Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pieta` — Housing Estate

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari 32957, peress li x-shafts li qed issir riferenza għalihom huma dawk li hemm fin-nofs tal-blocks tal-housing estate li hemm fil-Pieta`, u peress li dawn huma perikolużi ħafna għaliex huma miftuħin, jidhirlux il-Viċi Prim Ministru li dawn għandhom jingħalqu b'bibien tal-ħadid għal iktar sigurta`?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan ix-xogħol ġie approvat u għandu jsir mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar fil-futur immedjat.

Addozzjoni ta' Tfal

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 33302 riferita lilu u cioe, jista' jgħid ma' liema gvernijiet barranin għaddejjin negozjati dwar l-addozzjoni ta' tfal minn ġenituri Maltin? Fiex waslu dawn in-negozjati, pajjiż b'pajjiż, u f'kull każ x'qed iżomm milli jintlaħaq qbil finali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa għaddejjin negozjati ma' aġenzija Pollakka, liċenzjata biex tipproċessa intercountry adoptions mill-Gvern Pollakk, bil-ħsieb li jiġi konkluż ftehim dwar adozzjonijiet minn dak il-pajjiż. Għall-istess skop, reċentement saru wkoll kuntatti preliminari mal-Gvernijiet tar-Russja u ta' l-Ukrajna. Kif diġa' għidt kemm f'dan il-Parlament kif ukoll barra, l-adozzjoni ta' tfal hi ħaġa serjissima. Għalhekk, għalkemm il-Gvern Malti jrid li jirregola l-adozzjonijiet minn pajjiżi barranin permezz ta' ftehim minghajr dewmien żejjed, żgur li mhux sejjer jipperikola l-interessi tat-tfal kif ukoll tal-familji adottivi prospettivi billi jinsisti li jitħaffef il-proċess delikat ta' negozjar.

Għajnuna Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax d-dipartiment jinvestiga għaliex il-persuna li hi separata u li d-dettalji qed jintbagħtu separatament qalulha li ma hi intitolata għall-ebda għajnuna soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntatjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.

St. Vincent De Paule Residence

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jikkunsidra li l-anzjan li d-dettalji qed jintbagħtu separatament ikun jista' jidħol St. Vincent De Paule billi jgħix kompletament waħdu minkejja l-eta' li għandu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna ndikata minnu ser tkun ikkuntatjata dwar il-każ tagħha fil-ġranet li jmiss.

Appartamenti tal-Gvern — Stallazzjoni ta' Lifts

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm talbiet pendenti għall-istallazzjoni ta' lifts ġewwa flats tal-gvern fil-Birgu, Senglea, Bormla, Kalkara, Żabbar u Fgura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjonijiet pendenti ma' l-Awtorita' tad-Djar għall-installazzjoni ta' lifts fi blokki tal-Gvern, mill-lokalitajiet indikati mill-Onor. Interpellant, huma 2 mill-Birgu u 5 minn Bormla.

Appartamenti tal-Gvern — Stallazzjoni ta' Lifts

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta saret talba għall-istallazzjoni ta' lifts ġewwa Blk 10 Dr 2 St. Philips Str Birgu u f'liema stadju waslet din l-applikazzjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li qed jiġu preparati l-pjanti tal-blokk indikat biex issir l-applikazzjoni neċessarja lill-Awtorita' Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjanar.

Benefiċċji soċjali — Children Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hawn familji li kienu jieħdu ċ-children allowance kull sena għal dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm ħareġ il-gvern kull sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-istatistika mitluba mill-Onor. Interpellant.

Benefiċċji Soċjali — Relief

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq ir-relief illum? Kemm minn dawn huma nisa, kemm irġiel, kemm single u kemm miżżewġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba. Fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 32490 li jien tajt f'Seduta Numru 721 ma kienetx tinkludi żewġ tipi oħra ta' Għajnuna Soċjali, dik għall-ġenitur singlu li mhux miżżewweġ u Għajnuna Soċjali għal dawk li jduru bil-ġenituri tagħhom. In-numru ta' persuni li kienu qed jirċievu dawn it-tipi ta' Għajnuna Soċjali f'Diċembru 2001 kien ta' 959 u 582 rispettivament. In-numru ta' dawk li qed jirċievu dawn iż-żewġ tipi ta' Għajnuna Soċjali llum hu 1022 u 570 rispettivament.

