Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21640 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu biex jiġi organizzat it-traffiku fl-inħawi ta' San Ġiljan in vista tal-masses li kienu mistennija jidħlu Paceville għall-ftuħ ta' l-istabbiliment ta' Bay Street fil-weekend tal-25 u s-26 ta' Novembru, 2000? Kemm ġew dettaljati uffiċjali tal-Pulizija għal dan il-għan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi sabiex ikun organizzat it-traffiku fl-inħawi ta` San Ġiljan minħabba l-ftuħ ta` l-istabbiliment li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant, sar arranġament sabiex isir użu mill-parking area ġewwa Pembroke, minn fejn ukoll ġie organizzat shuttle service. Barra minn dan kien hemm żewġ kuntistabbli dettaljati xogħol extra duty on payment bejn id-9.00a.m. u s-1.00a.m. kemm matul il-ġurnata tas-Sibt kif ukoll il-Ħadd.
Leg 9 PQ #21641 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ikun hemm uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-istation tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar fix-xift ta' bil-lejl?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi normalment, fix-xift ta` bil-lejl, ikun hemm erba` uffiċjali mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili fl-istation tax-Xemxija, San Pawl il-Baħar.
Leg 9 PQ #21642 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati każi ta' serq is-Sibt 25 ta' Novembru, 2000 u l-Ħadd 26 ta' Novembru, 2000 f'San Ġiljan, Paceville, San Ġwann u s-Swieqi? Jista' jgħid x'tip ta' serq ġie rrapportat? Jista' jgħid kemm kien hemm pulizija mid-distrett on the beat fil-lejl ta' bejn il-25 ta u s-26 ta' Novembru, 2000 fl-inħawi ta' San Ġiljan, Paceville, San Ġwann u Swieqi? Jista' l-Ministru jikkonferma li nhar il-Ħadd 26 ta' Novembru, 2000 xi uffiċjali tal-pulizija mid-distrett ta' San Ġiljan ġew ordnati jmorru Birkirkara minħabba l-festa ta' Kristu Re?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każijiet ta` serq irrapurtati lill-Pulizija kienu: 25 ta` Novembru 2000 26 ta` Novembru 2000 San Ġiljan 1 – minn vettura 6 – minn vetturi 1 – ta` vettura 1 – snatch & grab 1 – suitcase 1 – handbag Paceville 2 – minn vetturi 3 – handbags 1 – minn vettura San Ġwann 3 – minn vetturi xejn Swieqi 3 – minn vetturi 1 – minn residenza 1 – minn garage 3 – minn vetturi Infurmat ukoll illi fil-lejl ta` bejn il-25 u s-26 ta` Novembru 2000 fl-inħawi ta` San Ġiljan, Paceville, San Ġwann u Swieqi, kien hemm Surġent u Kuntistabbli l-Għassa ta` San Ġiljan u l-istess numru l-Għassa ta` San Ġwann. Ma` dawn kien hemm ukoll Surġent u 6 Kuntistabbli mid-Distretti, Surġent u 4 Kuntistabbli mill-S.A.G. u 2 Kuntistabbli mit-Taqsima tal-Klieb. Żewġ Kuntistabbli, stazzjonati San Ġiljan, li kien imisshom xogħol wara nofsinhar, kienu ordnati xogħol Birkirkara.
Leg 9 PQ #21643 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inħadmu sigħat f'overtime fid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili matul is-snin 1998, 1999 u 2000, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej: Sena Numru ta` sigħat f`overtime 1998 1,690 1999 17,869 2000 35,172 Ta` min ifakkar li d-Dipartiment beda jopera bħala entita` kompletament separata mill-1 ta` Jannar 2000.
Leg 9 PQ #21684 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Spiżeriji Veterinarji

