Tista' il-Ministru tgħid meta beħsiebu d-dipartiment jesegwixxi x-xogħlijiet ta' restawr wara l-ħruq li sar riċentement fi blokk ta' appartamenti bl-ittra "X" fi Triq il-Jum, Marsa? Japprezza li l-okkupanti qed isofru preġudizzju u inkonvenjent kbir?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li x-xogħol fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant inbeda u tlesta.
Tista’ il-Ministru tgħid kemm persuni nqatgħalhom xi benefiċċju soċjali minħabba li nqabdu jabbużaw mis-sistema fis-snin 2003, 2004 u 2005? Xi kemm iffranka flus il-gvern bl-iskoperta ta' dawn l-abbużi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ninsab infurmata wkoll li n-numru ta’ każijiet għas-sena 2003, mogħtija f’Seduta Numru 182 bi Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 7131, kellu jaqra 346.
Tista' il-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li koppja miżżewġa li huma ċittadini ta' Malta u li l-income tagħhom huwa biss il-pensjoni mill-Awstralja u l-bonus ta' nofs is-sena, ma jirċevux id-Lm39 sussidju tad-dawl u ilma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li ma jeżistix sussidju ta’ Lm39 għad-dawl u l-ilma.
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-sussidju ta’ Lm39 li kien tħallas ta’ darba fuq il-pitrolju s-sena l-oħra, dan kien dovut lill-persuni li, fl-1 ta’ Marzu 2005, kienu qed jirċievu benefiċċji speċifiċi mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
Persuna li ma kienetx qed tirċievi xi wieħed minn dawn il-benefiċċji, kif jidher li hu l-każ tal-koppja ndikata mill-Onor. Interpellant, ma kienetx eliġibbli li tirċievi dan is-sussidju.
Tista' il-Ministru tgħid kemm hawn persuni li huma kkwalifikati bħala health and safety officers? Ma' liema dipartiment/ente pubblika qed jaħdmu? Kemm minnhom mhux jagħmlu xogħol ta' health and safety officers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Tista’ il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' applikanti għall-iskema tas-sussidju tal-kera mill-Awtorita’ tad-Djar fl-aħħar ħames snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Dwar l-informazzjoni mitluba sa l-aħħar ta’ Settembru 2005, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14961 f’Seduta Numru 310.
Ninsab infurmata li matul il-perijodu, 1 ta’ Ottubru 2005 sal-14 ta’ Frar 2006, in-numru ta’ applikazzjonijiet għas-sussidju fuq il-kera li rċeviet l-Awtorita’ tad-Djar kien 149.
Tista’ il-Ministru tgħid kemm kien in-numru ta' koppji miżżewġa, nies jgħixu waħedhom u persuni separati li applikaw għall-iskema ta' shared ownership ta' l-Awtorita’ tad-Djar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid min huma l-persuni mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li siefru fuq xogħol uffiċjali matul l-2005? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni u kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tgħid kemm inxtraw, inkrew jew ġew leased karozzi fil-ministeru u l-enti li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha separatament bejn Ottubru sa Diċembru 2005 u mill-1 ta' Jannar sal-lum separatament? X'inhi ċ-ċilindrata ta' dawn il-karozzi u x'tip ta' fuel jużaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' il-Ministru tara li jittieħdu passi biex fil-blokk tal-maisonettes fi Triq Lapsi, Area 8 f'San Ġiljan isir lift għar-residenti peress li hemm anzjani li jkollhom jitilgħu ħafna taraġ kuljum, anke jekk bi problemi tal-qalb?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-Awtorita’ tad-Djar ma għandha ebda applikazzjoni għal stallar ta’ lift fil-blokk indikat mill-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tara x'sar minn każ ta' appell li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, u li din il-persuna tiġi nformata bl-aħħar żviluppi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 16339, f'Seduta Numru 337.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 17621 li oriġinarjament saret lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Ġustizzja u Intern li issa ġiet riferuta lilha, u tgħid x'inhi r-raġuni li persuna li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li għandu garage li dettalji dwaru wkoll qed jintbagħtu separatament, li hu earmarked għat-twaqqiegħ qalulu mid-dipartiment konċernat li mhuwiex intitolat għal garage alternattiv wara li jitwaqqa' il-garage tiegħu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant talbet li tingħata akkomodazzjoni alternattiva għax qed tgħid li tgħix fil-garaxx fl-indirizz indikat, għalkemm dan ma ġiex konfermat.
Ninsab infurmata wkoll li l-każ għadu qed jiġi nvestigat.
