Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 18992 u jgħid kemm ħadet fondi mill-Unjoni Ewropea Malta f'dawn l-ewwel sentejn ta' sħubija fil-qasam ta' l-isport?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fejn jidħlu fondi, l-Unjoni Ewropea m'għandhiex programmi jew inizjattivi speċifiċi għall-isport.
Fil-fatt il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja waqqfet il-programm 'Eurathlon', li kien qed jiġi attwat bejn l-1995 u l-1998, u li kien qed jagħti għajnuna lill-avvenimenti sportivi, għar-raġuni li ma kienx hemm bażi legali biex dan il-programm jiġi ffinanzjat mill-budget.
Madankollu attivitajiet sportivi jistgħu jiġu indirettament finanzjati taħt proġett b'temi jew għanijiet li jaqgħu taħt xi wieħed mill-programmi diversi bħal:
il-programm 'Leonardo da Vinci', li għandu l-għan li jħarreġ ċittadini fil-qasam vokazzjonali;
il-programm 'Socrates', li huwa l-Programm Ewropew għall-Edukazzjoni
u l-'Youth Programme'
Organizzazzjoni sportiva Maltija bbenefikat minn fondi bħal dawn aktar kmieni din is-sena meta ntlaqgħet l-applikazzjoni tagħha biex tkopri spejjeż marbuta ma' taħriġ għall-'coaches' Maltin fl-Ingilterra u b'hekk ser tirċievi EUR 8,100.
Ta' min isemmi wkoll li għaqdiet Maltin qegħdin jibbenefikaw minn inizjattivi mtella fuq bażi aktar wiesa minn organizzazzjonijiet f'pajjiżi membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea. Qed nirreferi għall-organizzazzjonijiet bħall-Malta Volleyball Association' u l-Kumitat Olimpiku Malti li ġew inklużi f'inizjattivi mtella minn organizzazzjonijiet bbażati f'Reggio Calabria u Padova.
L-EUPU iltaqa' wkoll mal-Kunsill Malti għall-Isport biex jagħrfu kif jista' jibbenefika minn dawn il-fondi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn studenti barranin fi skejjel tal-gvern illum? Kemm minn dawn huma ta' reliġjon mhux kattolika? Minn liema pajjiż huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti barranin fi skejjel tal-Gvern huwa ta' 482. Dawn l-istudenti huma mqassmin kif ġej:
Primarja 303
Sekondarja 147
Post-Sekondarja 32
Informat ukoll li t-32 student ta' l-iskola post-sekondarja ma tinġabarx informazzjoni dwar ir-reliġjon tagħhom. Informazzjoni aktar dettaljata ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm ċentri f'Malta li jorganizzaw l-eżamijiet ta' l-Universita' ta' Cambridge, magħrufa bħala IGCSE? Kemm hemm studenti, subien u bniet, li qed joqogħu għal dawn l-eżamijiet li qed isiru bħalissa? Jista' jgħid ukoll kemm qed joqogħdu għal kull suġġett offrut? Ikun hemm sorveljanza tad-diviżjoni ta' l-edukazzjoni biex ikun żgurat li kollox jimxi kif suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm spiċċaw ħaddiema mill-Kulleġġ St Edwards, kemm minħabba sensji, jew għax telqu minn jeddhom, jew għax irtiraw minħabba l-eta', u dan kemm fl-aħħar tas-sena skolastika 2004/05 u kemm s'issa matul din is-sena skolastika? Jista' jara għaliex qed jiġru dawn l-affarijiet? Jaf li kien hemm għalliema li din is-sena telqu wara biss ftit ġimgħat ta' tagħlim, bħalma kienu l-każi ta' għalliema tal-Malti u tal-matematika fit-taqsima sekondarja ta' l-iskola? Jaf li għalliema ngħata s-sensja minkejja li ftit xhur ilu ngħata l-kariga ta' kap tad-dipartiment ta' l-Ingliż fl-istess skola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fis-sena 2004-2005 żewġ għalliema telqu mill-Kulleġġ St Edwards għax riedu jiċċaqalqu minn jeddhom fi skola oħra filwaqt li għalliem ieħor irtira minħabba li laħaq l-eta' tal-pensjoni. Tnax-il għalliem full-time ġew dikjarati 'redundant' u minn dawn, ħamsa ġew offruti xogħol fuq bażi part-time u tnejn minnhom irrifjutaw.
F'din is-sena skolastika 2005-2006, ġew affettwati żewġ redundancies. Wieħed mill-għalliema ġie offrut xogħol part-time iżda dan irrifjutaħ. Għalliem ieħor intemmlu l-impjieg waqt il-probation period.
