Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #25431 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Passi Dixxiplinari

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew inizjati passi dixxiplinari (charges) kontra impjegati tal-Gvern li jaqgħu taħt id-diversi Ministeri, Ministeru b'Ministeru, matul l-ewwel tliet xhur ta' din is-sena 2001? Kif jikkumpara l-għadd mal-passi li ttieħdu fl-ewwel tliet xhur tas-sena l-oħra 2000?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fl-1 ta’ Frar 2000, daħlu fis-seħħ ir-Regolamenti l-ġodda tad-Dixxiplina li permezz tagħhom il-każijiet tad-dixxiplina ġew delegati lill-Kapijiet tad-Dipartimenti u għalhekk dawn il-każijiet m’għadhomx iżjed jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi. Ninsab infurmat li fid-Dipartiment li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi, fl-ewwel 3 xhur tas-sena l-oħra ma nbeda l-ebda każ tad-dixxiplina, filwaqt li fl-ewwel 3 xhur ta’ din is-sena nbdew 6 każijiet. Fis-rigward tal-Ministeri l-oħra, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Leg 9 PQ #25432 Sitting 541 2001-05-22 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dixxiplina

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'jiġri meta chairman ta' bord tad-dixxiplina, maħtur skond ir-regolamenti ta' l-1999, ma jaqdix dmiru fiż-żmien stipulat mill-istess regolamenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li r-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1999 jipprovdu li Bord tad-Dixxiplina għandu jtemm l-investigazzjonijiet tiegħu fi żmien tletin ġurnata mid-data li fiha l-każ ikun intbagħat lilu. Dan il-perjodu jista’, għal xi raguni valida, jiġi mtawwal sa massimu ta’ tletin ġurnata oħra mill-Kap tad-Dipartiment li jkun ħatar il-Bord. Iżda meta jkun hemm raġunijiet serji u ġustifikabbli li fil-fehma tal-Kap td-Dipartiment ikunu jipprekludu l-Bord milli jikkonkludi l-investigazzjonijiet, il-Kap tad-Dipartiment għandu jirreferi il-każ lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għall-parir tagħha.
Leg 9 PQ #25725 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nies Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25576 li oriġinarjament kienet saret lil Viċi Prim Ministru w li issa ġiet riferuta lilek u ċioe jista' l-Ministru jgħid minn tmiem Diċembru sal-lum kemm iddaħħlu nies ġodda mal-Gvern u ma korpi parastatali - separatament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li mill-1 ta’ Jannar 2001 sas-7 ta’ Mejju 2001 daħlu fis-Servizz Pubbliku 235 ħaddiema ġodda. In-numru ta’ ħaddiema ġodda li daħlu f’Entitajiet governattivi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi tul l-istess perjodu huwa ta’ 18. Informazzjoni dwar ħaddiema ġodda f’korpi parastatali li jaqgħu taħt Ministeri oħra, għandha tintalab lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #25727 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impressed Drivers