Tista' il-Ministru tara li jiġi rranġat lift fi Block 1, Flat 3, Kelinu Cachia Street, Tarxien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kif kelli okkażjoni li ngħid bi tweġibiet għall-Mistoqsijiet preċedenti dwar manutenzjoni ta’ lifts fi blokki tal-Gvern, din il-manutenzjoni hi responsabbilta’ ta’ l-inkwilini.
Dwar il-lift speċifiku li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, ninsab infurmata li dan ġie stallat f’Ottubru 2002 u minkejja li l-Awtorita’ tad-Djar ġibdet l-attenzjoni ta’ l-inkwilini tal-blokk għar-responsabbilta’ tagħhom li jagħmlu l-manutenzjoni meħtieġa, dawn ma ftehmux bejniethom dwar il-ħlas, bir-riżultat li l-manutenzjoni ma saritx.
Ninsab infurmata wkoll li f’Jannar 2006, l-Awtorita’ bagħtet inġinier biex jeżamina l-lift u nstab li ma kienx qed jiffunzjona peress li kien ġarrab ħsarat konsiderevoli kawża ta’ l-użu ħażin u nuqqas ta’ manutenzjoni. L-Awtorita’ qabdet kuntrattur hi biex ineħħi l-periklu. Biex dan il-lift jerġa jintuża, l-inkwilini jridu jaċċettaw ir-responsabbilta’ li jħallsu għal kull manutenzjoni meħtieġa, tiswijiet u l-konsum ta’ l-elettriku konness mal-lift.
National action plan on poverty and social exclusion
Question
Tista' il-Ministru tgħid jekk sarx xi pjan updated tan-National action plan on poverty and social exclusion 2004-2006? Jekk iva, tista' tqiegħed kopja fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 14880 f’Seduta Numru 305 u ninfurmah li preżentement qed jitħejja r-Rapport Nazzjonali dwar Strateġiji għall-Protezzjoni u Inklużjoni Soċjali għall-perijodu 2006-2008. Ninsab infurmata li dan ir-rapport hu maħsub li jinkludi rapport aġġornat dwar in-National Action Plan li rrefera għalih l-Onor. Interpellant.
Tista' il-Ministru tgħid kemm ħarġu yellow stickers għall-persuni b'diżabilita'?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li sa l-aħħar ta’ Frar 2006 kien hemm 7,813 persuna li kellhom il-Karta ta’ l-Identita’ Speċjali maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’.
Tista' il-Ministru tgħid għaliex il-proġett ta' landscaping tal-HE ta' Ħal Farruġ, f'Ħal Luqa li kien inbeda diversi xhur ilu, jinsab fi stat mitluq? Tista' tara li bejn il-passaġġi tal-blokki ta' l-appartamenti jkun hemm aċċess adegwat għal okkażjoni ta' emerġenza bħal ambulanza?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-proġett indikat mill-Onor. Interpellant waqaf għal xi żmien għax il-kuntratt għax-xogħlijiet skada u ried jinħareġ ieħor ġdid mill-Kunsill Lokali. Il-kuntratt il-ġdid issa ngħata u x-xogħol mistenni jerġa jibda fil-ġimgħat li ġejjin.
Dwar is-suġġeriment ta’ l-Onor. Interpellant fit-Tieni Parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmata li l-passaġġi bejn il-blokki ta’ l-appartamenti hu ntiż bħala żona pedonali u mhux aċċessibbli għall-vetturi. Madankollu s-suġġeriment ser jiġi diskuss bejn id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta’ Djar u l-perit tal-Kunsill biex jaraw jekk dan is-suġġeriment ikunx jista’ jitwettaq.
Tista' il-Ministru, għar-rigward tad-dettalji li qegħdin jintbagħtu separatament, tgħid x'inhi r-raġuni li mhijiex intitolata għal benefiċċju tal-mard meta d-dħul hu daqstant?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet infurmata direttament bil-miktub mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali dwar il-każ tagħha.
Tista' il-Ministru tara li meta jitkompla l-proġett ta' madwar il-blokki ta' l-appartamenti tal-gvern f'Ħal Farruġ isir xi forma ta' dawl minħabba l-vandaliżmu u problemi oħra li jeżistu f'dawn l-inħawi? Tista' tgħid meta beħsiebu jitlesta dan il-proġett minħabba l-periklu li hemm għal dawn il-familji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 17825 f’din l-istess Seduta, nżid li ninsab infurmata li l-proġett, li ser jinkludi stallar ta’ dawl dekorattiv, mistenni jkun lest sa’ l-aħħar ta’ Awissu li ġej.
Tista' il-Ministru tirrispondi mistoqsija parlamentari 17753 u tagħti lista ta' periti li għamlu u qegħdin jagħmlu xogħol għall-awtorita' tad-djar (dawn l-aħħar ħames snin) kif ukoll kemm tħallsu s'issa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninsab infurmata li t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.