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 21387 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura u Sajd u li ġiet riferuta lilu u cioe: Jista' jgħid kemm hemm spiżeriji veterinarji liċenzjati f'Malta u Għawdex? F'liema lokalita' huma? Jista' jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal ftuħ ta' spiżeriji simili? Meta saret kull applikazzjoni? Minn min? Fejn?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi liċenzji għall-ftuħ ta` spiżeriji ma jinħarġux mill-Pulizija iżda mis-Supretendent tas-Saħħa Pubblika u dana skond l-artikolu 22 tal-Kap 31 tal-Liġijiet ta` Malta.
Leg 9 PQ #21695 Sitting 442 2000-12-01 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Reconcilation Programme — Victim/offender

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sistema jew metodu ta' victim/offender reconciliation programme teżistix f'Malta? Jekk iva, liema huma dawk l-organizzazzjonijiet u dipartimenti governattivi nvoluti? Jekk saret, x'riżultati tat? Jeżistu nies kompetenti f'dan il-qasam? Il-vittmi ta' reati, x'għajnuna jirċievu mill-pulizija, mill-Qrati, mill-Gvern? Jekk victim/offender reconcilation programme mhux fis-seħħ, hemm xi ħsieb li dan jsir u min se jkun responsabbli minnu?

Response (BORG, TONIO)

L-Emendi li hemm proposti għall-Kodiċi Kriminali jaħsbu biex għall-ewwel darba fl-istorja legali ta` Malta l-vittma f`reat ikollha d-dritt li tattendi u tkun preżenti waqt il-proċeduri kriminali kontra l-akkużat. B`din l-emenda il-vittma: (a) ser tibda tgawdi mid-dritt li tkun preżenti f`kull stadju tal-proċeduri kriminali anke fejn hi ser tkun xhud; (b) ser tgawdi wkoll mid-dritt ta` assistenza legali quddiem il-Qorti ta` l-Appell Kriminali fil-gurisdizzjoni inferjuri tagħha; (c) ser tkun tista` titlob li l-atti tal-każ li jkunu ġew deċiżi mill-Qorti tal-Maġistrati jintbagħtu lill-Avukat Ġenerali biex dan jikkunsidra jekk hemmx lok għall-appell; (d) ser tkun tista` tagħmel sottomissjonijiet quddiem il-Qorti Kriminali u l-Qorti ta` l-Appell Kriminali meta din tasal biex tagħti l-piena f`kawżi ta` ġuri u l-appelli minn dawn il-kawżi. Barra minn dan jien ninsab infurmat li teżisti kooperazzjoni sħiħa bejn il-Pulizija u l-programmi tal-SWDP (Social Welfare Development Programme) fi ħdan il-Ministeru tal-Politika Soċjali biex iħarsu u jieħdu ħsieb l-interessi tal-vittmi tar-reati li jkunu għaddew minn trawma wara t-twettieq ta` dawn ir-reati. Kemm il-Pulizija u kemm l-SWDP għandhom in-nies kompetenti u b`esperjenza biex jittrattaw każijiet delikati ta` din il-kwalita`. Ninsab infurmat ukoll li diversi persuni jagħmlu użu tajjeb minn dawn is-servizzi, iżda għal raġunijiet ovvji ma jistgħux jiġu kwantifikati r-riżultati li qed jinkisbu minn dawn l-inizjattivi.
Leg 9 PQ #21355 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Xogħol f'Wied Qannota, Baħrija

Question

Jista' l-Ministru jinformani u ċioe' jpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tar-rapport ta' l-ispezzjoni li saret mill-Planning Authority fuq ix-xogħlijiet li kienu qed isiru f'Wied Qannota, l-Baħrija? Jista' jinformani x'inhija l-pożizzjoni tal-Planning Authority dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Biex inkun f`qagħda li nagħti tweġiba adekwata, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jispeċifika l-każ li qed jirreferi għalih.
Leg 9 PQ #21356 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Mtarfa Bypass

