Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #17448 Sitting 336 2000-07-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħalib frisk

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet u l-prezzijiet tal-ħalib frisk li jġibu fuq il-kwota fil-preżent ir-raħħal tal-pajjiżi membri ta' l-UE?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nerġa, għal darba oħra, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16986, fejn irreferejtu għall-'Official Journal of the European Communities' L160 Vol 42 tas-26 ta' Ġunju 1999.
Leg 9 PQ #17461 Sitting 336 2000-07-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħruq ta' siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-ħsara lill-ambjent li saret bil-ħruq ta' siġar fil-post quddiem il-kulleġġ ta' De La Sale u biswit l-iskola tal-Verdala (Gużeppi Despott) nhar il-Ġimgħa 23 ta' Ġunju? X'passi se jittieħdu biex is-siġar meqruda jitneħħew u jinżergħu oħra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ħadt nota ta' dak li qed jgħid l-Onor. Interpellant u allavolja s-sit inkwestjoni jaqgħa taħt ir-responsabilta tal-kunsilli lokali, ser nibgħat uffiċjali kompetenti biex jinvestigaw.
Leg 9 PQ #17443 Sitting 335 2000-07-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Raħħala/Sajjieda

Question

Peress li fi tweġibiet riċenti waqt il-ħin tal-mistoqsijiet fil-Parlament, il-Ministru kien ta garanzija f'isem il-gvern li ħadd mill-bdiewa u raħħala u sajjied m'hu se jonqoslu d-dħul tiegħu wara li Malta ssir membru ta' l-UE, jista' l-Ministru jgħid għal-liema dħul qed jirriferi? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja tar-rapport li għamel il-Ministru sabiex ħabbar fil-Parlament din il-garanzija lill-bdiewa?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li bi dħul wieħed jifhem id-dħul fuq qliegħ mill-eżerċizzju tal-mestjier għal dawk li huma bdiewa u raħħala. Qed isemmi studji dwar l-impatt tas-sħubija fuq is-setturi msemmija, liema studji mbagħad jiffurmaw il-bażi għan-negozjati.
Leg 9 PQ #17444 Sitting 335 2000-07-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħalib — Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet u l-prezzijiet tal-ħalib ta' fuq il-kwota li għandhom fil-preżent ir-raħħala Maltin u Għawdxin?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ma hemm l-ebda kundizzjoni fuq il-ħalib ta' fuq il-kwota li l-prezz tiegħu huwa ta' 32c kull gallun.
Leg 9 PQ #17445 Sitting 335 2000-07-04 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Bdiewa/Raħħala — Sħubija fl-UE

