Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm households li jirċievu benefiċċju soċjali (SA) fejn il-kap tal-familja mhux ġenitur, per-eżempju iltiema?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali "Familja" tfisser persuna waħda, jew iżjed, li fl-opinjoni tad-Direttur tkun qed tgħix bħala familja u għaldaqstant ma tinħassx il-ħtieġa li tinżamm statistika dwar jekk il-kap tal-familja jkunx/tkunx ġenitur jew le.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa sabiex tissewwa l-bitħa komuni li hemm bejn il-blocks 9/10/11/8 Hubbard Flats, Bormla peress li l-post huwa invażat bil-ġriedem kbar u qed ikun ta' periklu għar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li m'hijiex ir-responsabilita' tad-Dipartiment tal-Housing li jagħmel xogħol f'areas pubbliċi anke jekk ikun f'areas ta' Housing Estate.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitmexxa l-każ ta' żagħżugħ li huwa b'diżabilita` u kien bi problema tad-droga u issa temm il-programm mill-Caritas u qiegħed jistenna li jieħu l-arretrati tar-relief minn Awissu 2001? Il-partikolaritajiet ta' l-imsemmi persuna qed jintbagħtu separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntatjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Viċi Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 33265, cioe`: jgħid liema kienu dawk l-azjendi u fabbriki li għalqu jew taw is-sensji lill-ħaddiema mll-1999 sal-lum? Kemm kien in-numru tal-ħaddiema li spiċċaw barra ssensjati f'kull azjenda jew fabbrika?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bejn Marzu l999 u Marzu 2002 (tlett snin) kien hemm total ta' 7,799 sensji lil ħaddiema. Din iċ-ċifra trid titqabbel mat-total ta' 4,678 sensji għall-perjodu bejn Marzu 1997 u Marzu 1999 (sentejn). Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ thoss li ma jkunx sew li ssemmi min kienu dawk l-ażjendi jew fabbriki li taw is-sensji għaliex din l-informazzjoni jista' jkollha effett negattiv fuq il-prospetti kummerċjali ta' l-organiżżazzjonijiet involuti li wħud minnhom għaddew minn proċess ta' ristrutturazzjoni.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar appartamenti tal-gvern li jinsabu battala bħalissa fil-Belt u fil-Floriana?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jiċċara l-Mistoqsija tiegħu. Jekk b' "tagħrif" qed jirreferi għal indikazzjoni ta' fejn huma dawn il-postijiet ninfurmah li mhix il-policy li din l-informazzjoni tiġi ppubblikata u dan biex ma taggravax is-sitwazzjoni ta' okkupazzjoni illegali ta' postijiet tal-Gvern battala.
Jista' l-Ministru jgħid li wara li rriżulta li l-persuna indikata under separate cover ma kellhiex tagħti lid-dipartiment, u wara li kienet qed titnaqqsilha ħlas lura mill-pensjoni, jista' l-Ministru jara li din il-persuna tiċievi lura l-ħlas żejjed li ħallset?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntatjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk il-ħaddiema li kienu mislufin mal-Posta Ltd, illum Malta Post għadhom ma ħadux l-arretrati u l-benefiċċji fuq il-pensjoni ta' l-aħħar ftehim kollettiv li sar dan l-aħħar bejn il-gvern u l-unions?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-pensjonijiet tas-Sigurta' Soċjali tal-ħaddiema li kienu mpjegati mal-Maltapost ġew stmati mill-ġdid skond il-ftehim li skada fis-sena 2000.
Il-kumpannija ġiet mitluba tipprovdi lid-Dipartiment kopja ta' l-aħħar ftehim kollettiv.
Jista l-Ministru jara għaliex ma hux qed jingħata benefiċċji soċjali bi dritt li lil persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li dan ma għandhux kapital għola min dak li teżentah milli jieħu dawn il-benefiċċji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-każ tagħha.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 33108 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa u li ġiet riferuta lilu u cioe`: Jista' jgħid kemm hemm żgħażagħ taħt il-21 sena li bħalissa qed jattendu ċ-ċentru tad-Detox f'Malta u dak f'Għawdex?
Kemm minnhom bdew jattendu għall-ewwel darba f'dawn l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena?
Fil-każ ta' dawk taħt il-21 sena u fil-każ ta' dawk li bdew jattendu din is-sena, huma kollha Maltin?
Kemm minn dawn il-każi hemm tfal taħt is-sittax (16) il-sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ta' Marzu 2002, in-numru ta' persuni taħt il-21 sena li kienu jattendu ċ-Ċentru tad-Detox f'Malta kien ta' 48. Ħadd minnhom ma kien taħt is-sittax il-sena u kollha kienu Maltin. Sbatax minnhom attendew għall-ewwel darba fl-erba' xhur bejn l-1 ta' Novembru 2001 u t-28 ta' Frar 2002.
Fl-istess periodu kien hemm ħames persuni taħt il-21 sena li attendew iċ-Ċentru tad-Detox f'Għawdex. Dawn il-persuni kollha kellhom ir-residenza ordinarja tagħhom f'Malta u normalment jirċievu l-kura miċ-Ċentru ta' Malta. Persuni li jkunu qed jirċievu kura fiċ-Ċentru tad-Detox f'Malta jiġu riferuti għaċ-Ċentru f'Għawdex meta jkunu għal xi perijodu ta' bħala f'Għawdex biex ma jkunx hemm interruzzjoni fil-kura li jkunu qed jirċievu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt kienet in-nefqa f'ċifra ta' flus għar-rapporti li saru mill-ministeru u jew id-dipartiment u jew entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-ministeru matul l-1999, 2000 u 2001?