F'din is-sena skolastika 2005-2006, numru ta' għalliema telqu mill-kulleġġ St Edwards wara ftit ġimgħat (tard Settembru 2005/bidu ta' Ottubru 2005) għaliex għażlu li jmorru jaħdmu fl-iskejjel statali peress li xi placements ta' l-għalliema ħarġu ftit wara li bdiet is-sena skolastika.
Informat ukoll li l-persuna li qed tokkupa l-kariga ta' Kap tad-Dipartiment ta' l-Ingliż għadha ma ngħatatx sensja iżda ġiet infurmata li x-xogħol tagħha ser jintemm fuq bażi ta' redundancy fl-aħħar ta' din is-sena skolastika (2005-2006).
Jista' il-Ministru jgħid kemm studenti barranin qegħdin iservu xi kors fl-Universita' ta' Malta? Minn liema pajjiżi ġejjin? X'korsijiet qegħdin isegwu u x'rati qed iħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti barranin li jattendu l-Universita' ta' Malta hu ta' 646. Ir-rati tal-ħlas għal studenti barranin, eskluż dawk mill-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea huma kif ippublikati fl-Avviż Legali numru 432 ta' 2004.
Tagħrif ieħor mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19087 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hawn bdiewa reġistrati full-time u part-time?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f’Novembru 2005 kien hemm 1,474 bdiewa reġistrati full-time u 495 reġistrati part-time.
Jista' il-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-persuna li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ġiet promossa għal grad ta' Acting Head meta: a) fil-mument li ġiet promossa kien hemm għalliema oħra fuq il-waiting list għall-istess pożizzjoni; b) ma kenitx eliġibbli li toqgħod għal interview peress li ma kellhiex għaxar snin esperjenza bħala għalliema, ma kellhiex il-kwalifiki meħtieġa u hemm oħrajn li huma senior tagħha?
Jista' jgħid kif min scale 9 din il-persuna ġiet scale 6?
Jista' jgħid jekk il-persuna ndikata hijiex se tirritorna fil-post oriġinali tagħha u cioe' tgħallem?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-każ ta' l-iskola primarja konċernata, li minħabba n-numru ta' tfal mhix intitolata għal Assistent Kap, id-Direttur ta' l-Operat sejjaħ l-għalliem anzjan biex jaġixxi ta' kap ta' l-iskola sakemm jinħatar il-Kap. Il-pożizzjoni ta' Aġent Kap ma hix promozzjoni fi grad sostantiv li għaliha jkun hemm applikazzjoni jew xi waiting list. Meta jinħatar il-Kap min ikun Aġent Kap jirritorna lura fuq xogħolu fil-klassi.
L-Onor. Membru hu informat ħażin dwar l-iskala ta' salarju li fiha tinsab il-persuna konċernata.
Jista' il-Ministu ġentilment jgħid għal liema raġuni l-istudent li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, għadu ma rċeviex l-ismart card tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-uffiċċju ta' l-MCAST, Malta, li hu responsabbli wkoll għall-istudenti Għawdxin ta' l-MCAST, kien infurmat 15-il ġurnata ilu l-'istudent card' ta' l-istudent li għalih qed tirreferi il-Mistoqsija Parlamentari kienet saritilha ħsara.
Informat ukoll li l-uffiċċju għadu ma rċeviex informazzjoni oħra mitluba mill-istudent. Madankollu l-Bord approva l-ħruġ ta' card oħra lill-istudent li tkun għandu sa tmiem il-ġimgħa.
Jista' il-Ministru jikkonferma li ż-żmien ta' kiri ta' dan l-istadium intemm 13-il sena ilu? Għaliex tħalla bla kuntratt ġdid? B'liema jedd l-MFA allura ċaħdet aċċess lill-iskola mill-użu ta' dan? Xi stand se jieħu l-ministeru fuq każi ta' mistħija bħal dawn fil-konfront tal-president tal-MFA?
Response (GALEA, LOUIS)
Nitlob l-Onor. Membru jirreferi il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru responsabbli mill-artijiet.
Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se jiftaħ il-kors tat-teknoloġija dentali għas-sena li ġejja?
Se jkompli għaddej il-kors tat-teknoloġija dentali minkejja li l-aħħar wieħed li fetaħ beda b'10 u issa niżel għal tnejn? Jistgħu lill-istudenti li qed ikomplu jserħulhom rashom li l-kors se jibqa' għaddej?
Għadu meqjus relevanti u utli kors tat-teknoloġija dentali għal dawn iż-żmenijiet u għal futur prevedibbli? Xi pjani għandha l-Universita' għall-iżvilupp ta' dan il-kors?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kors tat-teknoloġija dentali mhux ser jiftah is-sena li ġejja. Il-kors li beda s-sena l-oħra ser ikompli għaddej, avolja b'żewġ studenti.
