Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni mressqa quddiem il-PSC is-sena l-oħra? X'weħlu f'kull każ? Mil-liema dipartiment kienu, u x'kien in-nuqqas li allegatament wettqu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17913, fl-1 ta’ Frar 2000, daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti l-ġodda tad-Dixxiplina li permezz tagħhom il-każijiet ta’ dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u l-każijiet li jiġu riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku m’għandhomx jgħaddu aktar mill-Uffiċċju tiegħi.
Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi, ninsab infurmat illi kien hemm każ wieħed ta’ dixxiplina li ġie riferut mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. It-tagħrif dwar dan il-każ jinsab fl-Iskeda Numru 1 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Dwar il-każijiet ta’ dixxiplina li nbdew mill-1 ta’ Jannar sal-31 ta’ Jannar 2000 taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Skeda Numru 2 li turi t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru attentati ta' hacking tal-computers ġo dipartimenti tal-gvern is-sena l-oħra? Jekk saru, jista' jgħid f'liema dipartimenti kienu u jekk inqabdux dawk ħatja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li s-sena l-oħra kien hemm rapport uffiċjali wieħed ta’ “hacking tal-computers” ġo d-dipartimenti tal-Gvern u li kien ġie rapportat li sar fis-sistema tal-Qrati ta’ Malta. Il-każ qiegħed jiġi investigat permezz ta’ Inkjesta Maġisterjali li għadha għaddejja. Kien hemm diversi suspetti oħra li ġew investigati u li għalkemm ma nstabux li kienu każi ta’ “hacking”, ittieħdu diversi miżuri biex is-sistemi suspettati, fejn kien hemm meħtieġ, jiġu aġġornati.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 22277?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li kull tlett xhur l-Uffiċċju Elettorali qed iħallas lill-kuntrattur - id-ditta Megabyte Ltd - Lm10,153 għal “hardware” u “software maintenance” u Lm9,775 bħala “operations management fee” għas-sistema kompjuterizzata.
Il-kuntrattur jipprovdi “backup support, maintenance” tal-“hardware” u tas-“software” u jagħmel ix-xogħol ta’ kuljum ta’ “systems administration” u “operations management”.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-directors of office of review intgħażlux? Jekk iva, meta bdew jaħdmu fil-postijiet tagħhom? Tista' tagħti lista tan-nies magħżula?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi d-Diretturi, Office of Review, għadhom ma ntgħażlux.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-dipartimenti tal-gvern ġewx mogħtija direttivi sabiex ma jaċċettawx flus iżda jitħallsu biss b'ċekkijiet?
Jekk iva, x'wassal għal din id-deċiżjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi.
Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-membri kollha tal-Forzi Armati ta' Malta li ngħataw ċans isegwu kors l-universita' mill-1987 sal-lum? Meta ngħataw ċans biex jagħmlu dan? B'liema kundizzjoni? X'korsijiet ħadu u xi gradi kisbu dawk li spiċċaw il-kors?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant staqsa dwar dawk li-korsijiet universitarji, ‘full-time’ li għandhom l-individwi kkonċernati kienu ssussudjati mill-Forzi Armati. Jien infurmat li matul il-perjodu msemmi kien hemm erba’ individwi li ngħataw l-opportunità li jsegwu kors l-Università. Naturalment, f’dawn il-każi l-individwi jkunu obbligati li ma’ tmien il-kors ikomplu jservu fil-Forzi Armati għal perjodu ta’ żmien jew ħlas lura ta’ spejjeż, jew parti minnu, f’każ li ma jonorawx il-ftehim. Id-dettalji mitluba jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir ingaġġ ta' suldati mal-Forzi Armati ta' Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li sejħa għal applikazzjoni biex jiġu ngaġġati numru ta’ suldati mal-Forzi Armati għandha tiġi ppubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern fil-ġejjieni qrib.
Jista' l-Prim Ministru jgħid peress li meta l-pulizija jidħlu jaħdmu fi ġranet ta' festi jitħallsu allowance extra, jista' jgħid jekk meta s-suldati jaħdmu fi ġranet jitħallsux xi allowance? Jekk le, x'inhija r-raġuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-kundizzjonijiet eżistenti li jirrigwardaw salarji u “allowances” lill-membri tal-Forzi Armati kienu mħabbra f’Ġunju 1993. Skond dawn il-Kundizzjonijiet, il-membri kollha tal-Forzi Armati sal-grad ta’ maġġur huma ntitolati għall-ħlas doppju biss meta jidħlu fil-Ħdud. Għalkemm ma jitħallsux “allowances” għax-xogħol fil-festi, wieħed irid iqis il-pakkett sħiħ ta’ benefiċċji li jgawdu minnu s-suldati.