Question

Peress li l-Ministru qed jgħid lill-bdiewa u raħħala li bi sħubija fl-UE ikunu jistgħu jesportaw ħafna prodotti lejn il-pajjiżi tal-UE, jista' l-Ministru jgħid liema huma dawn il-prodotti u l-bidliet li ġew mgħarrfa lill-bdiewa Maltin u Għawdxin sabiex ikunu konformi mar-regoli tal-UE, per eżempju, f'dak li jirrigwardja l-MRLs? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relevanti għal dan il-qasam mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Kemm huwa meħtieġ li jkun l-prezz tal-freight bl-ajru, baħar u l-art biex din l-esportazzjoni tkun vijabbli u l-bdiewa jġibu prezzijiet tajba?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor Interpellant għandu jifhem li l-esportazzjoni ta' prodotti agrikoli lejn l-Unjoni Ewropeja tkun possibli kemm il-darba ikollna prodott ta' kwalita bi prezz kompetittiv, bħalma huwa fil-każ tal-patata. L-Onor. Interpellant jaf ukoll li sħubija fl-Unjoni Ewropea tfisser aċċess miftuħ għal dan is-suq enormi. B'hekk il-bdiewa u r-raħħala tagħna jkunu jistgħu jgawdu mill-possibiltajiet u opportunitajiet li dan iġib miegħu. L-Onor. Interpellant għandu jifhem ukoll li l-konforita ma l-istandards li tesiġi l-Unjoni Ewropea huma fl-aħjar interess tal-konsumatur Malti wkoll. L-MRL's li qiegħed jirreferi għalihom ma huma xejn ħlief kejl ta' l-ammont ta' pestiċidi u kimiċi li jkun hemm fil-prodotti ta' l-ikel. Is-saħħa tal-konsumatur Malti għandha tiġi mħarsa, u l-Onor. Interpellant li tant kien iħobb jitkellem fuq il-biedja organika, ma għandux issa jipprova jpinġi l-MRL's bħala xi ħaġa negattiva.
Leg 9 PQ #17425 Sitting 334 2000-07-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Bdiewa - Talbiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm jammontaw f'ċifra ta' flus it-talbiet għal għajnuna li għandhom pendenti l-bdiewa quddiem id-dipartiment ta' l-agrikoltura fil-preżent? Liema hija l-aktar talba li ilha pendenti? Jikkonsidra l-Ministru li din it-talba tiġi approvata? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17426 Sitting 334 2000-07-03 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Bdiewa - Għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' bdiewa u raħħala li talbu u rrikorrew għal għajnuna għand ex officers tad-dipartiment ta' l-agrikoltura matul dawn l-aħħar 20 xahar, xahar b'xahar? X'għajnuna talbu u x'kienu d-diffikultajiet li ma ġewx rimedjati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-bdiewa u raħħala li rikkorew għall-uffiċji tal-Extension Service li jinstabu fir-Rabat, Mosta, Siġġiewi u Ħaż-Żabbar minn Ottubru 1998 bejniethom ressqu madwar 8651 li xahar b'xahar huma mqassmin hekk: Ottubru 1998 380 Novembru 1998 871 Diċembru 1998 277 Jannar 1999 359 Frar 1999 353 Marzu 1999 373 April 1999 746 Mejju 1999 454 Ġunju 1999 285 Lulju 1999 396 Awissu 1999 358 Settembru 1999 310 Ottubru 1999 384 Novembru 1999 390 Diċembru 1999 609 Jannar 2000 336 Frar 2000 319 Marzu 2000 308 April 2000 678 Mejju 2000 465 L-għajnuna mitluba minn dawn il-bdiewa u raħħala hija diversa u tvarja minn xi pariri ta' natura teknika għall-rapporti ta' ħsara fil-qasam tagħhom kaġun ta' xi maltemp. Ir-raġunijiet li ġejjin huma l-aktar li jirrikorru għalihom il-bdiewa fl-uffiċji distrettwali: a) Pariri tekniċi, rapporti ta' mard fuq uċuh tar-raba'. b) Rapporti ta' ħsarat tal-maltemp u kumpens. c) Kontribuzzjoni ta' nofs il-bolla tas-Sigurta nazzjonali. d) Problemi ta' trasferiment ta' raba. e) Talbiet għal għajnuna finanzjarja u self b'sussidju mill-banek. f) Reġistrazzjoni għal akwist ta' siġar, dwieli mid-dipartiment u reġistrar ta' patata taż-żriegħ. g) Tqassim ta' ilma għat-tisqija (l-aktar f'nofs inhar ta' Malta).
Leg 9 PQ #17388 Sitting 332 2000-06-30 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Fish Farms — Spezzjonijiet

Question

Peress li l-informazzjoni mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 17227 tikkonċerna s-saħħa tal-poplu, jista' l-Ministru jgħid x'kienu r-riżultati f'kull fish farm?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-'Fish Farms' kollha jaqgħu taħt in-'National Fish Health Monitoring Programme li jinvolvi testijiet regolari biex tiġi assigurata s-saħħa Pubblika. Sal-lum ma nstab xejn li jista' jkun ta' dannu għas-saħħa Pubblika.
Leg 9 PQ #17235 Sitting 331 2000-06-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija — Majjal