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport ta' l-ispezzjoni li l-Planning Authority għamlet dwar ħajt tal-konkos li tela' fl-Imtarfa Bypass? Jista' jinformani x'inhija l-pożizzjoni llum ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar dan il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 19841 u Nru. 16687, ninsab infurmat illi l-Awtorita` ta` l-Ippjanar irċeviet applikazzjoni PA 3110/00 għal xogħolijiet ta` titjib ġenerali fil-Bypass ta` l-Imtarfa li tinkludi wkoll l-imsemmi ħajt tal-konkos. Ninsab infurmat ukoll illi l-Uffiċjal inkarigat minn din l-applikazzjoni kkonsulta ma` l-Environmental Management Unit fl-Awtorita` ta` l-Ippjanar stess, ġew identifikati n-nuqqasijiet fis-sottomissjonijiet, u dawn ġew ikkomunikati lill-applikant. Din l-applikazzjoni issa ġiet evalwata mid-Direttorat u ser tiġi determinata mill-Kummissjoni għall-Kontroll ta` l-Iżvilupp fil-ġranet li ġejjin. Ir-rakkomandazzjoni tad-direttorat hija waħda pożittiva skond il-pjanti sottomessi.
Leg 9 PQ #21631 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew kommessi reati mill-1 ta' Jannar, 1999 tal-31 ta' Diċembru, 1999 u mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati għall-istess perijodi?

Response (BORG, TONIO)

Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għal matul l-1999, nirreferih għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 12907 u Nru. 12967. Rigward it-tagħrif mitlub għal matul is-sena 2000, ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar u l-31 ta` Ottubru ġew irrapurtati lill-Pulizija 14,410 reat. Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija nirreferih għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21218.
Leg 9 PQ #21632 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Transfers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fil-korp tal-pulizija mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-5 ta' Settembru, 1999 u mis-6 ta' Settembru 1999 sal-ġurnata tal-lum? Jista' jindika għal kull persuna mil-liema u għal-liema dipartment ġew affettwati dawn it-transfers?

Response (BORG, TONIO)

Dwar it-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant għal perijodu mis-6 ta` Settembru 1998 sa` l-10 ta` Settembru 2000, nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 10193, Nru. 12494 u Nru. 19254. Dwar il-perijodu bejn il-11 ta` Settembru u s-27 ta` Novembru 2000, ninsab infurmat li kien hemm 115 membru tal-Korp li tbiddlilhom ix-xogħol tagħhom fid-diversi sezzjonijiet tal-Korp, fosthom 15-il membru li ħadu promozzjoni. Kif diġa` kelli okkażżjoni li ngħid, dan it-tibdil jsir meta u kif ikun il-bżonn, fl-aħjar interessi ta` l-istess Korp u tal-pubbliku in ġenerali.
Leg 9 PQ #21633 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Qbid ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga f'Malta u f'Għawdex mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum li m'hijiex droga li nqabdet fl-ajruport jew fil-portijiet ta' Malta?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa kif ġej: Cocaine 28.135grms LSD 2 micro-dots Heroin 1kg 405.5grms DHC 104 tablets Cannabis grass 103.421grms Valium 90 tablets Cannabis resin 757.333grms Triptyzol 53 tablets Ecstacy 788½ tablets Flurazopam 117 tablets Amphetamine 1½ tablets Duromine 26x30mg 17x15mg
Leg 9 PQ #21634 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdet droga fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-31 ta' Diċembru, 1999 u mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid x'kienet li nqabdet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant baqa` l-istess kif jidher fit-tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 12767 u Nru. 19758.
Leg 9 PQ #21635 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Prostituzzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu l-qorti persuni fuq abbużi ta' tlajjar għal skopijiet ta' prostituzzjoni mill-1 ta' Jannar, 1999 sal-31 ta' Diċembru, 1999 u mill-1 ta' Jannar, 2000 sal-ġurnata tal-lum? Jista' jispeċifika l-eta' tal-persuni hekk imressqa? Jista' jgħid kemm minn dawn il-persuni li tressqu fuq tlajjar għal skopijiet ta' prostituzzjoni għandhom proċeduri pendenti jew diġa' ġew ikkundannati għal reati konnessi mal-pussess u traffikar tad-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta` Jannar 1999 u l-31 ta` Diċembru 1999, tressqu l-Qorti 130 persuna fuq reati konnessi ma` prostituzzjoni, filwaqt illi bejn l-1 ta` Jannar u s-27 ta` Novembru 2000, tressqu 17-il persuna. L-eta` ta` dawn il-persuni kienet tvarja bejn is-16 u l-49 sena.
Leg 9 PQ #21644 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Xogħol bla Permess f'Tas Sliema

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 20534?