Irrid inżid li f’Forzi militari barranin mhix prattika normali li suldati jitħallsu żejjed, la fil-Ħdud u l-anqas fil-festi pubbliċi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid il-pre-retirement scheme applikatax għall-ħaddiema tal-Gvern u għal Pulizija, tapplika għal membri tal-Forzi Armati Maltin?
Jekk din l-iskema ma tapplikax għal dawn, jista' jgħid għaliex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-“Pre-retirement Scheme” ma tapplikax għall-membri regolari (bl-uniformi) tal-Forzi Armati. Membri tal-Forzi Armati li jaslu biex jirtiraw, iżda, għandhom dritt li jieħdu 28 jum “terminal leave” skond Regolament 45 dwar in-Nomini u Kundizzjonijiet tas-Servizz (Forza Regolari) ta’ l-1970.
Naturalment, il-“Pre-retirement Scheme” tapplika għall-ħaddiema pajżana li jaħdmu mal-Forzi Armati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid l-għassa mill-Forzi Armati li ssir ma' vapuri navali barranin li jidħlu fil-Port il-Kbir, fuq l-art u anke minn fuq il-baħar, tingħata b'xejn jew bil-ħlas? Jekk bil-ħlas kemm? Jitħallsu extra s-suldati Maltin meta jagħmlu ħinijiet extra fuq xogħol bħal dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-għassa li qegħda ssir bħalissa mill-Forzi Armati kemm fuq il-baħar kif ukoll fuq l-art qiegħda ssir bla ħlas. Is-suldati mpjegati fuq din l-għassa qegħdin jaħdmu fuq xiftijiet normali u mhux qegħdin jaħdmu “overtime”.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex minnu li wara talba fin-negattiv li saret lill-Ministru tal-Finanzi, il-korpi kostitwiti qegħdin jitolbu laqgħa miegħek dwar il-kwestjoni tal-fringe benefits?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mhuwiex minnu li l-Ministeru tal-Finanzi ma’ laqgħax talba biex jitltaqa’ mal-Korpi Kostitwiti dwar il-“Fringe Benefits”. Jien infurmat li l-Ministru tal-Finanzi ltaqa’ mar-rappreżentanti tal-Kamra tal-Kummerċ u tal-Federazzjoni ta’ l-Industrija nhar il-Ġimgħa 22 ta’ Diċembru fit-3.30pm. Preżenti għal din il-laqgħa kien hemm ukoll il-Kummissarju tat-Taxxi Interni. Il-Kummissarju reġa’ ltaqa’ ma’ dawn ir-rappreżentanti l-Ħamis 18 ta’ Jannar 2001. Minbarra dawn il-laqgħat il-Kamra tal-Kummerċ talbet ukoll laqgħa miegħi liema laqgħa ser issir fit-30 ta’ Jannar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ħaddiema li kienu impressed għażlu li jidħlu fis-servizz pubbliku?
F'liema skema daħlu dawn il-persuni? X'se tkun in-nefqa tal-Gvern f'pagi ta' dawn il-ħaddiema kif wkoll ħlas ta' kiri tal-karozzi tagħhom matul din is-sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hemm 466 “Impressed Drivers” li għażlu li jidħlu bħala mpjegati fis-Servizz Pubbliku.
Dawn il-ħaddiema ddaħħlu bħala “Labourers (ex Impressed Drivers)” fi Grupp I tal-Gradi Industrijali, Skala ta’ Salarju 20.
In-nefqa tal-Gvern ser tkun bejn wieħed u ieħor daqs kemm kienet qabel meta dawn il-ħaddiema kienu fuq kuntratt definit. Id-differenza bejn Skala ta’ Salarju 20 u x’kienu jieħdu qabel qed jitħallas bħala kumpens għall-kiri tal-vetturi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati Maltin li marru l-Kosovo ġewx mgħarrfa mill-possibbilta' ta' livell għoli ta' ċertu radioattivita' f'ċertu areas? Jista' jgħid jekk l-armata kenitx taf illi ġo Prizren kollox kien normali qabel ma telgħu l-Maltin? Jekk iva, meta saret taf u min qallha?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ir-risposta għall-ewwel domanda ta’ l-Onorevoli Interpellant hija fin-negattiv. L-Armata ma kellha ebda informazzjoni dwar xi sitwazjoni anormali ġo Prizren.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fl-eżami li sar fl-aħħar ta' April ta' l-1999 għal messaġġiera, wara li ħareġ ir-riżulta f'Novembru 1999, tpoġġew f'Jannar 2000 f'Għawdex erba' messaġġiera waqt li persuna li fil-preżent taħdem bħala messaġġiera fid-dipartiment tal-kultura f'Għawdex u li ġie t-tieni, tħalliet barra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena infurmat li l-erba’ kandidati li għaddew mill-eżamijiet tal-klassi tal-messaġġiera u li tpoġġew Għawdex kienu, fil-fatt, żewġ (2) “Officers-in-Charge Minor Staff”, Messaġġier Anzjan, u Messaġġier u mhux erba’ messaġġiera kif qiegħed jgħid l-Onorevoli Interpellant.