Sptar Monte Carmeli

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk mara li tkun rikoverata b'mod permanenti fl-IsptarMonte Carmeli li pero` tkun tidher reġistrata fuq l-indirizz tad-dar residenzjali tagħha huwiex obbligat żewġha (ċittadin Malti ) li jħallas tal-kera ta' martu f'dan l-isptar meta huwa pensjonant?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jiena nfurmat illi jekk il-persuni għadhom miżżewġin, ir-raġel hu obbligat iħallas il-kera. Jekk il-post m'għandhomx aktar bżonnu jista jirrinunzja għall-kirja u jirritornaw iċ-ċwievet lid-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali.

Orfni mibgħuta l-Awstralja

Question

B'riferenza għar-rapport tas-Senat Awstraljan li jittratta dwar tfal Maltin u Ingliżi li kienu intbagħtu l-Awstralja wara l-Gwerra bejn 1947 u 1967 u li issa rriżulta li wħud minnhom ġew mitfugħa f'orfanatrofiċi u abbużati sesswalment, fiżikament u psikoloġikament, jista' l-Viċi Prim Minstru jgħid jekk il-gvern hux qed isegwi dak li ħareġ minn dan ir-rapport? Saru xi kuntatti mal-Gvern Awstraljan dwar dan il-każ? Billi l-Gvern Awstraljan se joħroġ madwar Lm900,000 fi flus biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jingħaqdu mal-familji tagħhom, saru jew qed isiru jew se jsiru xi kuntatti biex Maltin fl-Awstralja li kienu abbużati u li se jibbenefikaw minn dawn il-flus jiġu mgħejjuna jiġu Malta u jidentifikaw il-familjari tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern qed isegwi l-iżvilupp dwar il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Jekk dawk li jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Gvern Awstraljan ikunu jeħtieġu assistenza biex jittraċċaw il-familjari tagħhom f'Malta, d-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Familja jkun lest li joffri din l-assistenza meta jkun mitlub.

Housing — Appartamenti tal-Gvern - Stallar ta' Lifts

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk saritx applikazzjoni biex jiġi installat lift fil-Blk E Dr B, Triq Ġuże D'Amato, Paola? Jekk fl-affermattiv x'sar minnha? Jaħsibx li għandha tiġi mfassla policy mill-gvern biex fejn l-istallar ta' lift jkun possibbli fi blokkijiet t'appartamenti, li appliazzjoni ssir awtomatikament biex forsi b'hekk is-sitwazzjoni ta' residenti li fittxew akkomodazzjoni alternattiva f'tali każijiet jonqsu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li mir-rekords ta' l-Awtorita' tad-Djar ma jirriżultax li saret applikazzjoni għall-installar ta' lift fil-post indikat mill-Onor. Interpellant. Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-iskema ta' l-Awtorita' tad-Djar għall-installar ta' lifts tapplika, fost ħwejjeġ oħra, ;meta jkun hemm persuna b'diżabilita' ta' mobilita' tabita f'dawk l-appartamenti, nitolbu jiċċara x'qed ifisser b' "applikazzjoni ssir awtomatikament" fit-tieni parti tal-Mistoqsija.

Dragonara Casino — Kuntratti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jikkonferma jekk hux minnu li fid-Dragonara Casino hemm ħaddiema li ilhom jaħdmu għall-sena sħiħa mal-kumpanija li issa nqalbu għall-kuntratti ta' ġimgħa, ġimgħa? Tikkonferma li qegħdin jiġu ngaġġati bosta barranin minflok ħaddiema Maltin fuq xogħol ta' security u serveillance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

Housing

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istaircase ta’ barra fl-entratura ta’ Block F2, Housing Estate, Mosta għadu qatt ma sar u għadu sal lum bil-konkos mingħajr wiċċ lest fuq barra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt it-talba ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa.

St Vincent de Paule Residence — Increments

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija nru. 32282 u cioe, jista' jgħid kemm u min huma dawk l-impjegati f'St Vincent de Paule Residence li twaqfulhom l-increments minħabba li huma fuq light duties u mhux jagħmlu xogħol skond is-salary grade tagħhom? Kemm ilhom li twaqfulhom l-increments?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellanti għat-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 32282 li jien tajt f'Seduta Numru 722.

Single Parents — Social Assistance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm single parents li qed jirċievu l-SA bħala single parents? Kemm minnhom qed jaħdmu fuq bażi part-time?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li preżentament hemm 1022 persuna li qed tirċievi Għajnuna Soċjali bħala Ġenitur Singlu. Ninsab infurmat ukoll li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali ma jżommx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-Mistoqsija.