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus sabiex ġew irranġati l-ħsarat fuq linja tal-majjal fil-Biċċerija matul din is-sena? Kemm-il darba tħassret il-qatla tal-majjal minħabba dawn il-ħsarat? Għaliex inxtara apparat ġdid ċinga li ma kenitx taqbel? Meta se jiġu rimedjati dawn il-ħsarat?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninsab infurmat li matul din is-sena sar manutenzjoni u tiswijiet li swew Lm9400. Il-qatla tħassret ġurnata biss minħabba ħsarat. Rigward il-katina meta waslet Malta din ma kienetx taqbel u għalhekk qegħdin isiru l-arranġamenti biex din tiġi sostituta mill-kumpanija li bagħtitha Malta. Madanakollu it-team tal-manutenzjoni tal-biċċerija irrimedja s-sitwazzjoni sakemm titwaħħal katina ġdida.
Leg 9 PQ #17277 Sitting 331 2000-06-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħxejjex — Prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għolew il-prezzijiet taż-żriegħ tal-varjetajiet tal-ħxejjex, sustanzi, fertilizzant eċċ li jużaw il-bdiewa sabiex ikabbru l-uċuħ u l-prodotti fis-serer matul dawn l-aħħar 20 xahar? Jista' jgħid kif dan affettwa lill-bdiewa Maltin u Għawdxin?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor Interpellant suppost li jaf li dan il-Ministeru ma jżommx, u qatt ma żamm, indiċi statistiku tal-prezzijiet ta' l-affarijiet li qed isaqsi dwarhom. B'dana kollu minn indaġni informali li saret, jien infurmat li ma kienx hemm bidliet sostanzjali fil-prezzijiet f'dawn l-aħħar 20 xahar. B'hekk wieħed għandu jifhem li ma kienx hemm effett fuq il-bdiewa.
Leg 9 PQ #17278 Sitting 331 2000-06-30 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

CAP

Question

B'riferenza għar-riforma tal-CAP għar-rigward tal-Common organisation of the market in milk and milk products, jista' l-Ministru jinformani bis-sistema tad-direct aid li skond dan id-dokument uffiċjali tal-UE dawn il-bidliet jridu jseħħu fis-snin 2005, 2006 u 2007 peress li skond il-Gvern Malti pajjiżna se jsir membru tal-UE fl-2003? Għaliex f'mistoqsijiet preċedenti ntqal li dawn id-deċiżjonijiet ma jeżistux meta fil-fatt jeżistu? Jista' jgħid kif dawn l-bidliet se jaffettwaw lir-raħħala Maltin u Għawdxin?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant jaf tajjeb li biex Malta tidħol membru fl-Unjoni Ewropeja jridu jsiru n-negozjati f'kull qasam. Għal dan il-għan il-Ministeru qed jagħmel bil-għaqal it-tħejjijiet tiegħu kollha u għaldaqstant l-interessi xierqa ta' kull produttur, inklużi ir-raħħala tal-ħalib, ikunu mħarsa għas-sodisfazzjon tagħhom nfushom u tal-poplu tagħna kollu. Nirreferi lill-Onor. Interpellant ukoll għar-risposta li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16986.
Leg 9 PQ #17201 Sitting 330 2000-06-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Biċċerija — Tindif tat-toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex sar it-tindif tat-toroq ta' ġewwa l-biċċerija u ta' barra l-biċċerija f'dawn l-aħħar ġranet biss? Għaliex dawn kienu qed jitħallew maħmuġin? Għaliex irid ikun hemm żjara minn delegazzjoni barranija biex dawn it-toroq jinżammu fi stat nadif u iġeniku kemm jista' jkun? Jista' l-Ministru jara li almenu darba kull xahar jitnaddfu dawn il-postijiet fil-biċċerija?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li t-tindif tat-toroq u l-inħawi tal-biċċerija jsiru regolarment mill-ħaddiema tal-biċċerija stess. L-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-ħasil bil-bowser li jsir minn ko-operattiva meta jinħass il-bżonn. It-tindif li semma l-Interpellant ma sarx għax kien hemm delegazzjoni mill-U.E. imma fil-fatt wara li dawn kienu diġa daħlu fil-biċċerija.
Leg 9 PQ #17196 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Produtturi tat-tjur

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' produtturi tat-tjur reġistrati mad-dipartiment tas-servizzi veterinarji tad-dipartiment ta' l-agrikoltura? Kemm saru spezzjonijiet fl-irziezet u l-impjanti tagħhom sabiex ikun stabilit it-tibdil li dawn iridu jwettqu sabiex ikunu konformi mar-regoli, direttivi u liġijiet tal-CAP, qabel u wara li Malta ssir membru ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm huwa n-numru ta' l-istaff responsabbli minn dan ix-xogħol u kemm iridu jiżdiedu tekniċi, eċċ, sabiex fil-ġejjieni qarib jibdew jiġu segwiti l-imsemmija sistemi ġodda ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (ZAMMIT, NINU)

