Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #25076 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Direttur Ġenerali — Kuntratti

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratti ta' kull Direttur Ġenerali f'kull dipartiment tal-Gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra mudell tal-kuntratti (“performance agreements”) li għandhom id-Diretturi Ġenerali. Ninsab infurmat illi, minbarra l-funzjonijiet, oġġettivi, u responsabbilitajiet speċifiċi tal-post, il-kuntratti tad-Diretturi Ġenerali huma kollha l-istess.
Leg 9 PQ #25125 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Allowance

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm uffiċjali għolja taċ-ċivil li qegħdin jagħmlu xogħol ta' acting director? F'liema dipartimenti qegħdin jagħmlu dan ix-xogħol? X'inhu il-ħlas jew renumerazzjoni li qegħdin jieħdu? Jista' jgħid wkoll kemm hemm diretturi, aġenti diretturi u diretturi ġenerali fiċ-ċivil li jieħu xi forma ta' allowance? Ta' xiex tingħata din l-allowance u x'inhu l-ammont tagħha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fis-16 ta’ April 2001 kien hemm ħames (5) uffiċjali jagħmlu xogħol ta’ Aġent Direttur. Dawn l-uffiċjali kienu f’dawn il-postijiet:- Reġistru ta’ l-Artijiet Uffiċċju Konġunt Reġistru Pubbliku Servizzi Kummerċjali Avjazzjoni Ċivili L-uffiċjali li jingħataw ħatra ta’ Aġent Direttur jitħallsu skond paragrafu 2.5.4. ta’ l-“Estacode”. Id-Direttur u Diretturi Ġenerali fis-Servizz Pubbliku li qegħdin fuq “performance agreement” huma ntitolati għall-“Expense Allowance” li tagħmel tajjeb għal spejjeż li dawn l-uffiċjali jkollhom minħabba l-kariga tagħhom. Aġent Direttur ma jitħallasx “expense allowance”. L-ammont ta’ l-“Expense Allowance” huma: Diretturi Ġenerali fi skala 3 Lm600 fis-sena Diretturi fi skala 4 Lm450 fis-sena Diretturi fi skala 5 Lm300 fis-sena
Leg 9 PQ #25176 Sitting 530 2001-04-23 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid hemm il-ħsieb li jingħata promozzjonijiet fil-Forzi Armati ta' Malta? Meta ser jingħataw? X'inhuma l-kriterji li jiġu applikati fl-għoti ta' dawn il-promozzjonijiet f'kull skala jew grad? Jikkonferma li f'ċertu gradi ser jiġu applikati kriterji li QATT ma ġew kkunsidrati? Jekk fl-affermattiv, jista' jispjega għalfejn ser isir din l-applikazzjoni? X'inhi r-raġuni li dawn il-kriterji qatt ma' ntużaw qabel It-trade hija waħda minn dawn il-kriterji ġodda?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li diġà ngħataw għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 23483 u 24355 fis-Seduta Numru 490 tat-12 ta’ Frar 2001 u s-Seduta Numru 511 tat-12 ta’ Marzu 2001 rispettivament. Joħroġ ċar minn dawk it-tweġibiet li l-aħħar parti tal-mistoqsija li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant tinkludi asserzjoni skoretta.
Leg 9 PQ #24691 Sitting 527 2001-04-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stati Uniti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn waslu l-isforzi tal-gvern biex il-President u l-Prim Ministru jżuru l-Istati Uniti bħala mistednin tal-President Amerikan George W Bush? Meta hemm il-ħsieb li ssir din iż-żjara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ir-relazzjonijiet ma’ l-Istati Uniti huma fost l-aktar b’saħħithom li jgawdi pajjiżna. Jidher li l-Onorevoli Interpellant għandu nformazzjoni li l-Gvern m’għandux.
Leg 9 PQ #22037 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema mal-gvern: (a) part-time; (b) full-time; (ċ) on contract basis; u (d) on temporary basis mill-1998 sal-lum u ma' liema dipartiment ġew impjegati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ħaddiema li ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku mill-1 ta’ Jannar 1998 sa l-4 ta’ Diċembru 2000 huwa kif jidher fit-tabelli ‘A’ sa ‘D’ li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #24765 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Impjegat

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li l-ex-CEO tal-housing authority qed jagħmel xogħol ta' senior principal f'Kastilja, fl-uffiċċju tal-Prim Ministru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nikkonferma li l-ex “Chief Executive Officer” tal-“Housing Authority” qiegħed jagħmel ix-xogħol ta’ “Senior Principal”, li huwa x-xogħol tal-grad sostantiv tiegħu, fil-“Management and Personnel Office” fl-Uffiċċju tiegħi.
Leg 9 PQ #24805 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impressed Drivers

