Legislature:
Category:
Reset
Active:

Impjant ta' Sant'Antnin — Tisqija ta' l-għelieqi

Question

Jista' issa l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 13596?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-biċċa l-kbira tal-kanali li jsaqqu l-għelieqi mill-impjant ta’ Sant’Antnin huma mibnijin fuq ħitan tas-sejjiegħ u li huwa proċess naturali (weathering) li tiġġarraf xi parti minn dawn il-ħitan minn żmien għal żmien. Il-manutenzjoni tas-sistema tal-kanali tat-tisqija ta’ l-ilma ta’ Sant’Antnin hija responsabbiltà tal-Korporazzjoni tas-Servizzi ta’ l-Ilma. Minkejja dan, id-Dipartiment ta’ l-Agrikultura qiegħed jgħin biex jissewwew xi kanali li jkollhom bżonn xi tiswija. Barra minn hekk, qed issir talba formali lill-Korporazzjoni tas-Servizzi ta’ l-Ilma biex grupp ta’ nies jiġi assenjat lid-Dipartiment ta’ l-Agrikultura biex il-manutenzjoni issir b’mod iktar effettiv u effiċjenti.

Pitkalija — Frott u ħaxix

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien il-valur u l-ammont tal-frott u ħaxix li għadda mill-Pitkalija matul l-aħħar tliet snin, sena b'sena, inkluż din is-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

MEPA — Pjanti ta' l-ENOTEKA

Question

Jista' il-Ministru jgħid min għamel jew qed jagħmel il-pjanti ta' l-ENOTEKA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-pjanti ta' l-Enoteka qegħdin isiru mill-perit tal-Ministeru b’assistenza teknika ta’ esperti Taljani.

Disinn ta' l-ENOTEKA

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu jew se jitħallsu l-konsulenti nvoluti fid-disinn ta' l-ENOTEKA?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-konsulenti Taljani taw servizz għall-proġett integrat għal Enoteka b’riżultat ta’ proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bit-titlu Capacity Building in Malta – Oenology Unit.

ENOTEKA

Question

Jista' il-Ministru jinformani x'se jsir mill-ENOTEKA meta tiġi żviluppata?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li la darba tiġi żviluppata l-Enoteka, din ser tintuża biex jiġu organizzati attivitajiet ta' promozzjoni kemm għall-inbid Malti kif ukoll għall-prodotti agro-alimentari oħra bħal ma huma l-ġbejniet, it-tadam mqadded, iż-żejt taż-żebbuġa u l-għasel. Il-Mużew li hemm fil-kumpless ta' l-Enoteka ser jiġi ri-abilitat sabiex iservi ukoll bħala strument biex jiġbed lin-nies u biex isir attività promozzjonali.

AIS Ltd. — Xogħol ta' konsulenza

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu f'konsulenza l-AIS Ltd. matul din il-leġislazzjoni?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited tħallset Lm 202,620.18 għal servizzi tekniċi relatati mal-proġett ta’ l-inċineratur b’valur ta’ investiment li jlaħħaq madwar Lm 4.5 miljun, u li qed jiġi ffinanzjat mill-Ħames Protokoll Taljan. Il-proġett jirrekjedi speċjalizzazzjoni u assistenza teknika, liema teknika naturalment, ma tinstabx fis-Servizz Pubbliku. Is-servizzi mogħtija mill-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited jinkludu analiżi xjentifika ta’ materjal, kif ukoll servizzi relatati ma’ informazzjoni teknika mitluba mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Ta’ min iżid li n-Note Verbale rigward dan il-proġett iffinanzjat mill-Ħames Protokoll Taljan jirrikonoxxi lill-kumpanija Advanced Industrial Systems Ltd bħala konsulenti tekniċi għall-finijiet ta’ dan il-proġett.

Kaċċa fir-rebbiegħa

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux se tinqata' il-kaċċa tar-rebbiegħa jew jekk hux kollox se jibqa' kif inhu llum?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-pożizzjoni tal-Gvern dwar il-kaċċa f’Malta hija bbażata minn dejjem fuq dak li kien nnegozjat u maqbul ma’ l-Unjoni Ewropea. Fir-rigward tal- kaċċa fir-rebbiegħa dan ifisser li Malta se tapplika għal deroga taħt Artiklu 9 tad-Direttiva ta’ l-Ghasafar biex il-kaċċa tibqa’ fir-rebbiegħa fuq il-gamiem u s-summien. Il-gammiem u s-summien huma meqjusa bħala tajr ta’ kaċċa tradizzjonali f’Malta. Il-Gvern hu determinat li jibqa’ jsostni dak li kien maqbul, u fl-istess waqt qed jieħu l-passi kollha meħtieġa biex il-kaċċa tibqa ssir b’mod sostenibbli u b’hekk tibqa’ pprattikata f’Malta.