In-numri ta' produtturi ta' tjur reġistrati mas-Servizz Veterinarju u li jaqgħu taħt il-Ministeru ta' l-Agrikoltura huwa ta': 281 Broilers 84 Broilers u Layers 45 Layers In-numru ta' staff responsabbli minn dan ix-xogħol huwa ta' veterinarju u żewġ tekniċi. Huwa stmat li dan in-numru jrid jitla' għal 10 persuni. Spezzjonijiet isiru fuq bażi regolari meta u kemm il-darba jkun meħtieġ.
Leg 9 PQ #17200 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Laħam — Importazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta saret l-aħħar importazzjoni tal-laħam tal-majjal u kemm kwantitajiet ta' majjal ġie importat? Kemm jieħu biex jilħaq is-suq il-proċess tat-trobbija tal-majjal fil-gżejjer tagħna?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-aħħar importazzjoni tal-laħam tal-majjal kienet fit-12 ta' Ġunju ta' din is-sena u l-ammont impurtat kien ta' żewġ tunnellati. Rigward it-tieni parti tad-domanda huwa fatt li l-iqsar tul tas-simna huwa favur il-produttur. Iċ-ċirkustanzi ta' Malta wieħed jistenna cycle mit-twelid għall-qatla ta' mhux aktar minn seba' xhur.
Leg 9 PQ #17359 Sitting 329 2000-06-28 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati uew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu, f'xogħol relatat ma' monitoring, screening, addozzjoni, kompatibilita' etc. ta' liġijiet, direttivi, deċiżjonijiet, regoli etc. ta' l-UE u li taw dan is-servizz minn Jannar 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ingħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xort'oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba għada qeda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17350 Sitting 327 2000-06-27 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura — Konsulenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-avukati, għaqdiet ta' avukati jew konsulenti legali li taw jew qegħdin jagħtu servizz lil dipartimenti, awtoritajiet jew korpi/entitajiet li jiffurmaw parti mid-dekasteru tiegħu u li taw dan is-servizz minn Jannar, 1999 sal-lum? X'tip ta' servizz ingħata f'kull każ? X'kienet in-nefqa jew ħlas li ngħata u li qiegħed jingħata f'kull każ? Jekk ħarġet sejħa, min kienu l-applikanti? Min jew liema bord ta' għażla jew xorta oħra għażel din il-konsulenza u abbażi ta' liema kriterji u kundizzjonijiet intgħażlet?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-informazzjoni mitluba għada qeda tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #17296 Sitting 325 2000-06-26 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Agrikoltura u Sajd — Economic Impact Assessment

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru ikkummissjonax xi economic impact assessment dwar is-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropea? Jekk iva, x'terms of reference kellhom? Minn min saru? X'kienu s-suġġetti ttrattati?

