Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri ta' l-Awtorita' tat-Trasport? It-Trasport Planning Unit ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tifforma parti minn din l-Awtorita' tat-Trasport?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Membri ta' l-Awtorita' tat-Trasport huma kif ġew imħabbra fil-gazzetta tal-Gvern Nru.17143
fl-20 ta` Settembru 2001.
It-Transport Planning Unit tifforma parti mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 28496 fejn il-Ministru tal-Intern informa lill-Kamra li matul l-aħħar sentejn u disa' xhur ġew irraportati 152 inċident tat-traffiku fi Triq iċ-Ċirkewwa, jista' l-Ministru jara x'miżuri jistgħu jittieħdu biex kemm jista' jkun jitnaqqsu dawn l-inċidenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dawn l-aħħar snin saru diversi xogħolijiet fit-triq taċ-Ċirkewwa biex it-traffiku ikun jista' jgħaddi aħjar mit-triq.
Fil-preżent għaddejjin diskusjonijiet bejn it-Traffic Control Board u d-Dipartiment tat-toroq sabiex possibbilment tinbena centre strip li tiddividi din it-triq f`żewġ kareġġjati.
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi mibnija mill-ġdid Siġġiewi road, il-parti li tgħaqqad Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi peress li fl-istat li hi tant hi ħażna li anke kien hemm inċidenti gravi fiha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li r-rikostruzzjoni tat-triq imsemmija qiegħda ma` toroq oħra phase A2 tal-programm u tax-xogħol għat-toroq arterjali kif imqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex l-applikazzjoni għal driver's licence tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament għadha ma waslitlux minkejja li ħallasha f' Marzu li għadda? Sal-lum huwa ingħata biss liċenzja proviżorja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-1 ta' Jannar ta' din is-sena l-liċenzja tas-sewqan saret tikonsisti minn żewġ dokumenti, jiġifieri mill-liċenzja photocard u mill-kontroparti tal-liċenzja.
Peress li kien hemm xi diffikultajiet waqt il-proċess tat-tender għall-provista tal-photocard id-Dipartiment tal-Liċenzji u t-Testijiet kien qiegħed joħroġ biss il-kontroparti tal-liċenzji, li din waħeda hija valida bħala liċenzja tas-sewqan.
Fil-fatt mis-27 ta' Settembru 2001 bdew jintbagħtu l-ewwwl liċenzji photocard lill-persuni li ġeddew l-liċenzja tas-sewqan tagħhom mill-1 ta' Jannar. Il-Liċenzja photocard qegħda tintbagħat skond id-data tat-tiġdid tagħha lill-persuni li diġa' rċevew il-kontroparti tal-liċenzja.
Dawk il-persuni li qegħdin iġeddu l-liċenzja tagħhom mit-18 ta' Settembru l-quddiem ser jibdew jirċievu l-liċenzja photocard u l-kontroparti flimkien.
Dwar il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant, din inħarġitilha l-kontroparti tal-liċenzja fit-23 ta' April 2001, valida sal-2007, u l-liċenzja photocard tagħha tintbagħtilha skond il-proċess imsemmi hawn fuq.
Jista' l-Ministru jara li Triq Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq, li illum saret arterja prinċipali peress li t-traffiku ġie dirett minnha, tiġi mwessa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq u l-Kunsill Lokali qegħdin jiddiskutu il-ħtieġijiet preżenti li hemm fil-lokalita` u x-xogħolijiet meħtieġa isiru skond l-eżodu ta` dawn id-diskussjonijiet.
Traffic Control Board — Installazzjoni ta' Traffic Lights
Question
Wara li saret traffic light fil-parti t'isfel tal-Bypass Triq il-President Anton Buttiġieġ, Żejtun, jikkunsidra t-traffic control board li ssir oħra ħdejn il-LASCO Supermarket li hemm fuq in-naħa l-oħra tat-triq għaliex din it-triq hi ferm twila w l-bogħod minn fejn saret it-traffic light l-oħra, hemm parking area faċċata tal-LASCO Supermarket u diversi ħwienet oħra ħdjen dan is-supermarket w allura ħafna nies, fosthom ommijiet bi tfal u trabi jridu jaqsmu din it-triq ferm traffikuża biex imorru għall-parking?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lit-Traffic Control Board u lid-Dipartiment tat-Toroq biex is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet, l-awtoritajiet, l-kummissjonijiet mwaqqfa mill-gvern? X' inhu n-numru ta' nisa u ta' rġiel li huma membri ta' dawn il-bordijiet, awtoritajiet u kummissjonijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta` Bordijiet, Awtoritajiet u Kummissjonijiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħi.
