Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-kuntratt li kellu l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala konsulent tal-Gvern Nazzjonalista?
L-uffiċju tiegħek wera oggezzjoni fl-1994 biex jiġġedded il-kuntratt ta' din il-persuna?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li kellha l-persuna indikata mill-Onorevoli Interpellant bħala konsulent tal-Gvern.
Dan il-kuntratt kien ġie mġedded sa l-aħħar tal-1994. Ma saritx talba oħra biex il-kuntratt jiġi mġedded wara din id-data.
Jista' l-Prim Ministru jgħid sa fejn huma involuti l-Awtoritajiet Ċvili fil-preparamenti taż-żjara tal-Qdusija tiegħu il-Papa Ġwanni Pawlu II li se ssir f'Malta f'Mejju li ġej?
X'laqgħat hu mistenni li jkollu l-Qdusija tiegħu l-Papa ma' l-awtoritajiet Ċivili waqt iż-żjara ta' jumejn li se jagħmel f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġibiet li ġa tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 23554 u 24908 f’seduti numru 496 u 525.
Il-Qdusija Tiegħu l-Papa ser jingħata merħba u tislima f’ċerimonji apposta bħal ma jsir f’viżti oħra ta’ Kap ta’ Stat. Il-Qdusija Tiegħu ser jiltaqa’ mal-President u wkoll ma’ l-għola awtoritajiet ċivili fil-Palazz.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien jiswa l-kuntratt ta' kumpanija tat-tobba li kienu jinvistaw l-impjegati tal-MITTS qabel, u kemm jiswa dak ġdid tal-HMO (Health Maintenance Organisation)
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-MITTS kellha kuntratt ma’ tabib ta’ kumpanija bejn it-30 ta’ Jannar 1998 u 30 ta’ Diċembru 1998 u li kien jiswa Lm6.50 għal kull viżta.
Fit-8 ta’ Marzu 2001 l-kumpanija qabdet lill Kumpanija HMO biex tibda topera dan is-servizz bir-rata ta’ LM5.00 għal kull viżta.
Iż-żewġ kumpaniji kienu jinviżtaw l-impjegati fejn il-MITTS tara li hemm xi abbuż.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għamlu l-eżami għall-skrivani mal-Gvern fl-aħħar sejħa li kien hemm? Kemm kienu dawk li għaddew? Kemm ser jidħlu? Għal kemm żmien jgħodd l-eżami?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li 407 kandidati għamlu l-eżami għal skrivan (Clerk) fis-Servizz Pubbliku wara l-aħħar sejħa li saret f’Novembru, 2000.
In-numru ta’ dawk li jgħaddu jkun magħruf wara li jsiru l-intervisti u l-proċess tal-għażla jkun konkluż.
In-numru ta’ dawk li ser jingħataw impjieg bħala Skrivan (Clerk) jiddependi mill-esiġenzi tas-Servizz.
L-eżami jibqa’ validu sa sena minn meta jiġi ppubblikat ir-riżultat finali.
Jista' l-Prim Ministru jispjega jekk persuna li tkun għamlet 9 snin servizz mad-Dejma flimkien ma' numru ta' snin fil-Forzi Armati; dawk is-snin mad-Dejma humiex inklużi sabiex jintlaqtu il-25 sena servizz?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Is-servizz li suldati kienu taw f’xi Korp tax-Xogħol, bħal id-Dejma, ma jgħoddx bħala servizz fil-Forza Regolari tal-Forzi Armati għal fini ta’ penzjoni. Dan skond ir-Regolament Numru 24(2) tar-Regolamenti dwar Nominazzjonijiet u Kundizzjonijiet tas-Servizz (Forza Regolari) ta’ l-1970 kif emendat b’diversi Avviżi Legali u kkonfermat bl-ittra OPM/449/75 tas-6 ta’ Jannar 1977.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn Jannar 'l hawn kemm saru diretturi fiċ-Ċivil, f'liema postijiet, f'liema kariga, min huma; u xi grad kellhom qabel saru diretturi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Lista ta’ Diretturi fis-Servizz Pubbliku li ħadu ħatra mill-1 ta’ Jannar ’l hawn.
Jista' l-Prim Ministru jgħid separatament kemm jammontaw in-numru ta' reklami li saru mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu fis-snin 1999, 2000 u 2001?
Jista' jgħid separatament kemm jammontaw finanzjarjament dawn ir-reklami u lil min ingħataw, fejn kienu mxandra jew ippublikati u x'kienet il-ħtieġa li jingħataw?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Sakemm ma ningħatax raġuni ’l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi laneċ jew dgħajjes tal-Protezzjoni Ċivili jaqdu dmirhom waqt ir-regatta tal-31 ta' Marzu 2001? X'tip ta' apparat ta' salvataġġ hemm fuq dan il-laneċ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ta’ l-Intern.
