Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ħaddiema tat-tarzna li laħqu tefgħu ir-risposta tagħhom dwar jekk ridux jaħdmu fuq il-vapur La Salle? Kemm tqassmu ittri lill-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif jaf l-Onorevoli Interpellant il-proċess ta’ konferma ndividwali mill-ħaddiema tat-Tarzna waqaf hekk kif il-General Workers’ Union aċċettat li x-xogħol fuq il-USS La Salle għandu jsir. Nista’ nikkonferma li r-rispons għas-sejħa tal-Gvern kien wieħed tajjeb ħafna. Peress li dan il-proċess ma tkompliex, jidhirli li mhux utli li nagħti l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta se jerġa isir xogħol umanitarju fil-balkani mill-Forzi Armati ta' Malta? Kemm se jipparteċipaw suldati Maltin fil-ħidma li jmiss? Kemm sewa lill-pajjiżna ix-xogħol li diġa sar u kemm ipparteċipaw suldati f'kull okkazjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li bħalissa ma hemm l-ebda pjan biex il-Forzi Armati jerġgħu jmorru fil-Balkani fuq xi missjoni simili bħal tas-sena l-oħra. Matul l-2000, il-Forzi Armati wettqu tliet missjonijiet fil-Kosovo li f’kull waħda ħadu sehem 23 membru. B’kollox intefqu Lm40,127.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'applikazzjonijiet hemm pendenti biex joħorġu fil-gazzetta tal-Gvern fid-dipartiment tad-dentistrija? Kemm hemm applikazzjonijiet li bħalissa qegħdin fil-proċess ta' interview? Kemm hemm applikazzjonijiet li ġew ipproċessati u li fil-preżent qegħdin għall-approvazzjoni tal-P.S.C. biex jinħarġilhom l-appointment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li hemm żewġ sejħiet għall-applikazzjonijiet pendenti fid-dentistrija. Waħda hija għad-Dipartiment tad-Dentistrija u l-oħra fid-Dipartiment għall-Ħarsien ta’ l-Anzjani. Dawn iż-żewġ sejħiet għadhom qegħdin jiġu kkunsidrati.
Hemm sejħa għall-applikazzjonijiet oħra li għadha kif ġiet ippubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern u li għaliha għadhom qegħdin jintlaqgħu l-applikazzjonijiet.
Ma hemmx sejħiet għall-applikazzjonijiet li l-proċess ta’ l-għażla tagħhom tlesta u li qegħdin għall-approvazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku biex jinħarġu l-“appointments”
.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 23752, jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija, jiġifieri meta ġie stampat A Day in Her Life? Jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra, possibbilment, fis-6 ta' Marzu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 24053.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ktieb imsemmi.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 23911 li oriġinarjament kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u cioe jista' jgħid matul is-sena 2000, kemm daħħal general hands fi scale 20 il-gvern, apparti minn ex-impressed? Kif ġew magħżula?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-grad ta’ “General Hand” mhux qiegħed fi Skala 20 iżda qiegħed fi Skala 19 u jitla’ għal Skala 18 wara ħames snin.
Kien hemm tnejn minn nies li ddaħħlu f’dan il-grad matul is-sena 2000. Dawn kienu diġa mpjegati mal-Gvern fil-grad ta’ “Labourer” u ġew assimilati “General Hand” skond il-provvedimenti tal-Ftehim għall-Klassifikazzjoni u l-Istrutturar tal-Gradi Industrijali.
Forzi Armati — Tribunal għall-Investigazzjoni ta' l-Inġustizzji
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inqatgħu kawżi mit-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzja kontra l-kap kmandant tal-forzi armati? Jista' jagħti d-dettalji?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li minn meta beda jaħdem it-Tribunal għall-Investigazzjonijiet ta’ Inġustizzji sas-7 ta’ Marzu 2001, kien hemm tlieta u ħamsin (53) każ deċiż li jinvolvu l-Forzi Armati li minnhom 23 inqatgħu favur ir-rikorrent.