Iż-żewġ “Officers-in-Charge Minor Staff” u l-Messaġġier Anzjan tpoġġew Għawdex skond l-ordni tal-mertu li ġabu fl-eżami rispettiv għax kien hemm vakanza għalihom.
Ħadd minn dawk li għaddew għal Messaġġier ma tpoġġa Għawdex ħlief Messaġġiera waħda u dan minħabba l-età avvanzata tagħha.
Il-kandidati l-oħra għad ma ngħatawx il-ħatra għax ma setgħux jitpoġġew Għawdex peress li ma kienx hemm vakanzi għalihom skond “complement” miftiehem ma’ l-“Unions” fl-1996.
B'riferenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari numru 22561, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati Maltin li marru fuq x-xogħol il-Kosova humiex se jiġu eżaminati għal xi mard, bħalma qed jagħmlu kważi l-armati kollha li kellhom suldati hemm peress li sal-lum għadu mhux magħruf x'inhu jwassal għal mard serju f'uħud minn dawn is-suldati u ċertament ħadd ma jaf jekk ir-raġuni hijiex radjoattivita' jew xi ħaġa oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif diġà ntqal fit-tweġiba li tajt fis-seduta Numru 467 għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 22561, ninsab infurmat li għad ma kien hemm l-ebda rapport ta’ mard serju fis-settur amministrat mill-Ġermaniżi u li fih operaw għal ftit sigħat is-suldati Maltin.
Mhux l-armati kollha li kienu f’dan is-settur qed jeżaminaw is-suldati tagħhom. Għaldaqstant qed jibqa’ jinżamm kuntatt dirett ma’ Forzi Armati barranin biex jekk f’xi eventwalità li jkun hemm indikazzjoni ta’ kwalunkwe ħtieġa, isiru l-eżamijiet mediċi relevanti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fid-dekasteru tiegħu, cost centre b' cost centre, kemm kienet in-nefqa għax-xiri ta' karti bla watermark fis-sena 2000?
Kemm inxtraw riżmi ta' karti bla watermark għal kull cost centre? Minn fejn inxtraw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Din l-informazzjoni ma tinkludix il-karta użata mill-Istamperija tal-Gvern għall-istampar.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 21558 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe': jista' l-Prim Ministru jgħid: (1) X'inhu n-numru ta' ħaddiema Għawdxin li qegħdin jaħdmu Malta? (2) X'inhu l-grad ta' dawn il-ħaddiema? (3) F'liema dipartiment jew korporazzjoni qegħdin jaħdmu? (4) X'inhi d-date of appointment tagħhom? (5) Min huma dawk il-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ħaddiema li joqgħodu Għawdex li kienu jaħdmu Malta fid-Dipartimenti kollha tal-Gvern fis-7 ta’ Diċembru 2000 kien ta’ 344, filwaqt li dawk li kienu jaħdmu f’korpi parastatali jew entitajiet pubbliċi li jaqaw taħt id-dekasteru tiegħi kien ta’ 3.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi f’liema dipartiment/entità pubblika, u f’liema grad kienu dawn il-ħaddiema.
Ma nħossx li hija etika li jingħataw dettalji oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq xi korpi parastatali oħrajn, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm żdiedu u naqsu impjegati maċ-Ċivil sena b'sena mill-1992 sal-lum?
Jista' jagħmel l-istess eżerċizzju fir-rigward ta' l-entitajiet parastatali jew li għandu maġġoranza fihom il-gvern għall-istess perijodu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Skeda ‘A’ li tagħti dettalji dwar żieda jew tnaqqis fit-totali ta’ ħaddiema fis-Servizz Pubbliku mill-1992 sa Ottubru ta’ din is-sena, kif ukoll Skeda ‘B’ li tagħti l-istess dettalji dwar ħaddiema f’korpi/kumpanniji parastatali li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni dwar xi entità parastatali oħra, nitolbu jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.