Tista' il-Ministru tgħid jekk l-inkwilini anzjani li jgħixu fi flat tal-gvern fil-Mosta li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jistgħux jixtru dan il-flat u kemm huwa l-prezz ladarba dawn huma anzjani u pensjonanti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni mir-residenti tal-post indikat mill-Onor. Interpellant taħt l-iskema Sir Sid Darek. Taħt din l-iskema, persuni li jkunu ilhom kerrejja rikonoxxuti f’post tal-Gvern għal mill-anqas ħames snin konsekuttivi jkunu jistgħu jixtru l-post bi prezz sussidjat skond id-dħul u l-assi li jkollhom.
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħti parir lill-persuna konċernata biex tavviċina t-taqsima tal-Customer Care ta’ l-Awtorita’ biex tara tistax tibbenefika taħt l-imsemmija skema.
Tista' il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' karozzi mikrija mill-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħt il-ministeru tagħha? Kemm kienet l-ispiża f'ċifra ta' flus totali għal dawn il-kirjiet matul l-2005?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' jiġi verifikat jekk il-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, hijiex intitolata għall-karta r-roża?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata direttament bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ingħataw sussidji mill-housing authority u taħt liema skemi ngħata s-sussidju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jekk l-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant hi dwar l-aħħar sena finanzjarja ta’ l-Awtorita’ tad-Djar, ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid x'possibbilta' hemm li l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ibiddel il-post ta' fejn jgħix ma' post ieħor? Meta mistennija ssir l-ispezzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-applikazzjoni mill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant waslet fid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali fit-22 ta' Frar 2006 u qed tiġi proċessata.
Tista' il-Ministru tgħid jekk hemmx xi skema sabiex ġuvni (ħaddiem mal-gvern) li jgħix ma' ommu anzjana jingħata special leave sabiex idur b'ommu? Jekk fl-affermattiv, tista' tgħid jekk ikunx jista' jibbenefika minn xi benefiċċju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Ewwel Parti tal-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Dwar it-Tieni Parti tal-Mistoqsija, persuna li tkun fuq special unpaid leave mill-prinċipal biex iddur b’ommha, tista’ tkun intitolata għall-Pensjoni tal-Wens imħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, kemm il-darba:
· dik il-persuna tissodisfa t-test tal-mezzi;
· l-omm tkun ċertifikata minn bord mediku maħtur taħt l-imsemmi Att li hi bedridden jew wheelchair bound; u
· jkun hemm rapport minn social worker li jikkonferma li l-applikanti tkun qed tieħu ħsieb weħedha ta’ l-omm.
Dwar it-test tal-mezzi, ninsab infurmata li l-ammont kapitali ma jridx jaqbeż Lm6,000 u d-dħul massimu ma jridx jaqbez Lm35.38 fil-ġimgħa, kalkulat skond ir-Raba’ Taqsima tas-Sitt Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Tista' il-Ministru tagħti lista ta' periti li għamlu u qegħdin jagħmlu xogħol għall-awtorita' tad-djar (dawn l-aħħar ħames snin) kif ukoll kemm tħallsu s'issa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qed jinġabar u it-tweġiba tingħata f’xi Seduta oħra.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' single parent li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, biex tibbenifika minn post mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Jien infurmata illi l-applikazzjoni qed tiġi kkunsidrata flimkien m'oħrajn simili.
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba tal-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, quddiem l-awtorita' tad-djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata mill-Awtorita’ tad-Djar dwar it-talba tagħha permezz ta’ ittra li ġġib id-data tat-30 ta’ Jannar 2006.
Tista' il-Ministru tgħid x'passi ħa d-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali rigward l-inkwilini li jgħixu fi Triq il-Kurċifiss, l-Isla, fejn waqa' is-saqaf tat-tromba tat-taraġ ftit ta' żmien ilu? Fejn ġew akkomodati? Fuq bażi temporanja jew permanenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li familja ġiet allokata appartament ieħor permanenti filwaqt li l-persuna l-oħra qed tgħix ma’ bintha.
