Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — proġetti infrastutturali

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont tal-proġetti infrastrutturali u ta' bini li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista jgħid kemm kien il-baġit allokat u kemm kienet in-nefqa totali finali għal dan il-proġett? Jista' jgħid min kien is-supplier privat ta' dan il-proġett u jekk ix-xogħol ħadux b'tender, kwotazzjoni jew b'mod dirett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Bi tweġiba għal din il-mistoqsija, inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli, waħda mħejjija mid-Direttorat tal-Operat (Tabella ‘A’) u l-oħra mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (Tabella ‘B’). Rigward Tabella ‘A’, ninsab infurmat li l-informazzjoni għas-snin 2003 u 2013 hija minn Jannar sa Diċembru minħabba li d-Departmental Accounting System (DAS) ma tagħtix informazzjoni xahar b’xahar. Infurmat ukoll li l-aħħar parti tal-informazzjoni mitluba, jiġifieri min kien is-supplier privat ta’ kull proġett u b’liema mod ħa x-xogħol, ma tistax tingħata peress li din l-informazzjoni marbuta bejn Marzu 2003 u Marzu 2013 ma tinstabx fis-sistema tad-DAS.

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol — użu ta' credit/debit cards

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' min kellu użu ta' credit jew debit card fil-Ministeru u l-entitajiet tiegħu bejn Marzu 2003 u Marzu 2013? Jista' jagħti rendikont wieħed wieħed tal-ispiża ta' kull credit card?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni li ngħatajt bi tweġiba għal din il-mistoqsija hi kif murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kif se nsemmi: Tabella 'A' - Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ Tabella 'B' - Kulleġġ Malti tal-Arti, Xjenza u Teknoloġija Tabella 'C' - l-Università ta’ Malta Infurmat ukoll li l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Avvanzata u Ogħla kellha BOV Visa f’isem il-Kap Eżekuttiv preċedenti. Madankollu din ma kinitx qed tintuża u b’ hekk ġiet ikkanċellata. Fl-aħħarnett, infurmat li l-Ministeru u l-entitajiet l-oħra fi ħdanu illum ma kellhomx la credit u lanqas debit cards fis-snin indikati fil-mistoqsija.

Salarju ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jispeċifika kemm għandu salarju fl-2015 lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Kemm kien id-dħul globali tiegħu għall-2015 meta jittieħdu in konsiderazzjoni s-salarju, bonuses u allowances applikabbli kemm bħala station manager kif ukoll bħala lecturer?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li minn Jannar 2015 sa nofs April 2015, is-salarju tal-individwu indikat mill-Onor. Interpellant bħala Lecturer, kien ta’ €8749.13 b’academic supplement ta’ €3636.03. Minn nofs April sal-aħħar ta’ Ġunju 2015, is-salarju kien ta’ €6807.08 b’academic supplement ta’ €3127.54. Id-dħul tal-istess individwu mir-radju tal-Università kien kif se nsemmi: - Remunerazzjoni kull xahar - €580.00 (eskluż il-VAT) - Programmi bejn Jannar u Lulju - medja ta’ €124.29 (eskluż il-VAT) fix-xahar

Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol – lista ta’ konsulenti

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 17633, jista’ l-Ministru jagħti l-isem u n-nazzjonalità ta’ kull persuna indikata fil-kolona Area of Work fil-lista li tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Università ta’ Malta – kwalifiki akkademiċi ta’ lettur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-kwalifiki akkademiċi tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex daħlet bħala lettur full-time fl-Università ta’ Malta? Jista’ jgħid ukoll: a. f’liema qasam ta’ speċjalizzazzjoni akkademika u f’liema sena din il-persuna ġiet ingaġġata fl-Università; b. kemm kien hemm kandidati oħra li applikaw għall-istess post akkademiku u kemm minn dawn kellhom dottorat fl-ispeċjalizzazzjoni akkademika rikjesta; c. bħala medja, kemm-il siegħa lectures għamlet din il-persuna matul din is-sena akkademika; d. f’liema livell (baċellerat u/jew maġisteru) qed tgħallem il-persuna indikata; u e. kemm huma n-numru ta’ dissertations u/jew teżijiet u f’liema livell (baċellerat, maġisteru u dottorat) li l-persuna indikata serviet bħala supervisor minn meta ġiet ingaġġata bħala lettur?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-persuna li d-dettalji dwarha ngħataw separatament hija assistant lecturer u mhux lettur kif jingħad fil-mistoqsija. Il-kwalifiki akkademiċi ta’ din il-persuna sabiex daħlet bħala assistant lecturer full-time fl-Università ta’ Malta huma s-segwenti: · Bachelor of Arts (Gen) in Contemporary Mediterranean Studies and Classical Culture Civilization (1st Class) · Masters (Qual.) Classics · Masters in Diplomatic Studies (Distinction) · Post-Graduate Certificate in Education, PGCE Hija rreġistrat bħala studenta tal-Ph.D. mal-University of Kent f'April 2013. L-aħħar progress report mibgħut mis-supervisor tagħha lill-Università f’Ġunju 2015 jgħid li qed tagħmel progress tajjeb fl-istudji tagħha fil-livell ta’ Ph.D. Din il-persuna ġiet ingaġġata fil-qasam ta’ speċjalizzazzjoni akkademika ta’ “Media and Conflict and Mediterranean Studies” u “Euro-Mediterranean affairs” u ġiet ingaġġata fl-2011. Kien hemm 14 kandidati oħra li applikaw għall-istess post akkademiku. L-ebda wieħed ma kellu dottorat fl-ispeċjalizzazzjoni akkademika rikjesta imma kandidat wieħed kellu Ph.D. fl- ispeċjalizzazzjoni ta’ ‘Political Economy and Diplomacy’ u kandidat ieħor kellu Ph.D. fl- ispeċjalizzazzjoni ta’ ‘International Relations’. Il-persuna indikata għamlet 137 siegħa lectures matul din is-sena akkademika u qed tgħallem fil-livell diploma, baċellerat, u masters. Infurmat ukoll li serviet bħala supervisor tas-segwenti: 2011/2012: Supervisor prinċipali għal 3 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 5 studenti (long essay) f’livell ta’ Diploma 2012/2013: Supervisor prinċipali għal 5 studenti (dissertation) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 2 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal student wiehed ( long essay ) f’livell ta’ Diploma 2013/2014: Supervisor prinċipali għal 3 studenti (dissertation) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 3 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal student wiehed (long essay) f’livell ta’ Diploma 2014/2015: Supervisor prinċipali għal student wiehed (dissertation) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 2 studenti (long essay) f’livell ta’ Masters Supervisor prinċipali għal 3 studenti ( long essay ) f’livell ta’ Diploma