Jista' l-Ministru jieħu ħsieb ta' black spot li hemm kaġun ta' nuqqas ta' 2 poles ta' traffic lights fil-Blata l-Bajda ħdejn il-knisja tal-mużew, ħdejn il-Bus Stop li minħabba dan in-nuqqas isiru numru ta' inċidenti stradali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt id-Dipartiment tat-Toroq jara x`jista jsir f`dan il-post.
Jista' l-Ministru jara li ssir bankina ġdida fi Triq il-Ġdida fi Triq Stefanatis, St Luċia. Peress li din l-area hija ġdida u taqa' taħt il-Gvern Ċentrali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa qiegħed jieħu ħsieb biex jibda x-xogħol meħtieġ fit-toroq madwar il-blokk bini li tela` fil-lokal.
B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari nru. 28276 dwar kaxxa ta' l-ittri li tneħħiet minn Triq id-Dejma, Tarxien u twaħħlet f'triq li xejn mi ftit 'l bogħod (Triq Dun Karm Sant) b'inkonvenjent kbir għar-residenti tan-naħa ta' Ħal Tarxien qrib Bulebel fejn oriġinarjament kienet il-kaxxa ta' l-ittri, peress li tajjeb li twaħħlet kaxxa tal-ittri fi Triq Dun Karm Sant għaliex kienet bżonnjuża iżda daqstant huwa ħażin li tneħħiet dik li kien hemm fit-tarf ta' Triq id-Dejma, Tarxien kif sar.
Jista' l-Ministru jara li terġa titwaħħal kaxxa fil-post fejn kienet għax din kienet ta' użu kbir għar-residenti ta' l-inħawi, ħaddiema tal-fabbriki u nies li jieqfu bil-karozza mat-triq prinċipali biex jimpostaw ittri?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien nfurmat li flimkien mal-programm ta’ manutenzjoni tal-kaxxi ta’ l-ittri qed jiġi mwettaq ukoll pjan ta’ reviżjoni ta’ fejn jinstabu mwaħħlin ċerti kaxxi. Dan ikun meħtieg minn żmien għal żmien minħabba l-iżvilupp ta’ ċerti postijiet u nħawi. L-għan hu li jiżgura li l-kaxxi tal-posta jitqiegħdu f’postijiet fejn jista’ jsir l-aħjar użu tagħhom.
Fil-każ imsemmi, ftit ‘l isfel minn Triq id-Dejma teżisti kaxxa oħra fi Triq San Anard li tintlaħaq aħjar mill-ħaddiema tal-fabbriki u nies fit-triq prinċipali.
Jista' l-Ministru jgħidilna meta ser titkompla Triq it-Tramuntana ġewwa Hal Tarxien, wara li din it-triq bdiet tifforma sena ilu u issa waqaf kollox? Għaliex dawk il-kmamar li suppost ilhom li waqgħu ma waqgħux?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq wasal biex jiffinaliżża l-proċess biex l-art li trid tittieħed biex titwessa t-triq tgħaddi għand il-Gvern u l-kmamar imsemmija mill-Onor. Interpellant ikunu jistgħu jitwaqqgħu.
Jista' l-Ministru jassigura li lighting fil-mini tal-pajjiż issirilhom spezzjoni kontinwa biex jiġi assigurat li d-dawl ikun kollu jaħdem?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq jagħmel spezzjonijiet fil-mini regolari.
Fil-fatt għadhom kif saru xogħolijiet ta' manutenzjoni fil-mina ta' Ħal Kirkop fejn inbidlu l-fittings maqtugħa kollha, waqt li fil-mini tal-Qroqq u ta' Santa Venera għadhom kif ġew spezzjonati.