Informat ukoll li l-Kors tat-Teknolġija Dentali huwa meqjus relevanti u għal quddiem hemm pjanijiet biex id-diploma tiġi 'upgraded' għal livell ta' degree.
Jista' il-Ministru jgħid meta kien introdott is-servizz ta' facilitator fl-iskejjel ta' l-Istat u f'dawk privati u tal-knisja separatament? Min qed iħallas għall-ispiża ta' dan is-servizz? Kemm kienet l-ispiża totali kull sena għal dawn il-facilitators mindu beda jingħata dan is-servizz sa l-aħħar tas-sena 2005? Kemm hu n-numru ta' facilitators fl-iskejjel ta' l-istat u f'dawk privati u tal-knsija separatament, u kemm hemm tfal li għandhom facilitator magħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Kollega għar-rapport Spiteri dwar l-Edukazzjoni Inklussiva u Speċjali li tqassam lill-Onor. Membri u li fih it-tagħrif mitlub.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni fl-ewwel erba' xhur tas-sena li nqabdu jaħdmu meta ma kellhomx permess jagħmlu dan? Kemm kienu barranin u minn fejn kienu? Liema xogħol kienu qed jagħmlu? Ittieħdu passi kontra min kien qed jimpjegahom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat hekk:
2006
Haddiema li nstabu jahdmu minghajr ma nfurmaw l-E.T.C.
Haddiema Barranin
Tip ta' Xoghol / Nazzjonalita
Jannar
373
28
14 – kostruzzjoni – Libja / Eritrea / Congo / Ivory Coast / Indja
3 – tindif u skart – Ukrajna / Somalia
3 – industrija – Egittu /
5 – kummerc – Ukrajna / Polonja
3 – catering – Bulgarija /
Frar
237
14
11 – kostruzzjoni – Bulgarija / Libja / Nigerja
3 – catering – Marokk / Bulgarija
Marzu
109
5
5 – kostruzzjoni – Bulgarija / Palestina
April
173
16
10 – catering – Cina / Indja / Libja / Bulgarija / Ingilterra
5 – kostruzzjoni – Libja
1 – industrija - Eritrea
Fil-każijiet fejn il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ issib persuni barranin jaħdmu mingħajr il-permess meħtieġ, il-Korporazzjoni tgħaddi l-informazzjoni lill-Kummissarju tal-Pulizija u tieħu l-passi legali kontra min iħaddem.
Fil-każijiet l-oħra, il-Korporazzjoni tinforza li timtela l-formola ta’ Bidu ta’ Impjieg u multa amminstrattiva ta’ Lm25. Fin-nuqqas ta’ dan, il-Korporazzjoni tmexxi l-każ għall-Qorti.
Jista' il-Ministru jgħid kemm-il permess inħareġ ta' xogħol f'dawn l-aħħar erba' xhur għall-barranin biex jaħdmu Malta? Għal liema xogħol? Ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' permessi ta' xogħol li nħarġu bejn l-1 ta' Jannar u t-30 ta' April lill-barranin biex jaħdmu f'Malta kien ta' 2226.
Lista tan-nazzjonalita' u lista tat-tip ta' xogħol ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies li nqabdu jaħdmu waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-ewwel erba' xhur tas-sena? X'kien ix-xogħol li kienu qed jagħmlu? X'passi ttieħdu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta’ persuni li nqabdu jaħdmu minn Jannar sa April ta’ din is-sena, waqt li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol, kien ta' 80 li nqabdu jaħdmu fil-catering, kummerċ, industrija, kostruzzjoni, tindif u skart, trasport u servizzi.
F’kull każ, il-persuna ġiet imwaqqfa immedjatament mir-reġistrar u benefiċċji soċjali, jekk kien il-każ, filwaqt li bdew jittieħdu passi kontra minn ħaddimhom, mingħajr ma nforma lill-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ.
Trends International Mathematics and Science Study
Question
Jista' il-Ministru jgħid x'xogħol sar s'issa biex l-istudenti tagħna jieħdu sehem fit-Trends International Mathematics and Science Study (TIMSS) 2006/07 li jkejjel il-kompetenzi ta' l-istudenti b'mod internazzjonali biex jgħin fit-titjib u t-tisħiħ tat-tagħlim tal-matematika u xjenza?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bi tħejjija għall-'field study', id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ħatret kumitat b'rappreżentanti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, ta' l-iskejjel tal-Knisja u ta' l-iskejjel Indipendenti u tal-Fakulta' ta' l-Edukazzjoni biex jikkordina x-xogħol.