Università ta’ Malta – kuntratti ta’ individwu rtirat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt ingħata l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament minn meta rtira bil-pensjoni? Kemm jiswa kull wieħed minn dawn il-kuntratti? L-individwu għandu kuntratt pendenti? Jekk m’għandux kuntratt kurrenti, kemm-il siegħa xogħol qed jagħti lill-Università u għal kemm ħlas? X’inhi n-natura tax-xogħol tal-individwu għall-Università ta’ Malta?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw separatament irtira minn Reġistratur tal-Università fil-31 ta’ Diċembru 2008. Fl-1 ta’ Frar 2009 hu kien mitlub mill-Università u ngħata kuntratt ta’ sena sal-31 ta’ Jannar 2010, biex ikompli jaħdem fuq proġett li kien inbeda fl-aħħar xhur li hu kien Reġistratur, u speċifikament kellu jirrapporta direttament lir-Rettur u jaħdem flimkien mal-Pro-Rettur u l-Assistent Reġistratur inkarigat mill-Academic Programme Quality and Resources Unit (APQRU) li kien għadu kif twaqqaf. Partikularment, hu kellu jwaqqaf u jħarreġ grupp ta’ amministraturi fi ħdan l-APQRU biex jinħoloq qafas organizzattiv li jagħti l-faċilità lill-Amministrazzjoni tal-Università li tirrikonċilja l-unitajiet ta’ studju f’kull kors mar-riżorsi akkademiċi, amministrattivi u ta’ spazji meħtieġa. Is-sistema maħluqa kellha tforni informazzjoni dettaljata lill-amministrazzjoni dwar l-unitajiet ta’ studju mgħallma minn kull membru tal-istaff akkademiku, kif ukoll fejn u x’ħin ikunu qed jiġu mgħallma. Dan kellu jwassal għal utilizzar aħjar ta’ riżorsi. Fil-fatt, dan l-individwu kien mistenni wkoll jagħti pariri dwar modi kif setgħet tkun imsaħħa l-amministrazzjoni u l-utilizzar ta’ riżorsi għat-tmexxija tal-programmi akkademiċi. Dan l-individwu kien mistenni jaħdem 15-il siegħa fil-ġimgħa għal remunerazzjoni totali ta’ €16,500 fis-sena. Il-kuntratt kien imġedded għal sena sal-31 ta Jannar 2011, u l-ammont ta’ sigħat żdiedu għal 20 siegħa fil-gimgħa, b’remunerazzjoni ta’ €24,750, imbagħad sal-31 ta’ Diċembru 2011 b’remunerazzjoni ta’ €22,687.50 u finalment, meta l-APQRU u s-sistemi maħluqa kienu waslu li jibdew jaħdmu kif kien mistenni, il-kuntratt iġġedded għal sitt xhur sal-31 ta’ Ġunju 2012 b’10 sigħat fil-ġimgħa għal remunerazzjoni ta’ €6,187.50. Minn Lulju 2012 sal-lum dan l-individwu ma kellu l-ebda rabta kuntrattwali oħra mal-Università. Meta l-Università fl-2014 ikkonċediet li l-istudenti Għawdxin, kważi fil-korsijiet kollha, joqgħodu għall-eżamijiet f’Għawdex, dan l-individwu u persuna oħra, kienu mitluba u ngaġġati fuq bażi occasional part-time biex jikkordinaw maċ-Ċentru tal-Università f’Għawdex u l-Uffiċċju tar-Reġistratur biex ikunu organizzati u mmexxija eżamijiet fiċ-Ċentru tal-Eżamijiet fir-Rabat, Għawdex u jissorveljaw it-tmexxija tal-eżamijiet kollha li jsiru Għawdex, inkluż fiċ-Ċentru tal-Università fix-Xewkija. Ix-xogħol inqasam bejn l-individwu indikat mill-Onor. Interpellant u l-persuna l-oħra mqabbda u kien imħallas bir-rata ta’ €25 kull siegħa li hi r-rata standard għal xogħol f’dan il-livell ta’ responsabbiltà. Fis-sena 2014, sessjoni ta’ Jannar u sessjoni ta’ Ġunju/Lulju l-individwu konċernat ħadem 176 siegħa u fl-2015, sessjoni ta’ Jannar u sessjoni ta’ Ġunju/Lulju ħadem 180 siegħa.

Università ta’ Malta – Retturi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il rettur tal-Università ta’ Malta kellu, u għad għandu Rector’s Delegates u Rector’s Advisor? X’onorarja jew remunerazzjoni kellhom u għad għandhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-Rettur għandu 12 Rector’s Delegates u 5 Rector’s Advisors. Ir-Rectors Delegates għandhom allowance ta’ €2,400 u l-lista tagħhom hi kif se nsemmi: Rector’s Delegate for Logistics Rector’s Delegate regarding the University ICT Strategy Rector’s Delegate for Financial Affairs Rector’s Delegate for International Students Wellbeing Rector’s Delegate for Special Projects Rector’s Delegate for Research Policy Rector’s Delegate for Public Lectures and Seminars Rector’s Delegate for Degree Plus Rector’s Delegate for Disability Rector’s Delegate for the Valletta 18 Foundation Rector’s Delegate for International Medical Students Mentoring Rector’s Delegate for the Liberal Arts and Sciences Programme Ir-remunerazzjoni tar-Rector’s Advisors hi kif ġej: Advisor for banking, company management, corporate governance and commercial aspects of project-making of all the Institutions, Organisations and Entities of the University of Malta - €11,647 fis-sena Advisor for relations with China and Chinese Universities - €11,647 fis-sena Advisor for general oversight and coordination of the implementation of the Integrated University Administrative Information System (IUAIS) - €11,647 fis-sena Advisor on energy saving for all University sites - €11,647 fis-sena Advisor for the formulation of ICT requirements, support to the ICT Steering Committee and IT Services Centre; support and assistance for the production of technical specifications and tender documents which cover the ICT requirements throughout the University of Malta - €18,868 fis-sena.