Response (BORG, TONIO)

B`referenza għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 20534 ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar kienet kostretta isservi Avviż biex Tieqaf u tat-Twettieq kontra l-HSBC Bank dwar żvilupp illegali ta` kmamar fuq in-naħa ta` wara tal-fergħa li tinstab ġewwa Triq Manwel Dimech, Tas-Sliema. Fil-frattemp iddaħħlet applikazzjoni f`isem il-bank biex tirregola l-iżvilupp, liema applikazzjoni ġiet approvata fl-24 ta` Novembru 2000, b`multa ta` mitejn u tmien liri (Lm208).
Leg 9 PQ #21648 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Probation order

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il probation order f'dawn l-aħħar snin ingħataw mill-qorti? Kemm minnhom kienu ta' sess maskili u kemm minnhom kienu ta' sess femminili? Kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' Maltija u kemm minnhom kienu ta' nazzjonalita' barranija?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellanti għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21218, ninsab infurmat li l-persuni li ngħataw probation kienu mqassma kif ġej:- Irġiel Nisa Maltin 987 137 Barranin 26 3
Leg 9 PQ #21654 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni mtella' l-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna jew kumpannija tressqet il-qorti, f'dawn l-aħħar ħames snin fuq boathouses, jew strutturi oħra bla permess fil-bajjiet ta' San Tumas, ta' l-Għadira, ta' l-Armier, ta' Baħar iċ-Ċagħaq, Qawra, San Pawl il-Baħar u bajjiet oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onorevoli Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata.
Leg 9 PQ #21693 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Qrati

Question

Jista l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx proċeduri pendenti l-Qorti in konnessjoni mal-ħlas tal-kumpens offrut fl-esproprijazzjonijiet u kemm ġew istitwiti proċeduri ġodda f'din is-sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi b`kollox hemm 169 każi quddiem il-Bord ta` l-Arbitraġġ. Din is-sena hemm 49 każijiet ġodda.
Leg 9 PQ #21696 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Msida Boat House

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir biex ma tkomplix tiddilapida ruħha l-iMsida Boat House?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-Gvern m`għandu l-ebda proprjeta` magħrufa bħala l-Imsida Boathouse, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħti iżjed informazzjoni sabiex tiġi ddentifikata l-proprjeta` li qed issir referenza għaliha.
Leg 9 PQ #21712 Sitting 441 2000-11-30 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Triq ir-Regatta - Bormla

Question

B'referenza għad-domanda parlamentari nru. 15281, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx il-probabilita jew l-possibilita li fil-futur qarib il-parti ta' Triq ir-Regatta, Bormla li qiegħda f'idejn il-Gvern in possession and use tiġi issa esproprijata?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-parti ta` Triq ir-Regatta Bormla diġa` hija esproprjata taħt it-titolu ta` "possession and use". Naħseb li l-Onorevoli Membru qiegħed jitlob illi t-titolu ta` "possession and use" jinbidel għal titolu ta` xiri assolut. L-Onor. Interpellant japprezza d-diffikulta` li wieħed jikkonverti il-"possession and use" kollha f`titolu ta` akkwista assolut. Kien għalhekk li l-Gvern preżenti bħala regola ma ħareġ ebda "possession and use" wara l-1987. Il-każijiet ta` qabel l-1987 ma ntmessewx.
Leg 9 PQ #21530 Sitting 440 2000-11-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trobbija ta' Fniek u Annimali Oħrajn

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex kontravenzjoni kriminali u/jew ċivili t-trobbija ta' fniek jew annimali oħrajn fi bliet u nħawi abitati? Dawn kif jiġu regulati mill-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-trobbija ta` ċertu annimali f`diversi lokalitajiet, huwa rregolat bil-Liġijiet tal-Pulizija (Kap. 10). Meta l-Pulizija ikollha rapport dwar din l-attivita`, dan jiġi nvestigat u tittieħed azzjoni skond ma jirriżulta mill-investigazzjonijiet.