Question

B'riferenza għal mistoqsija u tweġiba għal mistoqsija parlamentari nru. 23809 li kienet saret lill-Viċi Prim Ministru u li kienet tgħid hekk: Jista' jgħid kemm fadal impressed drivers li għadhom ma ġewx mogħtija l-appointment biex isiru ħaddiema mal-gvern? F'liema dipartimenti qegħdin? Veru li dawk li qegħdin mal-gvern meta jieħdu s-sick leave jew il-vacation leave, tinqatalhom xi ħaġa mill-paga minħabba li l-vettura ma tintużax, jista' l-Prim Minstru jwieġeb il-parti tal-mistoqsija rilevanti kif indikat mit-tweġiba tal-Viċi Prim Ministru??

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li hemm żewġ “Impressed Drivers” li għadhom ma ngħatawx il-ħatra ta’ “labourers (ex Impressed Drivers)” peress li l-“Public Service Commission” talbet aktar kjarifiki dwar iż-żewġ każi.
Leg 9 PQ #24806 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Għawdex — Nies boarded out

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 24630, li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Mnistru u li ġiet riferuta lilu u cioe': jista' jgħid kemm ġew nies boarded out fis-settur pubbliku u parastatali f'Għawdex minn Ottubru 1998 sal-lum?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fis-settur pubbliku, inklużi l-Pulizija u l-Forzi Armati, f’Għawdex minn Ottubru 1998 sa llum ġew “boarded out” erbgħa u erbgħin persuna. Fuq kemm kien hemm nies “boarded out” fis-settur Parastatali matul dan il-perjodu nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #24920 Sitting 526 2001-04-03 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Revenue Security Corps

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-fizzjal Malti li kien inkarigat mir-revenue security corps ta' Għawdex ma għadux inkarigat minn din it-taqsima? Jaf li minħabba f'hekk il-membri fl-imsemmi korp qed ibatu peress li l-fizzjal il-ġdid mhux intiż fir-regolamenti marbuta ma' dan il-korp? Jista' jieħu l-passi meħtieġa biex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-proċedura li jitla’ fizzjal minn Malta biex jissorvelja lill-membri Għawdxin tar-“Revenue Security Corps” twaqqfet madwar sentejn ilu. Dan minħabba li minn dak iż-żmien ġie stazzjonat fizzjal residenti f’Għawdex u għaldaqstant spiċċat il-ħtieġa li jitla’ fizzjal minn Malta. Ninsab infurmat li l-fizzjal stazzjonat f’Għawdex huwa intiż fir-regolamenti tar-“Revenue Security Corps” u s’issa l-Forzi Armati ma kellhom l-ebda ilment illi juri li seta’ nħoloq xi nkonvenjent lill-membri ta’ l-istess Korp.
Leg 9 PQ #24478 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn Ottubru 1998 sal-lum, x'xogħolijiet saru fil-bini ta' Kastilja? Jista' jagħti lista sħiħa tax-xogħolijiet kollha li saru fuq ġewwa u barra fuq il-bini ta' Kastilja? Għaliex, f'kull każ, saru dawn ix-xogħolijiet? Min awtorizza li jsiru dawn ix-xogħolijiet?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li x-xogħlijiet li saru fil-Berġa ta’ Kastilja minn Ottubru 1996 sa Marzu 2001 kienu dawn: (a) Xogħol ta’ Restawr _ Restawr fil-pjan terran. _ Restawr tal-fetħiet kollha li jagħtu għall-kantina u nstallazzjoni ta’ twieqi ġodda f’dawn l-aperturi. _ Restawr tal-bibien ta’ barra tal-pjan terran. _ Tħammil, tindif u restawr fil-kantina. Dan ix-xogħol sar biex tkun restawrata l-istruttura oriġinali tal-bini. (b) Xogħol ta’ “Refurbishment” _ “Refurbishment” tal-pjan terran. _ “Refurbishment” u manutenzjoni ta’ uffiċini oħra skond il-bżonn. _ Bidu ta’ “refurbishment” tat-“toilets” prinċipali li jinsabu f’kull sular. _ Tħammil investigattiv taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal- Mużewijiet dwar kostruzzjoni ta’ “stores” u “workshops” li hu ppjanat li issir ’il quddiem. Dan ix-xogħol sar biex l-ispazji jiġu utilizati b’mod effiċjenti. (c) Installazzjoni ta’ Lifts _ Installazzjoni ta “Lifts”, tnejn fuq in-naħa tat-Triq San Pawl, u tnejn fuq in-naħa tat-Triq Merkanti. Dawn il-“lifts” saru biex l-uffiċini fis-sulari ta’ fuq ikunu iżjed aċċessibli speċjalment għall-persuni bi bżonnijiet speċjali u wkoll l-anzjani. Dawn ix-xogħlijiet kollha ġew awtorizzati mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 9 PQ #24718 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li tiġi rranġata l-anomalija li qed isofru ħaddiema fil-yacht marina u l-port health office fejn, minkejja li jagħmlu l-istess xogħol, uħud minnhom għandhom grad ta' porter (health guard) filwaqt li oħrajn għandhom grad ta' timekeeper?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Billi l-postijiet indikati jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa, l-Onorevoli Interpellant huwa mistieden jirreferi din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #24815 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Stamperija tal-Gvern — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma l-intenzjoni li tiġi ntrodotta s-sistema ta' punch clock permezz tal-palm reading fl-istamperija tal-gvern? Kemm se tqum din is-sistema? Kemm ser jiġu ffrankati flus b'din is-sistema? Meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal din is-sistema? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma illi se jiġi impjegat tabib ma' l-istamperija tal-gvern? Kemm se jiswa dan l-ingaġġ? X'wassal għal dan l-ingaġġ? Dan ġara għax il-Prim Mnistru tilef il-fidudċja fit-tobba privati li kienu qed joħorġu ċ-ċertifikati? Jekk dan ma kienx il-każ, x'wassal għall-ingaġġ ta' tabib privat esklussivament għal dan id-dipartiment