Università ta’ Malta – numru ta’ avukati ngaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il avukat hemm ingaġġat biex jagħti pariri legali lill-Università ta’ Malta? X’inhi l-onorarja jew ir-remunerazzjoni li kull wieħed/waħda minnhom jieħu/tieħu għas-servizz tagħhom kull sena matul l-aħħar disa’ snin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar l-avukati ingaġġati sabiex jagħtu pariri legali lill-Università ta’ Malta, kif ukoll l-onorarja jew ir-remunerazzjoni li ħadu għas-servizzi tagħhom sena b'sena matul l-aħħar disa’ snin, hi kif murija fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta’ Malta – outstanding fees

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huma l-outstanding fees tal-Università ta’ Malta għas-sena 2014-2015? B’kollox, kemm hemm arretrati mis-snin ta’ qabel bħalissa? Hemm xi ħlasijiet outstanding u x’qed tagħmel l-Università biex tirkupra dawn il-fondi? Jista’ jgħid jekk l-Università ta’ Malta għandhiex deficit fil-fondi tagħha? Jekk fl-affermattiv, kemm jammonta dan id-deficit finanzjarju? Kemm jammonta d-dejn tal-Università ta’ Malta sal-aħħar tal-Lulju 2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-Università ta’ Malta għandha outstanding fees li jammontaw għal €163,556 għas-sena akkademika 2014/15. Ammonti pendenti mis-snin ta’ qabel jammontaw għal €220,364. L-Università tuża kull mezz possibbli biex tiġbor dawn il-flus minn telefonati sa emails u saħansitra ittri bl-avukat. Fl-aħħar mill-aħħar l-istudenti li ma jħallsux ma jingħatawx riżultati u ma jitħallewx jiggradwaw. Apparti minn dawn, l-Università għandha tiġbor l-ammont ta’ €1,028,038 f’servizzi oħra apparti t-tagħlim li €425,088 minn dan l-ammont huwa pagabbli minn entitajiet governattivi u pubbliċi. L-istess hawnhekk, l-Università tuża kull mezz possibbli biex tirkupra dawn il-fondi saħansitra tiftaħ kawżi fil-Qrati ta’ Malta. L-ammont li l-Università għandha dovut lejn persuni jew entitajiet oħra sal-aħħar ta’ Lulju kien ta’ €3,888,677 u kien jinkludi ħlas dovut lill-Gvern għal taxxi u NI ta’ Ġunju u Lulju 2015 li jammonta għal €2,793,298 u VAT dovuta ta’ €278,616. L-Università għandha flus biżżejjed fil-kontijiet bankarji biex tħallas dawn l-ammonti dovuti u għalhekk dawn l-ammonti dovuti huma temporanji. Rigward il-qagħda finanzjarja tal-Università ta’ Malta, l-Università m’għandhiex deficit . Anzi f’dawn l-aħħar tmien snin irnexxielha tirkupra minn deficit akkumulat ta’ ’l fuq minn €2,000,000 sabiex sa tliet snin ilu dan ġie f’sitwazzjoni ta’ breakeven .
Leg 12 PQ #18244 Sitting 296 2015-10-05 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

