Legislature:
Category:
Reset
Active:

Public Lotto Department

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm baqa' impjegati mal-Public Lotto Department, x'inhu l-grad tagħhom u x'funzjoni għandhom fl-istess department?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa id-dipartiment tal-Lotto qed jieħu ħsieb il-Lotterija tal-VAT u joħroġ xi permessi għal-lotteriji. Għalkemm fuq il-kotba, id-Dipartiment tal-Lotto huwa compost minn 21 persuna, bħalissa hemm 15 il-persuna li qed jirraportaw għax-xogħol. Tlieta huma sospizi mix-xogħol. Waħda hija bil-parental leave, oħra bhalissa hija bil-maternity leave u ieħor bi special unpaid leave. Erba qed jgħamlu xogħol ta’ watchman. Il-gradi ta’ dawn l-impjegati huwa kif ġej: 2 Principal 2 Assistant Principal 2 Computer Operators 1 Clerk 1 Stamper 1 Diary Operative 5 General Hand 1 Motor Transport Diver 1 Officer in charge Minor Staff 1 Operational Support Worker 1 Senior Tradesman 1 Tradesman 1 Watchman 1 Assistant Technical Officer

VAT department

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19400 u jekk jogħġbu jikkonferma rapporti li ġew ingaġġati managers mal-VAT department minn barra ċ-ċivil? Kemm hemm minn dawn il-persuni? Liema karigi qed jokkupaw? X'inhuma s-salary scales tagħhom? Dawn għandhom il-poter li jagħtu d-direttivi lill-ħaddiema taċ-ċivil li jaqgħu taħthom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 19400.

VAT — Mediċini

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 17921, jista' il-Prim Ministru jara jekk hux permissibbli li tiġi imposta t-taxxa ta' 5% VAT fuq vaċċini li jistgħu jiġu amministrati fuq il-bniedem u li għandhom HSCode Nru. 300220?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prodotti li għalihom tiġi applikata rata ta’ 0% VAT kienu identifikati flimkien mal-Kummissjoni ta’ l-Unjoni Ewropean u għandhom ikunu simili għal dawk li hemm fir-Renju Unit u fl-Irlanda. Il-prodott imsemmi ma kienx wieħed mill-prodotti identifikati u għalhekk huwa ntaxxat bir-rata ta’ 5%.

Revenue Security Corps

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm hemm fil-preżent ħaddiema mar-Revenue Security Corps? Kemm irtiraw din is-sena? Kemm tkeċċew din is-sena? Kemm ġew sospiżi din is-sena? Hemm ħsieb min-naħa tal-gvern li jiddaħlu aktar impjegati? X'inhi l-funzjoni u d-dmirijiet tagħhom bħala korp?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li fir-Revenue Security Corps hemm bħalissa 136 membru. Din is-sena ġie tterminat l-ingaġġ ta’ wieħed mill-Gunners għal raġunijiet ta’ saħħa. Ma kien hemm l-ebda discharge ieħor mill-korp, u bħalissa m’hemmx ħsieb li jiddaħħlu aktar rekluti fil-korp. Il-funzjoni tal-korp hija li tipprovdi servizzi ta’ sigurta lill-banek u dipartimenti u entitajiet tal-Gvern fosthom dawk tat-taxxi nterni u l-Water Services Corporation. Id-dmirijiet tal-membri tar-Revenue Security Corps ivarjaw minn xogħol ta’ security guard, cash escort u xogħol fl-Ispettorat tal-VAT. Barra minn hekk, minħabba esiġenzi tas-Servizz, bħalissa hemm numru ta’ membri tal-Korp li qegħdin sekondati mad-Detention Service fejn qegħdin jagħmlu għassa ma’ l-immigranti rregolari fiċ-ċentri ta’ detenzjoni.

OPM — Gazzetti

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu li huma intitolati għall-gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm nefaq kull uffiċjal fuq kull ġurnal separatament matul is-snin 2004 u 2005, xahar b'xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nies li huma ntitolati għall-gazzetta ta’ kuljum huma dawk fil-gradi ta’ Segretarju Permanenti Ewlieni, Segretarju Permanenti, Diretturi Ġenerali, Direttur u uffiċjali oħra li, minħabba n-natura tax-xogħol tagħhom, jirrekjedu li jagħmlu użu mill-gazzetti. In-nefqa għall-gazzetti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru fl-2004 kienet ta’ Lm9,659 u fl-2005 ta’ Lm8,893.

