgħetx it-talba tagħha li titqies eliġibbli biex tapplika għal għalliema regolari mal-gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Dwar il-persuna li rrefera għaliha l-Onorevoli Interpellant, ġejt infurmat mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku li l-eligibiltà tagħha qed tiġi kkunsidrata u ntalbet klarifika dwar il-kwalifika ta’ din il-persuna lill-Universita’ ta’ Malta. Il-Kummissjoni tiddeċiedi l-każ meta jkollha l-informazzjoni rikjesta.
Leg 9 PQ #19480 Sitting 375 2000-09-28 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċċju tal-Prim Ministru — Impjegati fis-segetarjat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' impjegati fis-segretarjat tiegħu? Jista' jgħid kull impjegat/a x'inhu l-grad tiegħu jew tagħha? Jista' jgħid kemm minnhom huma bil-kuntratt u kemm jitħallsu kull wieħed u waħda li hemm bil-kuntratt u xi fringe benefits għandhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta’ impjegati fis-segretarjat tiegħi u l-grad tagħhom. Kull impjegat għandu kuntratt. Il-ħlas u l-“fringe benefits” huma skond id-dokument “Engagement of Staff for Private Secretariats” li tqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra f’seduta numru 124 tas-16 ta’ Ġunju 1999. In-numru ta’ impjegati fis-“Secretariat Pool” jinkludi impjegata li ma tieħux “allowances” relattati ma’ “overtime”. F’każ li messaġġier jaħdem aktar minn ħamsin siegħa sahra f’xahar jew jagħmel sahra nhar ta’ Ħadd u festi pubbliċi, dan jitħallas b’rata bħal ħaddiema oħra tal-Gvern.
Leg 9 PQ #19485 Sitting 375 2000-09-28 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta — Membri

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru tal-membri tal-Forzi Armati li baqgħu fl-istess grad li daħlu bih tul dawn l-aħħar 25 sena li ilha topera l-Armata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-mistoqsijiet numri W205 u 19068.
Leg 9 PQ #18720 Sitting 373 2000-09-27 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tiftix ħaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt intefqu flus f'dak li jirrigwardja t-tfittxija għas-sorsi taż-żejt matul dawn l-aħħar għaxar snin mill-gvernijiet Maltin? F'liema zoni sar it-tħaffir? Kemm kienu l-ispejjeż f'kull zona separtament u liema zona kienet l-aktar qrib li jinstab iż-żejt?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Matul dawn l-aħħar għaxar snin intefqu madwar 14 il-miljun lira mill-“Gvernijiet Maltin” fit-tfittxija għaż-żejt. It-tħaffir sar f’żoni magħrufa bħala Area 3 u Area 4, kif ukoll fuq Għawdex. L-ispejjeż hawn fuq imsemmija ntefqu f’Għawdex. S’issa, din kienet iż-żona l-aktar qrib sejba.
Leg 9 PQ #19097 Sitting 372 2000-09-26 Oral · Interim From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

IMPIEGI

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu impjegati ġodda maċ-ċivil u korpi parastatali minn Settembru 1998 sal-lum?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #18672 Sitting 370 2000-09-25 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — PROs

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huwa l-PRO tiegħu u x'kundizzjonijiet u salarji għandhom? Jista' jgħid ukoll x'bonuses u ħlas ta' sahra irċevew kemm ilhom f'din il-kariga?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18464.
Leg 9 PQ #18998 Sitting 370 2000-09-25 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impressed Drivers

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' impressed drivers li għażlu mpjieg bħala labourer? Kemm minnhom għażlu li jikru l-vettura tagħhom lid-dipartiment tal-gvern? Kien hemm xi bdil f'xi kondizzjonijiet li tħabbru aktar qabel?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li kien hemm sitt mija u tlieta u ħamsin ‘Impressed Drivers’ li għażlu li jkollhom impjieg bhala ‘Labourer (ex-Impressed Driver)’. Sitt mija u ħdax minnhom għażlu li jikru l-vettura tagħhom lid-dipartimenti jew entitajiet governattivi fejn qegħdin jaħdmu. Erba’ mija u erbgħin minnhom qegħdin f’dipartimenti tal-Gvern. Ma kien hemm ebda tibdil fil-kundizzjonijiet li tħabbru aktar qabel.
Leg 9 PQ #18581 Sitting 369 2000-09-25 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulenti barranin

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 18080?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt f’Mistoqsija Numru 18080.