LSAs u għalliema – trasferimenti bejn skejjel tal-Istat u dawk tal-Knisja jew indipendenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16540 fejn kien stabbilit li verbalment intlaħaq qbil li jippermetti ċaqliq ta’ learning support assistants u għalliema li jixtiequ jimxu minn skola tal-Istat għal skola tal-Knisja jew indipendenti u viċi versa, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan hux se jkun possibbli li jsir mis-sena skolastika li jmiss jew minn ta’ wara?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ntlaħaq ftehim fid-29 ta’ Lulju 2015 bejn il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, u l-Malta Union of Teachers biex jiffaċilita aktar mobilità tal-gradi tal-għalliema, inkluż il-Learning Support Assistants. Bħala l-employer ewlieni fil-qasam Edukattiv, id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi, fi ħdan il-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol, obbliga lilu nnifsu li jdaħħal fis-seħħ dan il-ftehim mid-data tal-iffirmar. Is-setturi tal-Iskejjel tal-Knisja u Indipendenti ġew imħeġġa biex iħaddnu l-istess ftehim sa Diċembru 2015. Dan wassal sabiex: · Għal dawk li mis-settur tal-Iskejjel tal-Knisja jew Indipendenti jikkwalifikaw biex jaħdmu fis-settur tal-Iskejjel tal-Istat, l-arranġament daħal fis-seħħ mid-data tal-iffirmar tal-ftehim, jiġifieri mid-29 ta’ Lulju 2015. · Għal dawk li mis-settur tal-Iskejjel tal-Istat jew Indipendenti jixtiequ jimxu u jikkwalifikaw biex jaħdmu fis-settur tal-Iskejjel tal-Knisja, l-arranġament daħal fis-seħħ mid-data ta’ meta s-Segretarjat tal-Knisja ħaddan l-istess ftehim, u cioè il-21 ta’ Awwissu 2015. · L-Iskejjel Indipendenti għandhom sal-aħħar tal-2015 biex jikkonfermaw jekk jixtiqux iħaddnu l-istess ftehim għal min mill-Iskejjel tal-Istat jew tal-Knisja jixtieq jimxi u jikkwalifika biex jaħdem fis-settur tal-Iskejjel Indipendenti.

Il-Kappara – ilment minn residenti

Question

Jista’ l-Ministru jieħu passi dwar ilment minn residenti li joqogħdu biswit l-iskola, ħdejn l-Ambaxxata Russa fil-Kappara rigward ipparkjar ta’ coaches quddiem id-djar u l-garaxxijiet tagħhom? Il-Gvern biħsiebu jagħmel xi arranġamenti biex itaffi jew ineħħi dan l-inkonvenjent?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-immaniġġjar ta’ traffiku viċin l-iskejjel ma jaqax taħt il-kompetenza tal-Education Regulatory Compliance Section (ERCS) fi ħdan id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni.

Kariga ta’ Library Officer — applikazzjonijiet

Question

B’referenza għaċ-ċirkolari HR 29/2015 rigward kariga ta’ Library Officer, jista’ l-Ministru jgħid għalfejn l-applikazzjonijiet huma miftuħa għal dawk li diġà qegħdin fis-servizz pubbliku u eskluda lil nies oħra minn barra? Jista’ jgħid kemm applikaw nies għal dan il-post?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li peress li fis-Servizz Pubbliku jeżisti l-grad ta’ Library Assistant, il-mili ta’ vakanzi fil-grad ta’ Library Officer hu meqjus bħala rotta li permezz tagħha wieħed ikollu aċċess għal promozzjoni. Għal din is-sejħa applikaw 12-il applikant.

European Investiment Bank — proposti għall-proġetti ta' infrastruttura għal qasam edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proposti għamel jew beħsiebu jagħmel il-Gvern Malti biex juża fondi mill-€5 biljun li l-European Investiment Bank qed jipproponi għall-proġetti ta' infrastruttura għall-qasam edukattiv?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan is-suġġett qiegħed fi stat ta' diskussjoni, u għalhekk għad m'hemmx proposti konkreti.

ETC — benefiċjarji fi skemi ta' xogħol

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward il-benefiċjarji li huma parteċipi fl-iskema tax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u t-Taħriġ, bħal ma huma l-Youth Employment Programme, il-Work Trial Scheme eċċ.? Jista' jagħti din l-informazzjoni għal kull skema simili bin-numru ta' benefiċjarji kull xahar minn meta ġiet introdotta l-iskema?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bit-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant.