VAT — Parties

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm tħallas VAT wara kull party li sar is-sena l-oħra? X'tip ta' spezzjoni ssir f'kull party biex jiġi żgurat li l-VAT titħallas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li meta jintalab permess speċifiku sabiex jużaw biljetti tad-dħul minflok ir-riċevuta fiskali għall-parties, id-Dipartiment jagħmel sorveljanza jekk fl-opinjoni tiegħu, dak it-tali party huwa ta’ ċerta entita’ sabiex jiġi żgurat li l-VAT dovuta titħallas. In-numru ta’ permessi maħruġa matul 2005 għall-parties kien ta’ 25. Wieħed irid isemmi li fid-denunzja tal-VAT, persuni reġistrati jiddikjaraw kemm id-dħul kif ukoll il-ħruġ fuq l-attivita’ tagħhom. Din tista’ tinkludi ukoll dħul minn xi attivita’ partikulari fosthom parties. Fid-denunzja, persuni reġistrati mhumiex rikjesti sabiex jindikaw id-dettalji ta’ l-attivitajiet li jkunu għamlu. Għal din ir-raġuni ma tistax tingħata s-somma ta’ VAT li tħallset.

BMW's li ntużaw għaċ-CHOGM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'xogħol jagħmlu u min xtara l-BMW's taċ-CHOGM is-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninstab infurmat illi, kif inhu magħruf pubblikament, l-bejgħ tal-BMW li kienu mislufin lill-Gvern għal żmien ic-CHOGM, sar bejn l-importaturi tal-vetturi u l-individwi li xtawhom. Il-Gvern ma kellu x’jaqsam xejn ma dan il-bejgħ.

OPM — Safar

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena kemm kienet l-ispiża tas-safar tal-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ wieħed mid-dipartimenti ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll tabella ‘B’ li turi l-istess informazzjoni għar-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi. Għar-rigward ta’ safar tiegħi kif wkoll ta’ diversi dipartimenti li jaqaw taħti, ma tistax tingħata figura għalissa peress li l-kontijiet għadhom mhux konkluzi.

Bejgħ ta' proprjeta'

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'kien l-ammont ta' proprjeta' mibjugħa kull sena bejn l-2000 u l-2005, kif ukoll fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena? X'kien l-ammont mibjugħ lill-barranin kull sena fl-istess perijodu kif ukoll fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont ta’ proprjeta’ immobbli mibjugħa kull sena bejn 2000 – 2006 kif ukoll l-ewwel tlett xhur ta’ l-2006 huwa kif indikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra

OPM — Fuel

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża tal-fuel tal-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Prim Ministru u tal-Ministeru tal-Finanzi fl-ewwel erba' xhur ta' din is-sena? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabella ‘B’ turi l-istess informazzjoni mitluba.

Familji li jżommu studenti barranin

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu l-avviżi legali ġodda dwar il-kondizzjonijiet fiskali dwar familji u persuni li jżommu magħhom studenti barranin li jiġu jitgħallmu l-Ingliż fostna?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-proċeduri kollha biex jiġi ppubblikat l-avviz legali huma mistennija li jkunu finaliżżati lejn l-aħħar tax-xahar.

AFM — Immigranti Illegali

Question

Minħabba li fl-aħbarijiet fuq ir-RAI 2 nhar il-Ħadd 21 ta' Mejju, 2006 intqal li l-forzi armati Maltin ma tawx għajnuna lil grupp ta' immigranti illegali li għaddew minn ibħra territorjali tagħna u tħallew sejrin lejn Lampedusa, jista' il-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi ilment mill-awtoritajiet Taljani dwar dan u x'kienet ir-reazzjoni tal-Gvern Malti għal dak li ntqal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ma kien hemm l-ebda ilment min-naħa ta’ l-awtoritajiet Taljani rigward dak li ġie rraportat fuq l-istazzjon imsemmi.