Response (ZAMMIT, NINU)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru, sa issa, kkummissjona sitt "Economic Impact Assessments" dwar is-sħubija prospettiva ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja, kif jidhru hawn taħt: 1) L-impatt tal-proċess tal-liberalizazzjoni tal-kummerċ fuq prodotti agrikoli. Dan l-istudju għandu janalizza dak l-impatt fuq il-produzzjoni diretta tal-biedja u l-ipproċessar lokali bit-tneħħija tal-levies. Dan qed isir mis-"Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies" ta' l-Istituto Agronomico Mediterraneo f'Bari. 2) Il-miżuri speċifiċi għal Malta (magħrufa aħjar bħala "supply and support measures". Dan l-istudju għandu jikkonsidra u jiġġustifika l-miżuri speċifiċi għal Malta għall-prodotti agrikoli u jirrikkomanda ambitu tar-realtajiet ta' Malta u Għawdex. Dan qed isir mis-"Centre for Advanced Mediterranean Agronomic Studies" ta' l-Istituto Agronomico Mediterraneo f'Bari. 3) Rapport analitiku fuq l-Industrija tal-majjal u taċ-ċanga. Dan l-istudju għandu jeżamina dawn is-setturi f'kull parti ta' l-operat tagħhom kif ukoll l-impatt tas-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropeja. L-istudju għandu wkoll jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet biex jitħarsu l-kompetittivita u l-vijabilita' ta' dawn is-setturi. Dan qed isir mill-"Economic and Management Consultancy Services Ltd". 4) Studju fuq "The Maltese Continous Zone; Fisheries Management and Control" għandu jindirizza l-importanza ta' zona tas-sajd ħielsa, dik ta' 25 mil għas-sajjieda Maltin. Dan l-istudju qed isir minn konsulent indipendenti (Mr John Caddy). 5) Studju fuq il-liberalizazzjoni tal-kummerċ fuq il-ħut u prodotti tal-ħut. Dan l-istudju għandu janalizza l-impatt ta' l-adozzjoni tat-Tariffa Esterna Komuni u t-tneħħija tas-sistema ta' protezzjoni preżenti. Dan l-istudju qed isir mill-"Economic and Management Consultancy Services Ltd." 6) Studju għall-"upgrading" tal-Pixkerija f'Malta. Dan hu studju ta' "Economic Impact Assessment" u "feasibility study" fuq il-bini ta' Pixkerija ġdida f'Malta u fl-istess ħin abbozz tar-regolamenti biex jitmexxa dan is-suq. Dan l-istudju qed isir minn Dr. Marco Sibani, Dr. Alfredo Ferretti, Dr. Dario Caccamisi u Dr. Gabriele Squintani.
Leg 9 PQ #16986 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

CAP — Beef/Dairy

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bidliet gradwali li jridu jsiru matul is-snin 2000, 2003, 2005 u 2008 fl-industrija tal-beef u dairy skond l-aħħar riformi tal-CAP? Peress li l-Ministru qal li dawn il-bidliet f'dawn l-oqsma tal-CAP ma jeżistux u li huwa ma jistax jgħid x'se jiġri fil-futur, dan ifisser li r-regoli u l-miżuri ġodda li ġew deċiżi fl-aħħar riforma tal-CAP fl-industrija tal-beef u tal-ħalib ta' l-Unjoni Ewropea ma baqgħux fis-seħħ? Jekk iva, minn fejn ġab din l-informazzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Niċħad kategorikament dak li qed jiprova jallega li jiena għidt l-Onor. Interpellant. Jiena qatt m'għidt li dawn il-bidliet ma jeżistux. Nirreferi lill-istess interpellant għar-risposta li jiena tajtu dwar l-istess materja f'diversi Risposti Parlamentari. L-Onor. Interpellant jista jsib id-direttivi/regoli in vigore fil-present fl-"Official Journal of the European Communities" L 160 Vol 42 tas-26 ta' Ġunju 1999. Jekk l-Onor. Interpellant jaf eżatt x'ser ikun it-tibdil/żieda/tnaqqis fl-ammont ta' direttivi/regolamenti sas-snin 2003, 2005, 2008, huwa ghal darb'oħra ġentilment mitlub jgħaddili l-istess informazzjoni.
Leg 9 PQ #17214 Sitting 324 2000-06-23 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Kunsilli Lokali — Siġar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-policies meta kunsill lokali jkun jixtieq li jitneħħew xi siġar mil-lokal?

Response (ZAMMIT, NINU)

Minħabba l-varjeta' ta' siġar, is-siti differenti fejn jinsabu w iċ-ċirkustanzi partikulari għal kull każ, il-proċedura għal talbiet għal qlugħ ta' siġar hija li min jixtieq jagħmel dan jagħmel talba lill-Planning Authority kif ukoll lid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura, u dawn iż-żewġ entitajiet jikkonsidraw kull talba skond il-merti tagħha.
Leg 9 PQ #17150 Sitting 323 2000-06-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Veterinarji tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-veterinarji tal-gvern jarawx annimali ta' persuni privati bħala parti mix-xogħol normali tagħhom?

Response (ZAMMIT, NINU)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu iktar ċara u jindika eżattament x'irid ifisser b'annimali ta' persuni privati.