B'referenza għall-OPM Circular 15/2001, jista' l-Prim Ministru jgħid xi tkopri il-vacancy li qamet fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru għall dak li qed jissejjaħ director regional policy unit?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fit tweġiba li tajt għall-mistoqsija nru 23461 fi Frar ta’ din is-sena ġew imfissra l-istrutturi amministrattivi proposti fir-rigward tal-politika reġjonali, li jinkludu “Regional Policy Directorate” li l-iskop prinċipali tiegħu hu li joffri l-kapacità teknika u jieħu ħsieb jikkordina t-tfassil, ippjanar u “monitoring” ta’ xogħol relatat ma’ dan is-settur.
Ir-responsabbiltajiet prinċipali tad-Direttur, “Regional Policy Directorate”, jkunu ovvjament biex imexxi dan id-Derettorat u jiżgura li jintlaħaq l-iskop li twaqqaf għalih dan l-Uffiċċju l-ġdid.
Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra min huma dawk l-uffiċċjali li skond il-ħatra tagħhom kienu jew qegħdin fuq performance agreement u għaldaqstant irċevew il-performance bonus minbarra s-salarju f'xi waħda mis-snin 1998, 1999 u/jew 2000 u fl-istess żmien kienu nominati jew maħtura għal xi pożizzjoni jew kariga oħra li tagħha rċevew xi ħlas, kumpens jew benefiċċju minbarra s-salarju u l-performance bonus?
Għal liema kariga jew nomina dawn l-uffiċċjali pubbliċi rċevew il-ħlas, kumpens jew benefiċċju? X'kien il-ħlas, kumpens jew benefiċċju f'kull każ u x'kienet il-ħatra rispettiva tagħhom fiċ-ċivil li għaliha kellhom performance agreement u allura rċevew il-performance bonus?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 24620 dwar x'sar min dawk li għamlu l-kors l-ETC speċi ta' competency test u kisbu ċ-ċertifikat bħala tradesman mal-Gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi, konformi mal-provvedimenti tal-Ftehim tal-Klassi Industrijali milħuq mill-Gvern ma’ l-unions fl-1994, u kif imħabbar miċ-Ċirkulari tal-MPO Nru B11 36/95 tal-4 t’Awissu, 1995, ingħatat l-opportunità lil dawn il-gradi biex jiksbu Ċertifikat ta’ Kompetenza f’xi sengħa li jagħżlu. Iċ-Ċirkolari kienet tgħid ċar li dan ma kienx ifisser li dawk li jġibu ċ-ċertifikat jidħlu awtomatikament fil-grad ta ‘Tradesman’, iżda dan iċ-ċertifikat jagħmilhom eleġibbli biex japplikaw meta u jekk ikun hemm xi sejħa għall-applikazzjonijiet.
Dawk li ressqu applikazzjoni u ntagħżlu, daħlu fil-klassi tat-Tekniċi u komplew il-karriera tagħhom fl-istruttuta tal-Gradi Tekniċi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' apparat ta' salvataġġ suppost li jkollhom fuqhom il-laneċ tal-F.A.M.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Iskwadra Marittima tal-Forzi Armati tħaddem tipi diversi ta’ ‘patrol boats’ u ‘rescue launches’ li fuqhom jinġarr għalinqas l-apparat bażiku ta’ salvataġġ li jidher hawn taħt:
_ Numru ta’ “life-jackets’ għall kull membru ta’ l-ekwipaġġ u, jekk ikun il-każ, anke għall-passiġġiera,
_ “life rafts” għall-membri ta’ l-ekwipaġġ u passiġġieri f’każ ta’ abbundun tal-“patrol boat”,
_ Numru ta’ “life-rings” biex jintużaw f’każ ta’ emerġenza li l-“patrol boat” tista’ tiltaqa’ magħha waqt xogħol ta’ sorveljanza fuq il-baħar. Ir-“Rescue Launches” iġorru żewġ “life-rafts” għal dan it-tip ta’ emerġenzi,
_ “Fire extinguishers” li jintużaw f’każ ta’ ħruq fuq il-“patrol boat” jew biex tingħata għajnuna f’każi ta’ inċidenti żgħar ta’ ħruq fuq dgħajjes ta’ terzi persuni,
_ “Basic First Aid Kit” għal korrimenti ħfief ħafna fuq il-baħar,
_ Pompa ta’ l-ilma awżiljari biex tippompja jew tirregola d-dħul u l-ħruġ ta’ l-ilma f’każ li l-pompi tal-“patrol boat” jew ta’ dgħajjes/“yachts” oħrajn ma jkunx qegħdin jaħdmu kif suppost.