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-“Management” ta’ l-Istamperija tal-Gvern qed jistudja l-implimentazzjoni ta’ sistema ta’ verifika ta’ attendenza u sistema ta’ verifika biex ma jkunx hemm abbuż mis-“sick leave” Deċiżjoni finali għadha ma itteħditx.
Leg 9 PQ #24817 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk li applikaw għal suldati fl-aħħar sejħa li saret ftit ġranet ilu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Is-sejħa għall-applikazzjoni ħarġet mid-Direttur ta’ l-Eżamijiet u l-Bord ta’ l-Eżamijiet Pubbliċi Lokali kif avżat fil-Gazzatta tal-Gvern Nru17061 tas-27 ta’ Frar 2001. Għaldaqstant il-mistoqsija għandha tiġi diretta lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Leg 9 PQ #24908 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Żjara tal-Qdusija Tiegħu l-Papa

Question

Rigward ir-risposta għal mistoqsija parlamentari nru. 23554, jista' l-Prim Minstru jgħid min huma l-membri fil-kumitat organizzattiv tal-gvern biex jikkordinaw l-organizzazjoni taż-żjara f'Malta tal-Qdusija Tiegħu l-Papa, flimkien mal-arċidjoċesi ta' Malta? Kemm-il darba ltaqa' l-kumitat organizzattiv tal-gvern u min kien preżenti? Kemm-il darba ltaqa' l-kumitat organizzattiv tal-gvern u ta' l-arċidjoċesi ta' Malta? Min kien preżenti għan-naħa tal-gvern? X'inhi r-raġuni li l-ambaxxaturi ta' Malta għal Vatikan ma jiffurmax jew ma kienx jifforma parti mill-kumitat tal-Gvern Malti li qed jikkordina l-organizzazzjoni taż-żjara f'Malta tal-Qdusija Tiegħu l-Papa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari numru 23554 li l-Kumitat Organizzattiv kellu żewġ laqgħat preparatorji. Membri rappreżenanti ta’ dipartiment u entitajiet tal-Gvern kellhom laqgħat varji u separati kif soltu jsir f’viżti uffiċjali u statali. L-Ambaxxatur ta’ Malta għall-Vatikan ikun mistieden meta hu meħtieġ.
Leg 9 PQ #24909 Sitting 525 2001-04-02 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Hospital Surveillance Officers