Id-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jaħdem ma' l-Inġiniera ta' l-Enemalta biex fil-mini ta' Santa Venera jiġu stallati l-fanali nieqsa mill-ġdid.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex Triq it-Tiben (il-parti ta' wara ta' Triq il-Qasam u biswit il-Wembley Petrol Station) fis-Swieqi titbaxxa fil-livell tagħha u dan minħabba l-fatt li hemm residenti li kull meta tagħmel ix-xita jgħerqilhom il-garaxx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lid-Dipartiment tat-Toroq biex jispezzjona l-post indikat.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li kaxxa tal-ittri li kienet fil-kantuniera fit-tard ta' Triq id-Dejma, Tarxien l-ewwel tneħħiet imbagħad twaħħlet waħda ġdida u wara ftit din wkoll inqalet għal kollox f'temp ta' ftit ġranet?
Jaħsibx li mhuwiex ġust li dan is-servizz ġie mneħħi lir-residenti tal-inħawi u jaħsibx kif saru l-affarijiet kien hemm ħela ta' fondi li setgħu jintużaw aħjar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li l-Maltapost bħalissa qiegħda tagħmel programm ta' manutenzjoni tal-kaxxi ta' l-ittri madwar Malta u Għawdex. Fl-istess ħin qed tutiliżża kaxxi ġodda biex tgħin lill-pustiera fit-tqassim u għalhekk qed isir ukoll xi spustar ta' kaxxi.
Peress li l-kaxxa l-antika fi Triq id-Dejma kienet fi stat ħażin, twaħħlet waħda temporanjament biex il-pubbliku jinqeda xorta.
Fil-fatt, issa kaxxa ġdida ġiet impoġġija b’mod permanenti ftit il-bogħod fi triq Dun Karm Sant biex tkopri l-bżonnijiet imsemmija hawn fuq.
Jista' l-Ministru jieħu inkonse Sezzjoni li issir sistema ta' Traffic Ligħts fil-Cross Roads ta' ħdejn il-Vibes Discotheque limiti tal-Balal Naxxar u dan minħabba l-periklu li jeżisti għas-sewwieqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq għamel proġett għat-titjib tat-triq bejn San Ġwann u d-daħla tal-Għargħur li jinkludi bini ta' roundabout fil-cross roads indikat mill-Onor. Interpellant.
Id-dokumenti biex issir is-sejħa għall-offerta diġa' ntbagħatet għand id-Dipartiment tal-Kuntratti biex tiġi pubblikata s-sejħa għall-offerti.
B'riferenza għall-interpellanza tiegħi numru 25391 dwar Triq Mariano Gerada f'Ħal Tarxien, jogħġbu l-Ministru jkun daqstant ġentili u jagħtiha l-attenzjoni tiegħu sabiex jekk ta' l-anqas ma tistax tiġi asfaltata (ħaġa li m'hijiex diffiċli stante li s-servizzi ta' taħt il-wiċċ tat-triq huma mgħoddija taħt 90% ta' din it-triq qasira) Din tiġi livellata, peress li l-istat oribbli ta' din it-trejqa qed jagħmilha kważi impossibli anke għall-karozzi li jgħaddu minnha, aħseb u ara kif ser ikun impossibli għar-residenti li jgħaddu minnha meta tkun ix-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex it-triq tiġi spezzjonata u sa fejn ikun possibbli s-suġġerimenti ta' l-Onor. Interpellant jiġu mplimentati.
Jista' l-Ministru jinvestiga għaliex ix-xogħlijiet fi Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħtajriet il-Mosta ma tkomplewx? Jista' jara li japprova t-tkomplija tax-xogħlijiet sabiex it-triq titlesta' qabel tibda x-xitwa li ġejja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa d-Dipartiment impenjat biex jipprovdi akkomodazzjoni alternattiva għal xi familji li l-postijiet ta` abitazzjoni tagħhom ser jitwaqqgħu bħala parti mit-twettieq ta` dan il-proġett.
Il-proġett ikun jista` jitlesta` meta dawn l-abitazzjonijiet jitwaqqgħu.