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25575 li oriġinarjament kienet saret lil Viċi Prim Ministru u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm b'kollox impressed drivers? Kemm minnhom diġa ġew integrati fis-settur pubbliku? X'xogħol ingħataw? Meta mistennija jiġu integrati fis-settur pubbliku? X'xogħol ingħataw? Meta mistennija jiġu integrati l-oħrajn? Minn dawk kollha li kellhom xogħol ta' impressed drivers kullħadd aċċetta li jidħol mal-Gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li kien hemm b’kollox 660 “impressed drivers” jaħdmu mas-settur pubbliku. Dawn kollha intalbu li sal-31 ta’ Lulju, 2000, jiffirmaw u jibgħatu l-Uffiċċju tiegħi, dikjarazzjoni li huma jridu l-impjieg ta’ Labourer (ex-Impressed Driver). 653 iffirmaw din id-dikjarazzjoni u ingħataw impjieg permananti. Dawk li għażlu li jipprovdu s-servizzi tal-vettura tagħhom ingħataw xogħol ta’ xufier bil-vettura tagħhom; dawk li ddeċidew li ma jipprovdux das-servizz ingħataw xogħol ta’ xufier jew ta’ “Labourer” skond il-bżonn. Sitt persuni ma ffirmawx id-dikjarazzjoni u persuna mietet waqt li qed isir il-proċess. M’hemmx ħsieb li dawk li rrifjutaw l-impjieg terġa ssirilhom l-istess talba.
Leg 9 PQ #25897 Sitting 540 2001-05-21 Oral · Interim From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma mpjegati fis-settur pubbliku bħala: i) Tobba ii) Fiżjoterapista iii) Infermiera iv) Radjologi v) Laboratory Technicians vi) Special Therapists vi) Pulizja vii) Għalliema ix) Kindergarten Assistants x) Facilitators xi) Psychologists bħalissa kif wkoll fl-1996 u fl-1998?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #25207 Sitting 539 2001-05-16 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ajruplani Privati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il darba siefer hu jew xi uffiċċjal li jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu u għamel użu min ajruplan privat matul din il-leġislatura? Kemm swiet kull kirja ta' ajruplan u x'kien l-iskop taż-żjara u għall-liema pajjiż kienet? Għaliex inħass il-bżonn ta' l-użu ta' ajruplan privat meta setgħet intużat linja ta' l-ajru kummerċjali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Matul din il-leġislatura ntuża ajruplan privat tmien darbiet fuq żjarat uffiċjali kif ġej: Kemm swiet (LM) Skop taż-żjara Pajjiż 3,250 fuq xoghol Grecja 4,800 fuq xoghol Turkija 3,690 fuq xoghol Libja 4,950 fuq xoghol Slovakja 7,022 fuq xoghol Polonja 4,560 fuq xoghol Franza 6,400 fuq xoghol Germanja 6,470 fuq xoghol Franza L-għażla ta’ dawn it-titjiriet kienet dejjem dovuta għall-eżiġenzi ta’ żmien flimkien ma konsiderazzjoniet finanzjarji.
Leg 9 PQ #25421 Sitting 539 2001-05-16 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi li qed jinstemgħu quddiem il-kummissjoni għas-servizz pubbliku? Jista' jgħid kemm-il każ jinvolvi nies fis-servizz ċivili, fil-pulizija u f'postijiet oħra mal-Gvern? Kemm ilu, l-aktar każ quddiem il-kummissjoni? Jista' jgħid x'inhuma l-każijiet l-aktar serji?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fl-4 ta’ Mejju 2001 mill-erba’ każijiet ta’ dixxiplina li kien hemm pendenti quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku kien hemm każ wieħed li jinvolvi membru tal-Korp tal-Pulizija. Dettalji dwar l-erba’ każijiet huma kif ġej:- (a) Żewġ każijiet kriminali dwar pussess ta’ droga li ġew riferuti lill- Kummissjoni wieħed f’Mejju u l’ieħor f’Ottubru 2000. (b) Żewġ każijiet ta’ dixxiplina dwar akkużi ta’ negliġenza. Wieħed minn dawn il-każijiet jinvolvi membru tal-Korp tal-Pulizija u ilu pendenti minn Ottubru 1994 peress li hemm allegazzjonijiet li għadhom qed jiġu investigati wkoll mill-Kummissjoni Kontra l-Korruzzjoni. Il-każ l-ieħor li jinvolvi uffiċjal pubbliku ieħor ilu pendenti minn Awissu 2000.
Leg 9 PQ #25153 Sitting 538 2001-05-15 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rabat Scout Group

Question

Jista' l-Prim Ministru jinfurmani għaliex ma kienx hemm rapreżentant tas-segretarjat privat tiegħu u jew ta' l-uffiċċju tal-Prim Ministru fil-laqgħa li ġiet organizzata mill-uffiċċjali u l-ġenituri tal-iscouts group tar-Rabat nhar il-Ħadd 1 ta' April meta fis-Sala tal-Parroċċa tal-lokal ġiet diskussa l-problema tal-premises tar-Rabat Scout Group? Jaf li tfal ta' l-iscout group tar-Rabat qed jiltaqgħu f'bini li ma huwiex attrezzat xejn biex jilqgħa lil dawn it-tfal? Jaf li tfal tar-Rabat scout group ġew offruti temporanjament il-premises tal-Kunsill Lokali u li ma kienx għall-dan l-intervent tal-Kunsill tar-Rabat dawn it-tfal u l-uffiċjali tagħhom ma għandhomx fejn jiltaqgħu sal-lum? Ma' jħossx li fid-dawl ta' dan in-nuqqas u ta' dan il-bżonn għandu jieħu l-passi u ċioe jaħtar persuna responsabbli ħalli fi żmien xahar jirrimedja din il-problema u tinstab soluzzjoni għat-talba pendenti tar-Rabat Scout Group, qabel ma tiggrava aktar is-sitwazzjoni u ssir xi traġedja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba tal-Ministru ta’ l-Edukazzjoni għall-mistoqsija simili ta’ dik li saret lili.
Leg 9 PQ #25201 Sitting 538 2001-05-15 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Elezzjoni Lokali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' barranin li ivvotaw f'kull elezzjoni lokali minn mindu dawn bdew isiru?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li mhux possibli li jingħata t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Membru dwar kemm persuni barranin ivvutaw f’kull elezzjoni li saret għall-Kunsilli Lokali minħabba li kull dokumentazzjoni stampata jew miktuba li jkollhom l-assistenti kummissjonarji elettorali fl-elezzjonijiet tiġi ssiġillata u tkun tista’ tinfetaħ biss b’ordni tal-Qorti skond ir-Regolamenti 46(1) u 116 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att XV ta’ l-1993 dwar Kunsilli Lokali.
Leg 9 PQ #25338 Sitting 538 2001-05-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Donazzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid separatament kemm jammontaw id-donazzjonijiet finanzjarji li ingħataw mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn id-donazzjonijiet u lil min ingħataw u x'kienet ir-raġuni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Sakemm ma ningħatax raġuni ’l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Leg 9 PQ #25339 Sitting 538 2001-05-15 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kontijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid separatament kemm hemm kontijiet pendenti ma' kumpaniji privati u kuntratturi mill-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid separatament kemm jammontaw dawn il-kontijiet u x'jirrigwardjaw?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Sakemm ma ningħatax raġuni ’l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar din l-informazzjoni dettaljata.
Leg 9 PQ #25197 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' nisa impjegati fis-servizz tal-Gvern fil-gradi rispettivi li jeżistu? Kemm minnhom qegħdin fl-iskala minn I sa 4? Kemmminn dawn ħadu promozzjoni għal dawn l-iskali (jiġifieri b'salarju minn Lm 7,534 il-fuq) minn Ottubru 1998 'l hawn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infrumat illi n-numru ta’ nisa impjegati fis-servizz pubbliku hu ta’ 8884. Minnhom, 17 qegħdin fi skala minn 1 sa 4. Għaxar impjegati minn dawn ħadu promozzjoni minn Ottubru 1998 ’l hawn. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dettalji mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #25597 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Performance Bonus

