Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — żjarat uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taż-żjarat uffiċjali li għamel/għamlet minn Marzu 2013 'il hawn, f'liema pajjiżi, għal-liema raġuni u kemm damet kull waħda minn dawn iż-żjarat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — kuntratti ta' konsulenza

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ kuntratti ta’ konsulenza li ngħataw mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u jgħid f’kull każ xi proċedura ntużat biex jinħatru dawn il-konsulenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.

Twaqqif ta' producer organisations f'oqsma ta' agirkolatura

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm żviluppi għal dak li jirrigwardja t-twaqqif ta' producer organisations f'xi oqsma marbuta mal-agrikolatura, f'Malta jew f'Għawdex? Liema huma s-setturi li fihom hu mistenni li jitwaqqfu dawn l-istess organizzazzjonijiet? Meta hu mistenni li jitwaqqfu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-ħolqien ta’ Producer Organisations f’oqsma speċifiċi jsiru abbażżi ta’ inizjattivi ta’ individwi – bdiewa jew raħħala - li jingħaqdu flimkien volontarjament sabiex iwaqqfu Producer Organisation fis-settur tagħhom. Ta min jgħid ukoll li filwaqt li d-Direttorat tal-Agrikoltura offra kors b’xejn ta’ kif għandha tiġi rikonoxxuta u mmexxjia 'Għaqda tal-Produtturi' u jagħti pariri fi stadju preliminari qabel l-applikazzjoni, il-proċess formali għar-rikonoxximent jibda mas-sottomissjoni tal-applikazzjoni. Preżentement hemm biss applikazzjoni waħda għar-rikonoxximent bħala 'Għaqda ta’ Produtturi tal-Fniek'.

fondi ewropej — talbiet għal finanzjament għal bdiewa

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm intlaqgħu talbiet għal finanzjament minn fondi ewropej għal bdiewa f'Malta u Għawdex? Kemm minn dawn it-talbiet diġà tħallsu u kemm le, dejjem għal dak li jikkonċerna l-2013 u l-2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

fondi ewropej — talbiet għal finanzjament minn sajjieda

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm intlaqgħu talbiet għal finanzjament minn fondi ewropej, matul l-2013 u l-2014, minn sajjieda Maltin u Għawdxin? Kemm minn dawn it-talbiet diġà tħallsu u kemm le? Kemm talbiet għad iridu jiġu deċiżi?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, matul is-sena 2013 kien hemm żewġ skemi iffinanzjati minn Fondi Ewropej. In-numru ta` applikanti b’ kollox kien ta’ 12. Minn dawn ħames sajjieda, tnejn minnhom residenti f’ Għawdex, kienu eliġibbli u tħallsu kollha. Fl-2014 ma nħarġet l-ebda skema għas-sajjieda Maltin u Għawdxin b’ finanzjament minn Fondi Ewropej.

Fondi Ewropej — talbiet għal finanzjament minn raħħala

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm intlaqgħu talbiet għal finanzjament minn fondi ewropej, minn raħħala Maltin u Għawdxin, matul l-2013 u l-2014? kemm minn dawn it-talbiet intlaqgħu u diġà tħallsu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista taċ-chairpersons u membri tal-bordijiet u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

Irziezet — għajnuna mill-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hemm irziezet tal-baqar, u jekk hu l-każ, irziezet ta' annimali oħra li għalihom saru t-talbiet għal għajnuna tal-Gvern, li ġew approvati, fil-passat u li għadhom ma tħallsux ta' din l-istess għajnuna? Jista' jagħti tagħrif dwar f'liema lokalitajiet jinsabu l-irziezet li ġew apporvati l-għajnuna għalihom li iżda għadhom ma tħallsux din l-istess għajnuna minkejja li x-xogħol li kellu jsir tlesta, f'xi każijiet, żmien twil ilu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi jiena nfurmat mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari li l-ammont ta’ rziezet inkwistjoni huwa ta’ 64 u dawn huma mifruxa madwar Malta u Għawdex. Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant il-ħlas li kien miftiehem mal-Gvern Nazzjonalista, lejlet l-Elezzjoni Ġenerali, kien suġġet għal-liġijiet u r-regoli kollha applikabbli tal-Unjoni Ewropea. F’dan l-istadju l-Gvern qed jaħdem biex kemm jista’ jkun malajr jara li jiffinalizza l-każijiet li jaqgħu fil-kwadru tar-regoli.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — safar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum kemm-il darba siefer, għal liema konferenza, kemm tul ta' ġranet u kemm kienet in-nefqa ta' kull vjaġġ u n-nefqa totali fuq l-ivvjaġġar? Minn min kien akkumpanjat u x'kienet il-kariga tal-persuni li siefru miegħu?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi għat-tweġibiet mogħtija għal-Mistoqsijiet Parlamentari 26812, 26813, 26814, 26815, 26816, 26817, 26818 u 26819 tal-Legislatura IX.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — direct orders

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu mit-30 ta’ Settembru 2013 sal-1 ta’ Ottubru 2014? Jista’ jgħid f’kull każ għaliex ġie deċiż li tinħareġ direct order?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi mill-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħi ngħataw 20 direct order. L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat li d-direct orders ingħataw skont ir-regolamenti tal- procurement tal-Gvern.