Liema kienu dawn ir-rapporti separatament u kemm minnhom tpoġġew fuq il-mejda tal-kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant jippreċiżali x'tip ta' rapporti għandu f'moħħu u jekk jindikali l-iskop għalfejn qiegħed jitlob tagħrif dwar in-nefqa għal kull rapport li sar fuq perjodu ta' tlett snin sħaħ, inkun nista' niddeċiedi jekk inhix ġustifikat li nordna li jintużaw ir-riżorsi meħtieġa biex tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li gew effettwati biż-żieda ta' l-għoli tal-ħajja u li biha qabżu ceiling ta' l-eligibilita' għall-kartuna r-roza?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-Iskeda li tirregola l-għoti ta' Għajnuna Medika bla ħlas, li tifforma parti mill-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, tiġi aġġustata kull sena biex tirrifletti ż-żieda fl-għoli tal-ħajja li tkun ingħatat għal dik is-sena.
B'riferenza għat-tender li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min ikkontesta għat-tender in kwestjoni, kemm kienet l-ogħla offerta, lil min ġiet assenjata u għal liema raġuni ġie assenjat it-tender lil din il-persuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li għall-bejgħ tal-fond indikat mill-Onor. Interpellant, l-Awtorita' tad-Djar irċeviet żewġ tenders - waħda għas-somma ta' Lm3,050 u l-oħra għas-somma ta' Lm3,015.
L-Awtorita' tad-Djar tat id-dritt ta' l-ewwel rifjut lill-persuna li offriet Lm,3,015 peress li l-offerent l-ieħor kien diġa' akkwista ħames fondi oħra mingħand l-Awtorita' tad-Djar fl-istess lokal. Il-proċedura adottata mill-Awtorita' hi konformi mal-kundizzjonijiet tat-tender li jgħidu:
"L-Awtorita' tirreserva d-dritt li tagħti dritt ta' l-ewwel rifjut (right of first refusal) lil kwalunkwe persuna li tagħmel l-offerta u dan skond il-policy ta' l-Awtorita' jew għal kwalunkwe raġuni li hi xierqa"
"L-Awtorita' ma tintrabatx li tilqa' l-ogħla jew xi offerti"
L-Awtorita' tad-Djar allokat dan il-fond lill-offerent li qatt ma akkwista fond ieħor. Dan il-bejgħ sar għas-somma ta' Lm3,050.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux proprjeta` għall-kiri f'Well Street, Valletta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M'hiex il-policy tad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali li jippubblika jew jindika postijiet vakanti li jkollu f'idejh u dan biex jiġu evitati abbużi ta' sgass.
Jista' l-Ministru jgħid isem is-senior care worker li ser ikun hemm fiċ-ċentru tat-taħrig għall-adulti (ATC) ta' Pembroke u x'kien xogħolha qabel ingħatat din il-kariga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li s-Senior Care Worker fiċ-Ċentru tat-Taħriġ għall-Adulti f'Pembroke hi s-sinjorina Anna Attard. Qabel ix-xogħol preżenti kienet tagħmel xogħol mal-persuni b'diżabilita' kif ukoll ma' l-anzjani fid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita'.
Jista' l-Ministru jgħid kif din il-persuna ingħatat din il-kariga fiċ-ċentru tat-taħriġ għall-adulti (ATC) ta' Pembroke meta diġa hemm lista ta' għoxrin (20) persuna oħra li kienu għamlu l-interview għal senior care worker fl-ATC's f'Settembru tat-2000, liema riżultat ħareġ fil-bidu ta' Marzu 2001, u liema lista kienet teskadi fil-bidu ta' Marzu 2002 u li minħabba dan il-posting kienet giet imblukkata l-lista msemmija hawn fuq? Għalfejn din il-kariga ma nagħatatx qabel ma skadiet din il-lista hawn imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-fatt ir-riżultat ta' l-intervisti li rreferiet għalihom l-Onor. Interpellanti jiskadi fil-25 ta' Mejju 2002 u mhux fil-bidu ta' Marzu 2002. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Komunita' għamel talba lill-Uffiċċju kompetenti biex jimpjega aktar Senior Care Workers mill-lista tal-kandidati li temmew b'suċċess dawn intervisti.
Mhux il-każ li s-Senior Care Worker li qed taħdem fiċ-Ċentru ta' Pembroke qed timblokka l-lista msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid kif f'kull ċentru tat-taħriġ għall-adulti hemm senior care worker filwaqt li f'dak tal-Imtarfa, li jiġbor fih aktar minn mitt (100) klijent, għad m'hemmx senior care worker?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33186 f'din l-istess Seduta, ninfurmha li hemm il-ħsieb li meta tiġi l-approvazzjoni għat-talba biex jiġu mpjegati aktar Senior Care Workers, wiehed/waħda minnhom jiġu allokati fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa.
Jista' l-Ministru jgħid min qiegħed jagħmel ix-xogħol li suppost jagħmel is-senior care worker fiċ-ċentru tat-taħriġ għall-adulti (ATC) ta' l-Imtarfa u għaliex, s'issa, għad m'hemmx senior care worker f'dan l-ATC?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 33186 u 33187 f'din l-istess Seduta.