Ma jidhirliex li għandi nagħti aktar dettalji.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm membri tal-armata illi illum qed jgħamlu xogħol li normalment isir min ranks ogħla minn dak li għandhom? X'ranks għandhom dawn il-persuni? Xi grad għandhom dawk li jagħmlu normalment dan ix-xogħol? Jista' jgħid jekk qed jikkonsidrax li jeleva lil dawn il-membri għar-rank ta' l-oħrajn?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-proċess ta' evalwazzjoni għall-"promotions" fl-Armata diġa nbeda u għandu jiġi konkluż fi żmien qasir. Il-każijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikunu ndirizzati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm qed tiswa lill-Forzi Armati ta' Malta l-għassa li saret ma' kull vapur amerikan li daħal ġol portijiet tagħna minn mindu dan beda isir?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-għassa li ssir fil-każijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ma timplika l-ebda spiża żejda għaliex kull ma jiġri hu li d-“detail” isir skond kull każ minn membri ta’ l-Armata li jkunu xogħol dak il-ħin.
Jista' l-Prim Ministru jinfurmana kemm-il tilwima industrijali ġiet reġistrata mal-Gvern mill-unions tal-ħaddiema Maltin u Għawdxin matul is-sena li għaddiet? Jista' jagħti breakdown tal-unions li reġistraw dawn it-tilwimiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Mnistru jgħid kemm-il każ tressaq quddiem il-PSC matul is-sena li għaddiet? Kemm huwa n-numru ta' każi pendenti li nqatgħu matul l-istess sena u kemm huwa n-numru ta' każi pendenti quddiem il-PSC?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif diġa weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari Numri 23009, fl-1 ta’ Frar, 2000 daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti l-ġodda tad-Dixxiplina li permezz tagħhom il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u għalhekk il-każijiet li jiġu riferuti lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku m’għandhomx jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi.
Dwar id-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi ninsab infurmat illi s-sena l-oħra kien hemm każ wieħed ta’ dixxiplina li ġie riferut lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Fir-rigward tal-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Dwar il-każijiet li nbdew taħt ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1977, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tagħrif mitlub.
Jista' l-Prim Ministru jgħid il-part-time clerks li hemm mal-Gvern jistgħux jibdew jingħataw l-option li japplikaw għall-mili ta' postijiet vakanti mal-Gvern kull meta jinqalgħu openings simili?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi r-reklutaġġ fis-Servizz Ġenerali tas-Servizz Pubbliku huwa regolat mill-Ftehim dwar il-Klassifikazzjoni u Assimilazzjoni ta’ dawn il-gradi.
Meta joħorġu sejħiet għall-applikazzjonijiet għall-mili ta’ postijiet ta’ “Clerk” fis-Servizz Pubbliku dawn jindikaw x’inhuma r-rekwiżiti biex wieħed japplika għal dawn il-postijiet skond kif provdut f’dan il-Ftehim.
Ma hemm ebda ħsieb li dawn ir-rekwiżiti jinbidlu u għaldaqstant “Part-Time Clerks” jistgħu japplikaw biss jekk jissodisfaw ir-rekwiżiti.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 22862, fejn iddikjara li mhux prattika normali li suldati ta' forzi militari barranin jitħallsu żejjed la fil-ħdud u lanqas fil-festi pubbliċi, jista' l-Prim Ministru jgħid kif mela l-forzi militari barranin li jaħdmu ħafna mill-qrib mal-forzi militari Maltin, eżempju s-suldati tal-Missjoni Taljana, jitħallsu żejjed kemm tal-ħdud kif ukoll tal-festi pubbliċi? Jista' għaldaqstant jikkonferma jekk ingħatax informazzjoni korretta għal mistoqsija tiegħi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jirriżultali li l-imformazzjoni li qed jagħti l-Onorevoli Interpellant mhux korretta.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru air searches is-sena l-oħra u kemm huwa maħsub li qamu lil forzi armati s-sena l-oħra? Jista' jgħid kemm saru sea searches fl-istess perijodu u kemm swew?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb biex xi parti minn proprjeta' tal-Gvern Malti u/jew ta' l-Armata tiġi konvertita biex tospita xi suldati u/jew advisors barranin li jistgħu jkunu hawn fuq xogħol uffiċjali? Jekk iva, fejn u kemm jista' jospita persuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li m’hemm l-ebda pjan biex xi proprjetà tal-Gvern jew ta’ l-Armata tiġi konvertita speċifikament sabiex tospita xi suldati u/jew “advisors” barranin li jistgħu jkunu hawn fuq xogħol uffiċjali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 23752, jista' l-Prim Ministru jgħid meta ġie stampat A Day in Her Life' u fejn tqassam?