Skejjel statali — xogħol ta' manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' skejjel statli li fihom sar xogħol ta' manutenzjoni bejn Lulju 2015 u Settembru 2015? Jista' jgħid kemm ġie jiswa x-xogħol f'kull skola li fiha saret il-manutenzjoni u x'tip ta' manutenzjoni saret f'kull skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-iSkejjel ta’ Għada li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant qiegħed jinġabar peress li bħalissa qegħdin fil-fażi fejn ix-xogħol qiegħed jiġi mkejjel u ċċertifikat biex isiru l-pagamenti lill-kuntratturi li għamlu x-xogħol.

Skejjel statali — kumpaniji responsabbli mix-xogħlijiet li saru

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kumpaniji jew entitajiet responsabbli mix-xogħol li saru fuq l-iskejjel statali matul is-Sajf 2015, skola b'skola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Konferenza tal-Aħbarijiet — tqassim ta' kotba fl-iskejjel

Question

B'referenza għall-konferenza tal-aħbarijiet mogħtija mill-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol l-Erbgħa 29 ta' Lulju 2015 dwar it-tqassim fl-iskejjel ta' kotba għall-promozjoni tad-diversità, jista' l-Ministru jgħid lil liema età jew kategoriji ta' tfal se jitqassmu dawn il-kotba? Jista' jgħid x'forma ta' konsultazzjoni saret jew se ssir mal-kapijiet tal-iskejjel, għalliema u ġenituri biex tali pubblikazzjonijiet ikunu ta' benefiċċju għall-istudenti u t-tfal Maltin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-kotba ma tqassmux.

Persuni li sabu impjieg

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm minn dawk is-6,698 persuna li kienu qed jirreġistraw bħala qiegħda f'Awwissu 2014, sabu xogħol u kemm minnhom inqatgħu mir-reġistru (mhux għax sabu xogħol)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għandha l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, fl-aħħar ta' April 2015, kien hemm 1,532 persuna li sabu xogħol filwaqt li 1,353 persuna nqatgħu mir-reġistru (mhux għax sabu xogħol).

Nisa — impjiegi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni ta’ sess femminili li bdew jaħdmu fis-sena 2013? Kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw lura għad-dinja tax-xogħol? Kemm ġew impjegati full-time u kemm part-time?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni dwar kemm kien hemm nisa li bdew jaħdmu fis-sena 2013 hija kif muri fit-tabella t’hawn taħt. It-tabella turi wkoll kemm minnhom kienu ġodda u kemm minnhom irritornaw għad-dinja tax-xogħol skont in-natura tax-xogħol (full time jew part time). Nisa li bdew jaħdmu fl-2013 Full time Part time Total Nisa li biddlu xogħol f'inqas minn sena 6,265 3,588 9,853 Nisa li reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2013 wara sena, sentejn jew tlett snin inattivi 907 1,180 2,087 Nisa li reġgħu daħlu fid-dinja tax-xogħol fl-2013 wara 4 snin jew aktar inattivi 541 1,001 1,542 Nisa li bdew jaħdmu fl-2013 u ma kellhomx impjieg ieħor qabel 3,282 2,764 6,046 Total ta' Nisa li rċevejna li bdew jew biddlu xogħol fl-2013 10,995 8,533 19,528

Flemish Public Employment Service — xiri

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16835, jista’ l-Ministru jgħid x’progress sar, dejjem jekk kien hemm, dwar ix-xiri ta’ Flemish Public Employment Service?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xiri tas-sistema tal-Flemish Public Employment Service (VDAB) sar. Il-modifiki u l-iżvilupp neċessarju biex din is-sistema tiġi integrata mas-sistema eżistenti tal-ETC qegħdin fi stadju avvanzat ħafna. Li qiegħed isir bħalissa huwa t-testing neċessarju tas-sistema qabel ma tkun tista’ tintuża kemm mill-pubbliku inġenerali kif ukoll mill-imprendituri.