Għawdex — Skema tal-commuted parking

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 13598, jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' kontribuzzjonijiet għall-iskema tal-commuted parking imħallsa lill-applikanti Għawdxin f'dawn l-aħħar sentejn, separatament għal kull raħal f'Għawdex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Tweġiba tingħata f’Seduta oħra.

MEPA — Abbużi f'Imġarr ix-Xini

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'passi ħadet il-MEPA dwar abbużi li hemm f'Imġarr ix-Xini, Għawdex kif imsemmijin fil-kolonna whistleblower ta' Alan Deidun f'The Sunday Times tal-11/09/05?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet Avviż biex Tieqaf u ta' Twettiq ECF368/03 kontra żvilupp illegali li jikkonsisti f'bini ta' parapett u taraġ. Il-każ jinstab pendenti sabiex tkun tista’ ssir azzjoni diretta. Bħalissa ma hemm l-ebda proċeduri kontra l-boathouses f'Mġarr ix-Xini peress li l-persuni li kienu tressqu l-qorti fis-snin tmenin kienu ġew illiberati.

Magħtab — Engineered landfill

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'qed iwassal biex l-engineered landfill fil-Magħtab qabdet mill-inqas darbtejn tul Settembru 2005? Kemm-il darba qabdet din l-engineered landfill f'Settembru 2005? X'passi qed jittieħdu biex ma tibqax taqbad? Xi ħsarat saru lill-membrane ta' l-engineered landfill?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li kif ġie mħabbar fuq mezzi tax-xandir lokali kien hemm dawn iż-żewġ okkażjonijiet fejn parti mill-wiċċ taż-Żwejra Engineered Landfill kien fiha n-nar. Hemm suspett qawwi li atti vandali jistgħu jkunu qegħdin iwasslu għal din is-sitwazzjoni. Il-ħsara li saret minn-nirien fil-membrane kienet waħda żgħira li ġiet imsewwija permezz ta' patching u welding li ġie applikat kif stipulat mill-Engineer Ingliż tal-kumpanija F.L.I. Environmental li kien responsabbli minn dawn ix-xogħlijiet.

MEPA — Enforcement notices

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu enforcement notices din is-sena u għaliex?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 inħarġu 867 Enforcement Notices mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) minħabba li kien qed isir żvilupp bi ksur ta' l-Att 1 ta' l-1992. Din l-informazzjoni hija wkoll aċċessibbli mill-pubbliku minn fuq il-website ta’ l-istess Awtorità.

Impjegati ġodda

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 14007 u jgħid kemm impjegati ġodda ġew ingaġġati fid-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-ministeru tiegħu? Jista' jgħid kemm huwa preżentament in-numru ta' l-impjegati f'kull dipartiment u awtorita' rispettivament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li minn Jannar 2005 sal-lum ġew impjegati sitt (6) ħaddiema ġodda mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, li fosthom hemm tliet (3) Casual Substitute Clerks. B’kollox mal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent jaħdmu elf, mitejn u tnejn u tmenin (1,282) ħaddiem ikkomparat maċ-ċifra ta’ elf, mitejn u sebgħa u tletin (1237) tas-sena l-oħra. Ta’ min iżid, però, li sebgħin (70) impjegati li kienu mal-Public Cleansing Department tal-Ministeru għar-Riżorsi u l-Infrastruttura ġew ttrasferiti ma’ dan il-Ministeru b’seħħ mill- 1 ta’ Jannar 2005. Meta tqis dan, iċ-ċifra totali ta’ impjegati fil-Ministeru naqas effettivament b’sebgħa u għoxrin (27). Matul is-sena 2005, l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) daħħlet sitt (6) impjegati fil-grad ta’ Secretarial Assistants, sitt (6) impjegati fil-grad ta’ Environment Protection Officers, u wieħed (1) fil–grad ta’ Senior Research Officer. L-Awtorità offriet ukoll impjieg temporanju għall-perjodu tas-sajf (matul it-18 ta’ Lulju sas-16 ta’ Settembru) lil sittax (16)-il student. Fil-preżent l-Awtorità tħaddem erba’ mija u sbatax (417)-il impjegat. Sena ilu l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) kienet timpjega erba’ mija u għoxrin (420)-il impjegat. Ninsab infurmat ukoll li matul is-sena 2005 ġew ingaġġati ħames (5) full-timers ġodda mall-kumpannija WasteServ Malta Limited. Ġie ingaġġat ukoll driver li ġie ttrasferit mis-settur pubbliku, u tliet (3) studenti (żewġ (2) apprentisti u student Universitarju). Ġew ukoll ingaġġati għoxrin (20) part-timer li l-fondi għall-pagi tagħhom huma ġejjin mill-Unjoni Ewropea taħt il-fondi hekk imsejħa European Social Fund (ESF). Il-kumpanija WasteServ Malta Limited b’kollox timpjega tlieta u sittin (63) persuna u sena ilu kienet timpjega sitta u tletin (36)-il persuna, iżda kif ġie spjegat fuq, għoxrin (20) huma part-timers li s-salarji tagħhom huma mħallsin minn fondi ta’ l- European Social Fund (ESF).

Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u Ambjent — Direct orders

Question

Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kien in-numru ta' direct orders li ħarġu mill-Ministeru ta' l-Affarijiet Rurali u Ambjent matul dawn l-ewwel tmien xhur tas-sena? Kemm kien l-ammont f'ċifra ta' kull direct order separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hi fil-preżent iċ-ċifra ta' flus li tħallset fuq direct order li ġew approvati mill-ministeru?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema perijodu qed jirreferi.

Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Direct orders

Question

Jista' il-Ministru jinformani kemm hi fil-preżent iċ-ċifra ta' flus li għad trid titħallas għal direct orders li ħareġ il-ministeru matul dawn l-ewwel tmien xhur tas-sena?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li fil-preżent iċ-ċifra ta’ flus li għad trid titħallas għal direct orders li ħareġ il-Ministeru ta’ l-Affarijiet Rurali u l-Ambjent matul dawn l-ewwel tmien xhur tas-sena huwa kif ġej: Diviżjoni Ammont mhux imħallas Servizzi Agrikoli u Żviluppi Rurali Lm 17,629 Servizzi Veterinarji u ta’ l-Ikel Lm 21,763 Konservazzjoni u Kontroll tal-Ħut Lm 2,151

MEPA — Inċineratur ġdid fil-Biċċerija tal-Marsa

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ġew sottomessi lill-MEPA żewġ verżjonijiet differenti għall-approvazzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-inċineratur il-ġdid fil-Biċċerija tal-Marsa? Jista' jinformani kemm kienet iċ-ċifra għall-proġett imsemmi fuq l-ewwel verżjoni u kemm kienet tammonta ċ-ċifra għat-tieni verżjoni??

Response (PULLICINO, GEORGE)

Il-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent fill-fatt ressaq applikazzjoni waħda għall-approvazzjoni ta' l-iżvilupp ta' l-Inċineratur quddiem l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA). Tajjeb li wieħed ifakkar li dan il-proġett qed jiġi ffinanzjat mill-Ħames Protokol Taljan. Kien hemm bżonn li jinbidlu il-parametri oriġinali peress li kien hemm żviluppi teknoloġiċi importanti f'dawn l-aħħar snin f'dan il-qasam, u għalhekk dawn il-modifikazzjonijiet ma setgħux jiġu inkorporati fil-pjanti u proġett oriġinali. Ma kien hemm ebda tibdil fl-ispiża globali tal-proġett.

Marsa — Inċineratur ġdid fil-Biċċerija

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm tħallsu flus f'konsulenzi mill-ministeru għall-proġett ta' l-inċineratur fil-Biċċerija tal-Marsa? Meta tħallsu u lil min tħallsu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninsab infurmat li l-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited, tħallset l-ammont ta’ Lm93,917.40 f'konsulenza fuq il-proġett ta' l-Inċineratur, li minnhom Lm5,014 tħallsu fis-sena 2002, Lm13,478 fis-sens 2003, Lm15,930 fis-sena 2004, u Lm59,495.40 fl-2005. Ta’ min iżid li n-Note Verbale rigward dan il-proġett, iffinanzjat mill-Ħames Protokol Taljan, jirrikonoxxi lill-kumpanija Advanced Industrial Systems Limited bħala konsulenti tekniċi għall-finijiet ta’ dan il-proġett.