Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #23731 Sitting 501 2001-02-21 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Skrivana maċ-Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk li applikaw sabiex jagħmlu l-eżami ta' skrivana maċ-ċivil? Jista' jaqsumhom skond is-sessi? Jista' jgħid wkoll kemm ser ikunu ngaġġati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kien hemm 503 applikanti biex joqogħdu għall-eżami fil-grad ta’ “Clerk” fis-Servizz Pubbliku. Minn dawn 152 kienu rġiel u 351 kienu nisa. In-numru ta’ dawk li ser ikunu ngaġġati jiddependi mill-esiġenzi tas-servizz sakemm tiskadi l-validità ta’ l-eżami li hi ta’ sena minn meta jiġu ppublikati r-riżultati.
Leg 9 PQ #23593 Sitting 499 2001-02-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Konsulent

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, ġiex maħtur konsulent tiegħu? Fil-każ li iva, f'liema parametri? X'xogħol għamel s'issa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-persuna msemmija ma ġietx maħtura konsulent tiegħi.
Leg 9 PQ #23666 Sitting 498 2001-02-19 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk huwiex ser jimplimenta, u meta, id-deċiżjoni mogħtija mit-Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, peress li issa għaddew aktar minn sentejn u allura dewmien aktar mhuwiex ġustifikabbli? Jaħseb il-Prim Ministru li meta l-gvern jonqos li jonora deċiżjonijiet ta' dan it-Tribunal ma jkunx qed jimxi skond ir-rule of law u kwindi b'mod mhux demoratiku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-każ dwar l-individwu kien ġie deċiż mit-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji li rrakomanda dan li ġej: 'li hu jingħata rimdeju kompensattiv billi jingħata x-xogħol ta' kok skond il-kwalifiki u esperjenza li għandu, u fin-nuqqas li dan jsir fi żmien tliet xhur jingħata kumpens fis-somma ta' elfejn lira' Il-Forzi Armati mplimentaw l-ewwel rakkommandazzjoni fis-27 ta' Marzu 1998 jiġifieri tliet ġimgħat biss wara li t-Tribunal ta' r-rakkomandazzjoni tiegħu. Jidher għalhekk li l-forzi armati mxew mar-rakkomandazzjoni mat-tribunal mingħajr ebda telf ta' żmien.
Leg 9 PQ #23554 Sitting 496 2001-02-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-persuni li qed jieħdu ħsieb iż-żjara li l-Qdusija tiegħu l-Papa ser jagħmel f'Malta f'Mejju li ġej?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-arċidjoċesi ta' Malta u l-Gvern qed jikkoordinaw l-organizzazzjoni taż-żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa. Il-Kumitat Organizzattiv tal-Gvern hu magħmul mir-rappreżentanti ta' dipartimenti u entitajiet li soltu jkunu nvoluti f'viżti statali u hu mmexxi mill-Assistent Personali tiegħi.
Leg 9 PQ #23597 Sitting 495 2001-02-15 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prof. P Leighton

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport mgħoddi lill-gvern fit-2 ta' Frar, 2001, minn Prof P Leighton

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-Rapport ta’ Professor Patricia Leighton.
Leg 9 PQ #23296 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex suldati li qedgħin f'airport illi jkunu spiċċaw mix-shift fit-8.00 a.m. qed jiġu mġiela jgħamlu kors f'nofinhar meta ovvjament ikunu għajjiena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għas-suldati ta’ l-“A Company” li jwettqu xogħol ta’ sigurtà fl-Ajruport ta’ Malta. Jien infurmat li, għal darba jew darbtejn matul is-sena, il-membri ta’ l-“A Company” jkunu msejħa biex jattendu għal xi kors ta’ ġurnata jew għal xi forma ta’ taħriġ ieħor essenzjali waqt li huma jkunu fil-mistrieħ tagħhom. Dawn is-sejħiet rari ma jistgħux ikunu evitati peress li hu mpossibli għall-Armata li torganizza dan it-tip ta’ taħriġ meta l-istess suldati jkunu fuq ix-xift tagħhom. Inżid ngħid, iżda, li għal kull darba li dawn is-suldati jkunu msejħa għat-taħriġ waqt il-ħin ta’ serħan tagħhom huma jingħataw “time-off-in lieu” bħala kumpens.
Leg 9 PQ #23300 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Għawdex - Sshooting Range