Jista' jpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-ktieb “A Day in Her Life” ġie ordnat mill-Ministeru tal-Politika Soċjali u stampat mill-Istamperija tal-Gvern fl-aħħar ta’ Jannar 2001. Il-ktieb ser jiġi ppublikat nhar it-Tlieta 6 ta’ Marzu 2001 bħala parti mill-attivitajiet tal-Jum Internazzjonali tal-Mara. Kopja tal-ktieb tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra wara din id-data.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi ħlas qegħdin jieħdu n-nies konnessi mas-security service ? Kif qed jsir dan il-ħlas mil head security service 'l isfel?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Artikolu 14 ta’ l-Att ta’ l-1996 dwar is-Servizz ta’ Sigurtà jipprovdi sabiex u kif in-nefqa, l-amministrazzjoni u l-politika tas-Servizz ta’ Sigurtà jiġi eżaminat minn Kumitat ta’ Sigurtà. Dan il-provvediment qiegħed hemm minħabba li n-natura tax-xogħol tas-Servizz ta’ Sigurtà jitlob kunfidenzjalità massima.
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-ġranet li ġejjin beħsiebni nlaqqà dan il-Kumitat.
Jista' l-Prim Minstru jgħid kemm ġew stampati kotba fl-istamperija tal-gvern mill-bidu ta' din is-sena? Jista' jgħid x'jisimhom dawn il-kotba? Jista' jgħid kemm ġie jiswa kull ktieb?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-kotba li ġew stampati fl-Istamperija tal-Gvern mill-bidu ta’ din is-sena huma:
Lm
Ombudsman - Case Notes 459.00
Performance Audit - Primary Health Care
The General Practioners Function
Within Health Centres 306.00
Performance Agreements in the
Public Service 325.00
A Day in Her Life 960.00
Performance Audit-Museums
Department Promoting Heritage Sites 490.00
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li suldat, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kellu 31 sena servizz mal-Forzi Armati ma ħax il-promotion li kellu jieħu? Għalfejn, għalkemm dan kellu kondotta tajba u servizz effiċenti, inqabeż u kien hemm mal-186 suldat li ħadu promotion qablu? Jista' jgħid jekk hemmx possibbilita' li dan jieħu xi kumpens?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-individwu msemmi kien spiċċa mis-Servizz bil-pensjoni sħiħa fuq talba tiegħu stess fit-13 ta’ Jannar 1997. Matul il-karriera militari, l-individwu ħa l-promozzjonijiet li kienu kompatibbli mal-kwalifiki li kellu.
Mir-rekord personali ta’ dan l-individwu ma jirriżultax li mid-data li fiha laħaq il-grad li rtira minnu sakemm spiċċa mis-Servizz qatt ressaq xi lment dwar promozzjoni.
Tajjeb wieħed jinnota li l-kwalifiki edukattivi u tekniċi relattivament baxxi li kellu ma kienux jippermettu li jingħata grad ogħla.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-MPO jagħti r-ruling li ntalab jagħti mid-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar il-każ ta' persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex jiġi stabbilit ir-ranking tagħha fis-seniority?
Fuq liema kriterji se jkun stabbilit l-anzjanita' tagħha?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi għadha għaddejja korrispondenza bejn il-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku u l-“Management & Personnel Office” dwar il-ħatra tal-persuna msemmija u kif għandha tidher fis-“seniority list”. Huwa ittamat li tintlaħaq deċiżjoni fi żmien qasir.