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25406?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar uffiċjali fuq “performance agreement” fid-dekasteru tiegħi. L-informazzjoni mitluba dwar uffiċjali fuq “performance agreement” f’Ministeri oħra għandha tintalab lill-Ministri konċernati.
Leg 9 PQ #25615 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lista tal-Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista tal-impjegati kollha fis-segretarjati privati, bin-numru tal-identita', x'tip ta' xogħol kienu jagħmlu mal-prim ministri u ministri u segretarji parlamentari, fl-aħħar għaxar snin, bid-dati rispettivi ta' meta kienu impjegati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #25687 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-minuti tal-laqgħat li saru sa issa tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja mwaqqfa taħt il-Kostituzzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja hija mwaqqfa skond il-Kostituzzjoni u l-Eżekuttiv ma għandux aċċess għall-minuti tal-laqgħat tal-Kummissjoni. Wieħed mill-għaxar membri tal-Kummissjoni huwa nnominat mill-Prim Ministru u membru ieħor mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni. Ma naħsibx li jkun prudenti li nitlob kopja tal-minuti jew li dawn il-minuti jiġu ppublikati.
Leg 9 PQ #25705 Sitting 537 2001-05-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex lil dawk l-impjegati tal-Gvern li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi essenzjali ma ġewx mogħtija d-9 ta' Mejja bħala btala billli kienet tiżdidilhom mal-leave annwali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Fl-okkażjoni tal-visita tal-Qdusija Tiegħu il-Papa f’ Malta l-impjegati tal-Gvern li jipprovdu servizz essenzjali, ingħataw tmien siegħat “time off in lieu” li jittieħdu skond l-esiġenzi tas-Servizz. Din id-deċiżjoni ġiet ikkomunikata permezz taċ-Ċirkulari 24/2001 ta’ l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Leg 9 PQ #25588 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li kull min jingaġġa fil-Forzi Armati jagħmel hekk wara li jkun għadda minn eżami mediku?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li dawk kollha li jingaġġaw fil-Forzi Armati jkunu għaddew minn eżami mediku biex jiġi aċċertat li jkunu fiżikament b’saħħithom biex iservu f’forza militari.
Leg 9 PQ #25589 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Patrol Details

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija numru 24143, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru patrol details mal-kosta mis-sezzjoni tal-laneċ tal-Forzi Armati waqt iż-żjarat ta' vapuri tal-gwerra Amerikani f'din l-aħħar sena?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nifhem li ma għandiex nagħti din l-informazzjoni.
Leg 9 PQ #25595 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Promotion Assessments

Question

Jista' l-Prim Ministru jispjega għaliex is-suldati tal-Forzi Armati qegħdin jiġu miċħuda milli jkunu jafi xi kriterji qed jiġu applikati fil-promotion assessments li qegħdin isiru dwarhom mill-Uffiċjali superjuri tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li d-dettal kollu tal-“Promotion Assessment Report” jiġi muri lill-individwi konċernati kif jiġi komplut l-eżerċizzju fl-Armata kollha, u dan jkun jinkludi wkoll il-kriterji li jkunu ġew applikati.
Leg 9 PQ #25606 Sitting 536 2001-05-07 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħlas Doppju fil-Ħdud u Festi

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li membri ta' forzi militari Taljani u oħra barranin jitħallsu doppju f'każ ta' xogħol fil-Ħdud u festi pubbliċi u dan minkejja t-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija numru 23996? Minħabba li jidher għalhekk li l-ħlas għall-Ħdud u festi hu pjuttost prattika komuni f'każi militari barranin, jista' l-Prim Ministru allura f' dan il-kuntest jgħid jekk is-suldati Maltin għandhomx jitqiesu daqs ħaddieħor u jibdew jitħallsu doppju għal xogħol f'festi pubbliċi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta jitħallsu doppju għal xogħol fil-Ħdud biss, iżda wieħed ma jridx jinjora l-pakkett sħiħ tal-kundizzjonijiet kollha. Dwar x’jitħallsu il-membri tal-Forzi Armati Taljani, l-Onorevoli Membru jirrealizza li dan mhix responsabbiltà tiegħi.