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid hemmx xi pjan biex il-Forzi Armati Maltin jibdew jużaw shooting range f'Għawdex għall-eżerċizzji tagħhom? Fejn? Is-suldati Maltin li se jibdew jittellgħu f'Għawdex għal dawn l-eżerċizzji kemm se jdumu kull darba f'Għawdex? Fejn se jgħixu u jorqdu s-suldati Maltin kemm idumu f'Għawdex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li s-“shooting range” li hemm fil-bażi tal-Qortin f’Għawdex huwa limitat u ma jistax jintuża’ għall-ħtiġijiet kollha li tirrikjedi l-Armata. F’okkażjonijiet rari, suldati minn Malta jitilgħu Għawdex għal taħriġ u eżerċizzji militari. Mhux normali li dawn is-suldati jorqdu Għawdex. Iżda, jekk ikun meħtieġ li dawn iqattgħu lejl jew iżjed ġo Għawdex, hemm biżżejjed faċilitajiet għal numru ta’ persuni biex jorqdu u jieklu hemmhekk mingħajr problemi.
Leg 9 PQ #23461 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

EU

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ikkummisjonati rapporti mad-dekasteru tiegħu marbuta mas-sħubija sħiħa ta' Malta fl-Unjoni Ewropea minn Ottubru 1998 sal-lum? Jista' jgħid wkoll fuq liema suġġett kienu, min għamel dan ir-rapport u kemm tħallas ta' dan ir-rapport? Jista' ġentilment ipoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Żewġ rapporti ġew ikkummissjonati mill-Uffiċċju tiegħi fis-sena 2000. Ir-rapporti tħejjew wara studju dwar il-politika reġjonali ta’ l-Unjoni Ewropea u l-istat ta’ tħejjija ta’ Malta f’dan ir-rigward kif ukoll dwar l-istrutturi amministrattivi li jeħtieġu jitwaqqfu f’Malta biex jamministraw il-fondi li tista’ tibbenefika minnhom Malta mas-sħubija. L-ewwel rapport li tħejja mis-Sur Andrew Blackadder tad-ditta AB Associates fl-Iskozja jiffoka f’mod ġenerali fuq is-suġġetti msemmija hawn fuq. L-ispiża leħqet l-ammont ta’ Lm2709. It-tieni rapport jittratta fid-dettal l-istrutturi amministrattivi li għandhom jitwaqqfu biex ikunu jistgħu jiġu mħejjija pjan ta’ żvilupp u l-programmi neċessarji biex jintleħqu l-miri tal-pjan kif ukoll jindirizza l-ħtiġijiet finanzjarji biex jitħaddmu dawn l-istrutturi. Dan ir-rapport ġie mħejji mis-Sur Joseph V Tabone li kien konsulent mal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi u ma rċeviex ħlas separat għal dan l-istudju. Minħabba n-natura sensittiva tas-suġġett, ma nħoss li għandi nippubblika r-rapporti sħaħ. Madanakollu, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra “Briefing Note” li tiġbor il-proposti u r-rakkomandazzjonijiet magħmula fiż-żewġ rapporti. Fl-aħħarnett, nixtieq infakkar lill-Onorevoli Interpellant li l-offerta magħmula lill-Oppożizzjoni biex tibgħat rappreżentant għall-laqgħat tal-MEUSAC għadha miftuħa; hemmhekk ikollha aċċess għall-informazzjoni kollha li titpoġġa għad-dispożizzjoni tal-Kumitat.
Leg 9 PQ #23480 Sitting 492 2001-02-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Ingaġġ ta' Suldati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jkun hemm ingaġġ ta' suldati mal-Forzi Armati? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li matul dan ix-xahar ser joħorġu fil-Gazzetta tal-Gvern żewġ sejħiet għal applikazzjonijiet għall-ingaġġ fil-Forzi Armati ta’ Malta, waħda fil-livell ta’ “Gunner” u l-oħra fil-livell ta’ Uffiċjal Kadett.
Leg 9 PQ #23299 Sitting 491 2001-02-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Pembroke - Shooting Range