B'riferenza għall-internal audit function li issa qed taqa taħt il-cabinet office fl-uffiċju tal-Prim Ministru, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk ir-re-engineering exercise dwar il-funzjoni tal-internal audit li kellu jitlesta sa tmiem l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena, tlestiex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li ir-“re-engineering exercise” dwar il-funzjoni ta’ l-awditjar intern huwa sostanzjalment komplut. Jonqos biss irtokki finali biex jisguraw li din il-funzjoni tant importanti għall-operat ta’ gvernar trasparenti u effettiv, verament taħdem fuq sisien sodi, indipendenti u imparzjali.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba ltaqa il-general internal audit board minn kemm ilu li twaqqaf f'Awissu 2000? X'inhu il-compliment attwali ta' l-internal audit directorate?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li kemm ilu li twaqqaf il-“General Internal Audit Board”, dan iltaqa erba’ darbiet.
Il-“complement” u l-posizzjonijiet mimlijin tad-Direttorat ta’ l-Awditjar Intern huma kif muri hawn taħt:
Grad Nru ta’ Postijiet Postijiet mimlija
Direttur 1 1
Assistent Direttur 2 1
Manager Awditjar Intern 3 0
Awditur Intern Anzjan 8 0
Awditur Interni 8 7
Awdituri Interni Trainee 8 7
Skrivani 3 2
Saret sejħa oħra mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku għall-mili tal-vakanzi li hemm. Din is-sejħa għalqet fl-aħħar ta’ Marzu 2001.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ser tissolva l-problema li għandhom mat-300 ħaddiem li għażlu li jibqgħu mal-Gvern u ma baqgħux jaħdmu mal-Posta Ltd? Meta ser jiġu ntegrati fil-gradi taċ-ċivil mingħajr ma jitilfu s-snin li ilhom fis-servizz fil-postijiet preżenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat illi d-diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Unions dwar l-integrazzjoni fil-gradi tas-Servizz Pubbliku tal-ħaddiema tal-Posta li għażlu li jibqgħu mal-Gvern sejrin ikunu finalizzati f’qasir żmien.
Is-snin ta’ servizz li dawn l-impjegati għandhom mal-Gvern ma jintilifx.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari nru. 24909, rigward l-eżami bil-miktub għall-security guards, jista' l-Prim Ministru jgħid minn min saru l-investigazzjonijiet u x'irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet biex saħansitra persuna tneħħiet mill-lista li oriġinarjament kienet ippubblikat ta' dawn li għaddew mill-eżami
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-eżami bil-miktub li għalih qegħda ssir referenza tmexxa mid-Direttur ta’ l-Eżamijiet taħt l-awspiċi tal-Bord għal Eżamijiet Pubbliċi lokali.
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din id-domanda lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru bomb threats din is-sena? Kemm minnhom irriżultaw li kienu veru u kienu hoaxes?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bejn l-1 ta’ Jannar u l-4 ta’ April 2001, kien hemm 54 theddida ta’ bomba li ġew riferuti lill-“Explosive Ordnance Disposal Section” tal-Forzi Armati. Minn dawn it-theddidiet, waħda biss irriżultat li kienet tassew bomba mprovizzata (u li fil-fatt kienet tikkonsisti f’murtal tal-festi).
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'tip ta' bombi u/jew ordinanza oħra instabu u/jew ġew newtralizati mill-bomb disposal unit tal-armata is-sena l-oħra?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Matul is-sena 2000, l-‘Explosives Ordnance Disposal Section’ tal-Forzi Armati ssejħet għal 29 darba biex tinvestiga, tinnewtralizza jew tiddisponi minn bombi u materjal splussiv ieħor kif jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni fil-Forzi Armati ta' Malta li għandhom iċ-ċertifikat tas-subaqua? Jista' jgħid wkoll kemm hemm ċilindri ta' l-oxygen ippreparati fuq il-boats tal-Forzi Armati għal dak li jista' jinqala?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Fl-‘Explosive Ordnance Disposal Section’ tal-Forzi Armati hemm b’kollox 20 għaddas kwalifikat u li fil-fatt jagħmlu xogħol ta’ għaddas.
Mhux proċedura normali li l-‘partol boats’ tal-Forzi Armati jġorru fuqhom ċilindri ta’ l-ossiġnu jew apparat ieħor ta’ l-għaddasa. Dawn jinġarru biss f’każ li l-għaddasa u l-apparat tagħhom ikun jeħtieġ jitwasslu f’xi post fejn ikun sar xi inċident li jkun jista’ jintlaħaq biss permezz ta’ mezzi tal-baħar.