Malta flimkien mal-parteċipanti l-oħra fit-Trends in International Mathematics and Science Study wettqet din il-ħidma:
Ġie kkunsidrat l-'Assessment Framework' fid-dawl tal-kurrikulu malti fil-matematika u x-xjenza.
Inkitbu mistoqsijiet għall-'achievement test'.
Il-mistoqsijiet tal-'field test' ġew eżaminati u saret adattazzjoni kulturali fejn meħtieġ.
Dan l-eżerċizzju sar ukoll fuq il-mistoqsijiet tal-kwestjonarji.
Sar xogħol fuq is-'setting' tat-'test booklets' u l-kwestjonarji.
Il-materjal tal-'field test' ġie stampat fl-Istamperija tal-Gvern.
Sar taħriġ fl-immaniġjar tad-data u l-ikkoreġġjar tat-'tests'.
Sar il-'field test' fl-iskejjel.
Il-'field tests' ġew ikkoreġuti.
Bħalissa qed tiddaħħal l-informazzjoni fid-database provdut mill-International Association for the Evaluation of Educational Achievement (IEA).
F'Awissu 2006 se ssir laqgħa biex jibda x-xogħol bi tħejjija għall-istudju prinċipali (main study).
Fil-ħidma tagħna biex nieħdu sehem fit-TIMSS 2006/07, f'liema skejjel saret il-field test f'Marzu u April 2006? Kemm studenti ġew ittestjati? X'jindika dan il-field test s'issa dwar il-kompetenzi ta' l-istudenti tagħna fix-xjenza u fil-matematika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Trends in International Mathematics and Science Study 'field test' sar f'dawn l-iskejjel:
Kulleġġ Santu Wistin, Pieta'
Kulleġġ Savio, Dingli
St Francis Skola Sekondarja, Sliema
Skola Sekondarja tas-Subien G. D'Amato, Paola
Skola Sekondarja tas-Subien, Naxxar
Skola Sekondarja tal-Bniet M. Goretti, Tarxien
Skola Sekondarja M'Assunta, Ħamrun
Liceo tas-Subien M.A. Vassalli, Ħandaq
Liċeo tas-Subien G. Despott, Verdala
Liċeo tal-Bniet C. Diacono, Żejtun
Liċeo tal-Bniet St Tereża, Mrieħel
Kulleġġ St Martin, Swatar
Kulleġġ Newark, Swieqi
Skola Sekondarja tal-Bniet Kan. G.F. Agius de Soldanis, Rabat, Għawdex
Liċeo tal-Bniet Kan. G.F. Agius de Soldanis, Rabat, Għawdex
In-numru ta' studenti li ġew ittestjati kien 1,400.
L-iskop prinċipali tal-'field test' hu li jiġu ppruvati l-proċeduri kif ukoll tiġi assessjata l-validita' tal-mistoqsijiet qabel ma jintużaw fl-istudju prinċipali (main study).
Jista' il-Ministru jinformana x'passi se jittieħdu ma' l-iskola li kollha kemm hi ġiet imċaħħda li tidħol fil-ground tal-football bl-unika ħtija li student irrapporta lil xi ħadd għal għemil żieni, ġaladarba dan il-ground huwa proprjeta' tal-gvern, hemm ħsieb li l-gvern jerġa' jieħu dan il-ground? Jaħseb il-Ministru li dan l-aġir huwa abbusiv lejn l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Hekk kif sar jaf bid-deċiżjoni tal-Malta Football Association li t-tfal ta' l-iskola Sekondarja Ġuże' D'Amato ta' Raħal Ġdid ma kienux ser jitħallew jużaw il-grawnd Pace Grasso propjeta' tal-Gvern li taqa' fir-responsabbilta' tad-Dipartiment ta' l-Artijiet, il-Ministeru tiegħi kiteb lill-MFA bl-iskop li dawn l-istudenti jkunu jistgħu jibqgħu jagħmlu użu minn din il-faċilita' sportiva. Għalkemm l-MFA għadha ma weġbitx bil-miktub għall-ittra tal-Ministeru, saru l-arranġamenti meħtieġa biex jerġa jibda jsir użu tal-grawnd mill-istudenti ta' din l-iskola b'seħħ mill-lum stess.
Jista' il-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari 17306 dwar is-settur industrijali f'Għawdex li kont għamiltlu fis-17 ta' Frar, 2006?
Response (GALEA, LOUIS)
Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-tagħrif mitlub.
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant, li l-aħħar statistika miġbura hija dik ta' Settembru 2005 u li fl-1998 din l-informazzjoni ma kienitx tinġabar.