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta huwa maħsub li ma jibqax jintuża iżjed mill-Armata x-shooting range ta' Pembroke? X'użu alternattiv se jsir mill-faċilitajiet li bħalissa qed jintużaw bħala shooting range f'Pembroke?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien ma naf bl-ebda pjanijiet biex il-Forzi Armati ma jibqgħux jużaw iżjed ir-“Ranges” ta’ Pembroke.
Leg 9 PQ #23257 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

India — Terramot

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb min-naħa tal-Gvern Malti li joffri xi forma ta' għajnuna, limitata kemm hi limitata, lill-Gvern Indjan għall-poplu milqut mid-diżastru enormi tat-terremot li ħalla tant u tant eluf mejta u tant u tant eluf oħra midruba u bla dar? Jekk iva, x'inhi din il-forma ta' għajnuna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li bħal ma kien sar f’okkażjonijiet simili fil-passat, Malta qed tagħti s-somma “token” ta’ Lm20,000 lill-Gvern ta’ l-Indja bħala sinjal ta’ solidarjetà mal-poplu Indjan fit-traġedja li laqtitu bħala riżultat tat-terremot li sar ix-xahar l-ieħor. Għall-istess raġunijiet Malta qiegħda wkoll toffri s-somma ta’ Lm10,000 lill-poplu ta’ l-El Salvador li kien intlaqat minn terremot xi ġranet qabel.
Leg 9 PQ #23434 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati nies ġodda mal-Gvern, maqsuma xahar xahar, tul is-sena 2000? Jista' jgħid wkoll f'liema grad kienu mpjegati u fl'liema dipartiment ġew assenjati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul is-sena 2000, erba’ mija u sitta u sittin (466) persuna li qabel kienu jaħdmu bħala “Impressed Drivers” ħadu impjieg indefinit mas-Servizz Pubbliku, filwaqt li tmienja u sebgħin (78) ħaddiema li qabel kienu fl-AWTS ukoll ħadu mpjieg indefinit. Fis-sena 2000, spiċċaw mill-impjieg minn mas-Servizz Pubbliku tmien mija u tmienja u disgħin (898) impjegat. Fl-istess sena, in-numru ta’ mpjegati ġodda mas-Servizz Pubbliku kien ta’ ħames mija u ħamsa u sebgħin (575). Dettalji mitluba dwar impjegati ġodda jidhru fil-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #23483 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Armata — Promozjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega għaliex il-kwalifika għal ċerti promozzjonijiet fl-armata qed jinbidlu? Ma jafx illi dawk il-persuni li qatt ma ngħataw opportunita' li jtejbu l-kwalifiki tagħhom, ma għandhomx jiġu preġudikati speċjalment fid-dawl tas-servizz twil li uħud minn dawk milquta diġa' għamlu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-kwalifiki meħtieġa għall-promozzjonijiet fl-Armata huma dawk li kienu diġà eżistenti ’l fuq minn ħamsa u għoxrin sena ilu. Id-dmirijiet tal-lum jitolbu dan il-livell minimu. Daqqa ta’ għajn lejn l-istatistika ta’ kwalifikazzjonijiet li għandhom numru kbir ta’ membri ta’ l-Armata huwa prova ta’ l-opportunitajiet wiesgħa li kien hemm għal min kien ippreparat li jistudja u jitħarreġ biex itejjeb il-kwalifiki tiegħu biex jimxi ’l quddiem fil-karriera militari.
Leg 9 PQ #23517 Sitting 490 2001-02-12 Oral · Final From: RITA LAW To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Campers & Nicholsons