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-persuni li għaddew mill-eżami bil-miktub biex jilħqu hospital surveillance officers fid-dipartiment tas-saħħa? Jista' jgħid jekk sarux investigazzjonijiet wara li tħabbar ir-riżultat ta' l-eżami bl-miktub? Jista' jikkonferma jekk xi impjegati li kienu oriġinarjament għaddew mill-eżami, isimhom ġiex imneħħi mil-lista li oriġinarjament kienet ippubblikata? Jekk fl-affermattiv, x'passi oħra ttieħdu mill-kummissjoni għas-servizz pubbliku, mill-uffiċċju tal-Prim Ministru, jew mid-dipartiment tas-saħħa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jidher illi l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-eżami ta’ “Security Guard”, peress li l-grad ta “Hospital Surveillance Officer” kien ġie assorbit f’dan il-grad permezz tar-riforma tas-Servizz Pubbliku tal-1991. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawk il-kandidati li għaddew mill-eżami bil-miktub. Nikkonferma li saru investigazzjonijiet wara li tħabbar ir-riżultat ta’ dan l-eżami u ġie deċiż li jitneħħa isem ta’ persuna mill-lista li oriġinarjament kienet pubblikata. Peress li d-dixxiplina issa ġiet delegata lid-dipartimenti, il-Kap tad-Dipartiment konċernat ġie mitlub jara x’passi għandhom jittieħdu f’dan il-każ.
Leg 9 PQ #24476 Sitting 524 2001-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja — Superviżjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid ix-xogħolijiet li saru fuq il-bini ta' Kastilja, ġewwa u barra, tul is-sena 2000 w Jannar - Marzu 2001 taħt is-superviżjoni ta' liema periti saru? Kif ingħataw dawn il-kuntratti dawn il-periti? Xi ħlasijiet se jsiru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi x-xogħlijiet fil-Berġa ta’ Kastilja saru taħt is-superviżjoni tal-periti konsulenti “Architecture Project”. “Architecure Project” intgħażlu bħala esperti ewlenin fuq xogħol ta’ ristorazzjoni wara konsultazzjoni mall-“Valletta Rehabilitation Committee”. Ta’ dan ix-xogħol, li jinkludi preparazzjoni ta’ “sketches”, stima tax-xogħol, sottomissjonijiet ta’ applikazzjonijiet lill-Awtoritajiet konċernati, preparazzjoni ta’ “working drawings”, speċifikazzjonijiet u “bills of quantities”, tħejjija ta’ rapporti fuq l-offerti, twettiq ta’ superviżjoni waqt ix-xogħlijiet, tħejjija ta’ ċertifikati tax-xogħol u reviżjonijiet oħra, “Architecture Project” jitħallsu bir-rata ta’ 8.5% fuq il-valur tax-xogħol, li hija r-rata kurrenti tal-Gvern għal xogħol u responsabiltajiet simili.
Leg 9 PQ #24477 Sitting 524 2001-03-28 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kastilja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kordinazzjoni saret ma': 1) l-Awtorita' ta' l-Ippjanar 2) il-Valletta Rehabilitation Committee 3) il-Ministru ta' l-Ambjent 4) id-Dipartiment tal-Mużewijiet dwar ix-xogħolijiet li saru fil-bini, ġewwa u barra, ta' Kastilja fis-sena 2000 u Jannar - Marzu 2001?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li saru l-applikazzjonijiet neċessarji lill-Awtorità ta’ l-Ippjanar dwar ix-xogħlijiet fil-Berġa ta’ Kastilja. Sar qbil li għandu jiġi sottomess “Master Plan” kif ukoll li jiġi appuntat “Monitoring Committee” biex jissorvelja ix-xogħol. Il-“Valletta Rehabilitation Committee” jiġi kkonsultat mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar waqt il-proċess ta’ l-evalwazzjoni ta’ l-applikazzjoni. Ix-xogħol kollu li qed isir jiġi kkordinat minn periti fid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru ta’ l-Ambjent. Barra minnhekk, ix-xogħlijiet ta’ servizzi mekkaniċi qed isiru taħt is-superviżjoni ta’ inġiniera mill-istess Diviżjoni. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet dejjem jiġi msejjaħ fuq is-sit tax-xogħlijiet kull meta jkun hemm indikazzjoni ta’ sejbiet li jista’ jkollhom valur storiku.
Leg 9 PQ #24369 Sitting 522 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema uffiċjali għolja taċ-ċivil ġew avviċinati nformalment mis-sur Richard Cachia Caruana biex jibdew jiktbu taħt psewdonimu favur sħubija fl-Unjoni Ewropea fil-ġurnali lokali bl-ingliż? Kemm minnhom aċċettaw li jagħmlu dan?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li m’huwiex minnu dak li qed jallega l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #24018 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati — Searches

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru air searches is-sena l-oħra u kemm huwa maħsub li qamu lil forzi armati s-sena l-oħra? Jista' jgħid kemm saru sea searches fl-istess perijodu u kemm swew?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #24344 Sitting 521 2001-03-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Promozzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex il-promozzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija fil-kariga ta' assistant prinċipal ma tiġix backdated għal Jannar 1998 bħal ta' impjegati simili?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li d-data effettiva tal-ħatra ta’ uffiċjal f’kariga pubblika hi dik id-data ta’ meta l-ħatra tkun ġiet approvata. Fil-każ tal-persuna li għaliha qiegħed jagħmel riferenza l-Onorevoli Interpellant, il-ħatra ġiet approvata f’Novembru 1998.