Għawdex – ix-Xagħra – Proġett tal-Qortin

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 10988 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu jgħid x'sar minn Marzu 2013 s'issa, u kemm kienet in-nefqa, fuq il-proġett tal-Qortin, ix-Xagħra Għawdex?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-WasteServ li minn Marzu 2013 il-managment tal-WasteServ ħa ħsieb li jagħti l-attenzjoni xierqa sabiex il-proġett ta’ riabilitazzjoni tal-Qortin tlesta xi ġimgħat ilu. Dwar in-nefqa totali bħalissa qed issir il-verifika neċessarja tal-kontijiet u allura jkun prematur li wieħed jagħti figura dritta. Madanakollu jiena infurmat li l-ispiża ser tkun fil-limiti ta’ dak li kien jippermetti l-kuntratt

Il-Bagħal taż-Żunżan – trażżin ta’ periklu

Question

B’referenza għad-diversi rapporti li saru fil-media dan l-aħħar dwar il-bagħal taż-żunżan u d-diversi ilmenti li saru minn residenti u entitajiet, fosthom skejjel, f’żoni fl-abitat partikolarment fosthom il-Blata l-Bajda, il-Pietà, il-Ħamrun u l-inħawi tal-madwar, fejn jidher li hemm għadd ta’ qtajja minn dan l-insett, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir biex tittaffa’ din il-problema u jitrażżan il-periklu għan-nies li joqogħdu jew jiffrenkataw dawn l-inħawi?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistqosija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Segretarjat

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-membri tal-istaff tas-segretarjat tiegħu kif ukoll ir-rwol tagħhom fis-segretarjat?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-membri tal-istaff fis-Segretarjat Privat tiegħi huma kif stabbilit fid-dokument Engagement of Staff for Ministers’ Secretariats li kopja tiegħu diġa tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra.

Torri ta' Marsaxlokk — ċentru tar-riċerka dwar l-akwakultura

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10871, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-istudji dwar żviluppi, investimenti u bidliet oħra li mistennija jseħħu f’dan il-qasam? Meta hu mistenni li jispiċċaw l-istudji, jekk bdew, dwar ir-rilokazzjoni taċ-Ċentru tal-Akwakultura? X’sejħiet seħħew s’issa dwar dan u x’rispons kien hemm?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 10871, nirreferi ukoll lill-Onor. Interpellant għall-Istrateġija dwar l-Akwakultura (Aquaculture Strategy for the Maltese Islands...towards sustainability 2014 – 2015) li ġiet ippublikata f’Ġunju 2014.

Laqgħa tal-SCRC — rappreżentanza Maltija

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 10870, billi fit-tweġiba jingħad li fil-materja ta’ konservazzjoni tal-ħut, l-Unjoni Ewropea għandha l-kompetenza esklussiva u kull pożizzjoni f’organizzazzjonijiet internazzjonali tittieħed minn rappreżentanti tal-Kummisjoni Ewropea, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dan l-istatement ifissirx li l-pajjiżi differenti ma jeħdux sehem fil-preparazzjoni tal-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea? Jekk ikun hemm diskussjoni dwar dan, x’pożizzjoni ħadet Malta fil-laqgħat preċedenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, fil-każ ta’ din il-laqgħa, bħal ma jsir kull sena, il-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea ġiet ikkoordinata minn rappreżentanti tal-Kummissjoni, flimkien mar-rappreżentanti tal-iStati Membri, fosthom Malta. Il-pożizzjoni ta’ Malta waqt dan il-proċess kien li qagħdet mal-parir tal-Kumitat Xjentifiku tal-ICCAT li peress li kien hemm żieda sostanzjali ta’ stokk ta ħut allura ma kelliex tkun problema li l-kwota tal-tonn tiżdied b’mod gradwali.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mill-entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, inkluż dipartimenti tal-Gvern, entitajiet pubbliċi u awtoritajiet wara d-9 ta’ Mejju 2013? Jista’ jgħid kemm minn dawn il-ħaddiema ġew minn entitajiet pubbliċi u kemm ġew mill-privat jew kienu qegħdin ifittxu xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika l-perjodu li għalih qed jitlob din l-informazzjoni.

Park tal-Majjistral – bdil ta’ użu tal-art

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm art fil-park tal-Majjistral li bidlet l-użu tagħha matul l-aħħar xhur? Billi fi stqarrija ntqal li kien hemm xi individwi li ħadu art tal-Gvern għal skop ta' nsib, jista' jagħti tagħrif dwar kemm kien hemm każi meta ġara dan matul l-aħħar xhur, u x'tip ta' sorveljanza hemm fil-post biex dan ma jiġrix?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur ma ġie awtorizzat l-ebda bidla fl-użu tal-art tal-Park tal-Majjistral. Peress li l-art tal-Park hija waħda mifruxa, kull meta l-Managment tal-Park jinduna li hemm xi tip ta’ abbuż, dan jikkoordina mal-awtoritajiet ikkonċernati fosthom il-MEPA u d-Dipartiment tal-Artijiet sabiex jitneħħa l-abbuż.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid għal kemm kienet tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet fis-sena 2012 u fis-2013 u kemm hu stmat li se tkun l-ispiża fis-sena kurrenti?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Proġett info nitrates — fondi

Question

Fid-dawl tal-informazzjoni li għandha l-Oppożizzjoni li l-proġett info nitrates qiegħed jittardja biex jiġi ffinalizzat minħabba nuqqas ta' fondi min-naħa tal-Gvern, liema sitwazzjoni tista' jwassal għal telf ta' fondi Ewropej, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar il-qagħda ta' dan il-proġett u kemm hemm fondi li jistgħu jinfirdu?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-proġett InfoNitrates ġie fi tmiemu fl-aħħar ta’ Ġunju 2014 wara estensjoni ta’ sitt xhur li ġiet maqbula mall-Kummisjoni Ewropea. L-għanijiet tal-proġett ġew milħuqa kollha u r-rapport finali intbgħat fil-ħin. Bħalissa dan ir-rapport qiegħed jiġi analizzat mil-Kummisjoni Ewropea.