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-sur Terry Walsh, il-persuna imsemmija mill-kap ta' l-oppożizzjoni fil-parlament bħala r-rapreżentant ta' Campers & Nicholsons f'Malta għandux il-permessi meħtieġa sabiex jaħdem f'Malta? Jekk le, x'passi qegħdin jittieħdu kontra din il-persuna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nissuġġerixxi lil Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.
Leg 9 PQ #23269 Sitting 484 2001-02-02 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Parking

Question

Peress illi riċentement il-Kabinett ddeċieda li joħroġ policy nazzjonali dwar il-parking, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-parkers liċenzjati humiex ser jkunu affetwati b'din il-policy?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-dettalji tal-“policy” nazzjonali dwar “parking” f’zoni residenzjali u kummerċjali għad iridu jiġu stabbiliti minn “Steering Committee” li għandu jitwaqqaf, u wara dawn jitressqu għall-konsiderazzjoni mill-Gvern.
Leg 9 PQ #23011 Sitting 482 2001-01-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Altanija/Kosovo

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' suldati Maltin li qattgħu xi żmien ġo l-Altanija u ġol-Kosovo s-sena l-oħra? Kemm tħallsu totalment tax-xogħol li wettqu u taż-żmien li għamlu barra minn Malta?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ suldati li ħadu sehem fil-“convoys” lejn il-Kosovo matul l-2000, kien ta’ 70. Bħal fil-każ tal-ħaddiema tal-Gvern, il-membri tal-Forzi Armati li jkunu fuq xogħol uffiċjali barra minn Malta, huma ntitolati għal “subsistence allowance” skond il-provvedimenti applikabbli ta’ l-“Estacode”.
Leg 9 PQ #23015 Sitting 482 2001-01-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Radjazzjoni/radjoattivita'

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandhom gerger counters jew apparat ieħor li jkejjel il-livell ta' radjazzjoni u radjoattivita' ta' l-armata? Kemm hemm persuni li jafu jħaddmu dan l-apparat u x'tip ta' korsijiet ħadu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-“Geiger Counter” li hu apparat li jkejjel il-livell ta’ radjazzjoni f’ċirkostanzi partikolari. B’kollox fil-Forzi Armati hemm 24 “Dosimeter” ta’ tipi differenti, apparat li jaħdem fuq il-prinċipju tal-“Geiger Counter”. Is-suldati tal-Forzi Armati jingħataw taħriġ bażiku f’“Nuclear, Chemical and Biological (NBC) Warfare” waqt il-kors ta’ reklutaġġ. Waqt dan it-taħriġ, is-suldati jitgħallmu kif jistgħu jipproteġu lilhom infushom f’każ, per eżempju, ta’ tixrid ta’ radjazzjoni. Xi suldati attendew ukoll korsijiet speċjalizzati barra minn Malta.
Leg 9 PQ #22928 Sitting 481 2001-01-31 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Bumbardier

Question

Jista' l-Prim Ministru jara jekk huwiex possibbli li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbgħatu separatament tiġi trasferita għal outpost bix-shift?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fil-Forzi Armati hemm sistema ta’ kif membru jitlob li jkun trasferit. Ninsab infurmat li l-Armata ġa kkunsidrat talba għal trasferiment mill-membru msemmi u nstab li, fiċ-ċirkustanzi, ma jistax jingħata.
Leg 9 PQ #23005 Sitting 481 2001-01-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

TV Reception — Dixxijiet tas-satellita

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li għandhom liċenzja biex jużaw id-dixxijiet tas-satellita għal skopijiet ta' TV reception?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru għat-Trasport u Kommunikazzjoni.
Leg 9 PQ #23007 Sitting 481 2001-01-31 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bastimenti tal-Gwerra — Personnel

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' personnel militari li ġew Malta fuq bastimenti tal-gwerra s-sena l-oħra u kull sena f'dawn l-aħħar ħames snin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Affarijiet Barranin.