Talba quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali
Question
Tista' il-Ministru tgħid fejn waslet it-talba ta' single parentli detttalji dwarha qed jintbagħtu separatment, quddiem id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li skond l-applikazzjoni pendenti li għandha mad-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ma toqgħodx fl-indirizz indikat minnu u għalhekk għandu jagħtiha parir tavviċina, malajr kemm jista jkun, lit-Taqsima tal-Customer Care tad-Dipartiment biex temenda l-applikazzjoni tagħha.
Tista' il-Ministru tivverifka l-ilment ta' persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li l-pensjoni tiegħu mhijiex qed tiġi maħduma tajjeb?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tgħid kemm persuni applikaw għas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma bejn l-2000 u l-2006?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment għandu biss statistika għall-applikazzjonijiet tas-sussidju fuq id-dawl u l-ilma mill-1 ta’ Novembru 2001 sal-lum, liema applikazzjonijiet jammontaw għall-4336.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu blue stickers mill-kummissjoni persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li preżentement hemm 4,588 persuna li nħarġilha l-Blue Sticker. Dawn l-istickers jinħarġu mill-Kummissarju tal-Pulizija fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’.
Awtorita' tad-djar — Applikazzjonijiet għal xogħlijiet fi djar privati
Question
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 17574, tista' il-Ministru tikkjarifika jekk l-applikazzjonijiet lill-MEPA għal xogħlijiet fi djar privati, liema applikazzjonijiet saru mill-awtorita' tad-djar humiex parti mill-inizjattiva tal-care and repair, meta normalment applikazzjonijiet bħal dawn isiru mis-sid jew l-inkwilin permezz tal-periti privati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif għidt bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17574 f'Seduta Numru 361, l-applikazzjonijiet lill-MEPA mill-Awtorita tad-Djar indikati f'dik il-Mistoqsija, kienu konnessi ma' l-inizjattiva tal-Care and Repair.
Ninsab infurmata wkoll li fejn ikunu meħtieġa applikazzjonijiet lill-MEPA taħt din l-inizjattiva, dawn ma jsirux mis-sid jew l-inkwilin permezz ta' periti mqabbda minnhom iżda jsiru mill-Awtorita'.
Tista' il-Ministru tgħid kemm saru rapporti ta' vjolenza domestika kull sena mill-2000 s'issa? X'tip ta' vjolenza domestika kienet irrapportata u x'kienet l-azzjoni meħuda fir-rigward ta' dawn il-każi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub dwar is-sena 2005 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Minħabba li jidher li l-maġġoranza tal-poplu matur qiegħed jitlob li minbarra kampanja edukattiva qawwija kontra x-xorb alkoħoliku fost iż-żgħażagħ, l-eta' għandha wkoll titla' għal 18-il sena, l-eta' li fiha jistgħu jixorbu u/jew jidħlu f'postijiet ta' divertiment, tista' il-Ministru tgħid x'inhuma l-pariri mogħtija mill-esperti dwar dan speċjalment wara r-riżultati ferm ħżiena dwar il-kwantita' ta' xorb li jinxtorob minn żgħażagħ Maltin meta mqabbel ma' dawk Ewropej?
Dwar il-kampanja edukattiva, tista' tgħid x'qed isir flimkien mal-ministeru ta' l-edukazzjoni?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif naħseb li jaf l-Onor. Interpellant, f’Jannar 2006, il-Gvern waqqaf kummissjoni biex teżamina u tirrevedi l-liġijiet kollha relatati mal-postijiet tad-divertiment, b’mod partikolari dawk il-partijiet tal-Liġi li jistgħu jipprevjenu iktar l-abbuż mill-alkoħoliżmu, id-droga u vizzji oħra, kif ukoll teżamina kull kwistjoni oħra relatata.
F’dan l-istadju wieħed irid jistenna r-rakkomandazzjonijiet ta’ din il-kummissjoni.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li l-Aġenzija Sedqa tagħmel programmi ta’ prevenzjoni fl-iskejjel dwar l-abbuż minn sustanzi tossiċi, u edukazzjoni favur il-ħajja. Parti minn dawn il-programmi jitmexxew minn erba’ għalliema tal-PSD mid-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, bi ftehim bejn id-Diviżjoni u l-Aġenzija Sedqa.