Qorti ta' l-Appell — Sentenza dwar drittijiet ta' pensjonant

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-sentenza li ngħatat mill-Qorti ta' l-Appell Ċivili (Sede Superjuri) fis-27 ta' Marzu 1996 fl-ismijiet Maurice Petrococchino vs Prim Ministru dwar id-drittijiet ta' pensjonant li jkun ikkommuta parti mill-pensjoni tiegħu u dan wara li jkun għalaq it-72 sena hix qiegħda tiġi segwita u onorata kif deċiża għal kull pensjonant applikabbli fiċ-ċirkostanzi? Jista' jgħid kemm kienu dawk il-pensjonanti li bbenefikaw mill-applikazzjoni ta' din id-deċiżjoni sa l-aħħar ta' Mejju 2006? Kemm minnhom huma membri tal-korp tal-pulizija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi l-pensjoni li tingħata taħt l-Ordinanza dwar il-Pensjonijiet (Kap. 93) lill-membri fil-Korp tal-Pulizija kif ukoll lill-impjegati tas-servizz ċivili ma tiġiex aġġustata wara d-data ta’ l-irtirar ta’ impjegat. Xi aġġustamenti li jsiru fil-pensjoni anki meta pensjonant ikun għalaq 72 sena jikkonċernaw pensjonanti taħt il-liġi tas-Sigurta Soċjali.

Government of Malta Staff List

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ilha toħroġ il-Government of Malta Staff List? Jista' jgħid meta ħarġet l-aħħar staff list? Meta se toħroġ l-istaff list li jmiss?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-Istaff List, l-aħħar darba li ġiet pubblikata kien fl-1 ta’ April, 2000. M’hemmx il-ħsieb li l-Istaff List terġa’ toħroġ, fid-dawl tal-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data (Kap. 440).

OPM — Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tiegħu u tas-segretarju parlamentari? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom? X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba fl-ewwel parti tal-Mistoqsija ta’ l-Onorevoli Interpellant. B’rifereza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jindika x’relevanza għandha dil-parti tal-mistoqsija.

Pagi

Question

Billi tħabbar li xi ħaddiema tal-gvern u anke l-President se tiżdidilhom il-paga, jista' il-Prim Ministru jgħid min huma dawn u kemm se jiżdiedu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-Ftehim Kollettiv għas-Servizz Pubbliku għas-snin 2005 – 2010 ġew imħabbra żidiet fl-iskali ta’ l-impjegati tal-gvern. Dettalji dwar is-salarji jinsabu fuq Tabella A li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dettalji dwar is-salarju tal-President għas-snin 2005 – 2010 jinsabu f’Tabella B li qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra.

OPM — Karozzi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża għall-kiri ta' karozzi matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena, mill-Ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jipprovdi l-istess informazzjoni għall-istess perijodu għas-snin 2004 u 2005 separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella ‘A’ għar-rigward ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant, kif ukoll tabella ‘B’ li turi l-istess informazzjoni għar-rigward tal-Ministeru tal-Finanzi.

Uffiċjali tad-Dwana

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li jittieħdu passi biex uffiċjali tad-dawana jkunu għax-xogħol fit-terminal tal-passiġġieri tal-vapuri f'ħin konvenjenti għal dawk li jaslu biex ma joqogħdux jistennew sa wara s-2.00 p.m. kif ġara nhar il-Ġimgħa 26 ta' Mejju, 2006 għaliex tħallew jistennew il-passiġġieri?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat illi l-vapur li fil-ġurnata u l-ħin li ssemma’ l-Onorevoli Interpellant jidħol Malta hu vapur MSC Opera li jidħol Malta ta’ kull nhar ta’ Ġimgħa biex inizzel il-passiġġieri u ilu jagħmel dan mis-7 ta’ April 2006. Fis-seba’ darbiet ta’ qabel li daħal dan il-vapur, l-uffiċjali tad-Dwana dejjem kienu fil-ħin biex jeżaminaw il-bagalji tal-passiġġieri. Fil-ġurnata li dwarha qiegħed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant, l-uffiċjali tad-Dwana li kienu assenjati għall-eżami tal-bagalji tal-passiġġieri ta’ dan il-vapur inqabdu fuq xogħol ieħor u waslu għoxrin minuta tard. Diġa ttieħdu l-passi neċessarji sabiex dan id-dewmien ma jerġax iseħħ

Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm jammonta l-investiment kollu li l-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi għamlet f'Malta u Għawdex, separatament u sena sena, minn meta bdiet tiffunzjona sal-lum? Fiex kien jikkonsisti dan l-investiment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.