Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #34484 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħamrun — Skola Sekondarja

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibilita li studenta li ser tattendi l-form III Maria Regina Ħamrun għas-sena skolastika li ġejja, ikollha għalliema tal-istorja?

Response (GALEA, LOUIS)

Nirreferi lill-Onorevoli membru għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 34116.
Leg 9 PQ #34494 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Invigilators/Supervisions

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' invigilators u supervisions (kemm għall-eżamijiet tal-Matsec, eżamijiet ta' barra, u m'humiex) li kienu ħaddiema tad-dipartiment ta' l-eżamijiet matul is-snin 1999 sa 2002? Jista' jgħid l-ammonti li tħallsu ras għar-ras? Jista' jgħid b'liema mod jiġi mqassam dan ix-xogħol bejn il-ħaddiema tad-dipartiment u fuq liema mertu? Jista' jgħid ukoll mil-liema distretti elettorali huma l-ħaddiema li ntgħażlu bħala invigilators u supervisions fil-perjodu msemmi aktar 'il fuq?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista bin-numru ta' persuni li servew bħala invigilators jew supervisors mill-impjegati li jaħdmu fid-Dipartiment ta' l-Eżamijet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-lista tagħti spjegazzjoni dwar l-ammont ta' ħlas li kull wieħed/waħda ħadu tas-servizz addizzjonali li taw lid-Dipartiment kif ukoll mil-liema distretti elettorali dawn il-ħaddiema ġejjin. Infurmat li d-Dipartiment jagħti dan ix-xogħol lill-impjegati tiegħu skond l-abbilta` u l-interess u d-dedikazzjoni li juru fix-xogħol kollu tad-Dipartiment matul is-sena kollha. Dan jingħata dejjem jekk l-impjegati jaċċettaw volontarjament dan ix-xogħol addizzjonali max-xogħol normali tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #34506 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kavallier ta' San Ġakbu

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex San Ġakbu Kavallier jinżamm nadif peress li qed jasluli lmenti regolari dwar trab u tidlik fil-bini?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn meta fetaħ il-Kavallier ta' San Ġakbu, Ċentru għall-Kreattivita`, il-Fondazzjoni ħadet ħsieb li ċ-Ċentru jinżamm nadif u dan qed isir billi l-post jitnaddaf kuljum inluż il-Ħadd. Ġieli anke aktar minn darba kuljum skond il-bżonn. Rigward it-trab li twaqqa' l-ġebla Maltija, l-esperti tal-gvern infurmaw lill-Fondazzjoni li peress li għal żmien twil il-ġebla Maltija kienet miksija bis-siment l-aħjar soluzzjoni hi li l-ġebla titħalla mikxufa sakemm tistabilizza ruħha. Kemm l-esperti Maltin u anke Taljani li ħadmu dan l-aħħar fuq il-Knisja ta' Santa Katerina ta' l-Italja, kollha qablu li mhux rakkomandat li l-ġebla tkun trattata f'dan l-istadju, peress li jekk il-ġebla tiġi trattata wieġed aktarx jaħbi l-problema u mhux isolviha. Apparti l-problema tal-ġebla hawn fuq imsemmi, ma kien hemm l-ebda lment fuq l-indafa fil-Kavallier ta' San Ġakbu.
Leg 9 PQ #34539 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għalliema

Question

PQ Text: Jista' l-Ministru jgħid huwiex aċċettabbli li għalliema jieħdu lill-uliedhom magħhom l-iskola u jdaħħluhom magħhom fil-klassijiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-policy tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hi li ma ssib l-ebda oġġezzjoni li tfal ta għalliema jidħlu fl-iskola sakemm dawn ma jkunux ta' xkiel għat-tagħlim fil-klassijiet. Bi ħsiebni niddiskuti din il-policy mad-Direttur Ġenerali biex nifhem aħjar l-implikazzjonijiet ta' din il-policy.
Leg 9 PQ #34540 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Skolastiku

Question

PQ Text: Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm xi riżenji mill-kunsill skolastiku ta' l-iskola primarja ta' Pembroke? X'se jiġri issa biex jintela' l-post vakanti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li kien hemm riżenja waħda mill-kunsill skolastiku ta' l-iskola Primarja ta' Pembroke. Il-persuna li kien imissa minn fost dawk li kkontestaw l-elezzjoni tal-Kunsill skolastiku ġiet mistiedna ssir membru tal-kunsill sakemm issir elezzjoni oħra. Din il-persuna aċċettat u l-post vakanti mtela.
Leg 9 PQ #34541 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kunsill Skolastiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul ix-xhur ta' Mejju u Ġunju 2002 kemm-il darba ltaqa' l-kunsill skolastiku ta' l-iskola primarja ta' Pembroke? F'kull każ fejn iltaqa'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li tul Mejju u Ġunju 2002 il-kunsill skolastiku ta' Pembroke iltaqa' tliet darbiet u l-laqgħat inżzmmu fl-iskola stess.
Leg 9 PQ #34553 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior Lyceum — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien it-total ta' subien u bniet li qagħdu għall-eżamijiet tad-dħul għall-junior lyceum li r-riżultati tagħhom ħarġu l-ġimgħa li għaddiet? Kemm għaddew minn kull suġġett? Kemm kien hemm studenti li ġabu grad ta' A - B - C u m'għaddewx?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jitħejja rapport dettaljat u dan se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra appena jkun lest.
Leg 9 PQ #34554 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Junior Lyceum — Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-għola u l-inqas marka jiġi stabbilit kull grad fl-eżamijiet tad-dħul għall-junior lyceum? Jista' jagħti l-informazzjoni għal kull suġġett?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jitħejja rapport dettaljat u dan se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra appena jkun lest.
Leg 9 PQ #34555 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet — Reviżjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm s'issa daħlu talbiet għar-reviżjoni tal-karta ta' l-eżami ta' l-istudenti? F'liema suġġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qed jitħejja rapport dettaljat u dan se jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra appena jkun lest.
Leg 9 PQ #34556 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel tal-Knisja

Question

Issa li spiċċat is-sena skolastika 2001/2, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont li ngħata lill-knisja għall-iskejjel tagħha skond il-ftehim bejn il-knisja u l-istat? Kemm kien l-ammont li ngħata fis-sena li għaddiet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għas-sena skolastika 2000/2001 l-iskejjel tal-Knisja ngħataw Lm10,270,000. Għas-sena skolastika preżenti hu stmat li l-ammont jasal sa Lm9.5 miljun.
Leg 9 PQ #34572 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn liema fakultajiet ta’ l-universita’ kienu l-benefiċċjarji tal-programm Socrates (azzjoni Erasmus) bejn is-sena akkademika 2000 – 2001 u 2001 – 2002? Kemm kien hemm minn kull fakulta’ kull sena? F’liema universitajiet Ewropej marru l-istudenti Maltin? Kemm kien hemm studenti Ewropej fl-universita’ ta’ Malta taħt il-programm Socrates (azzjoni Erasmus) fis-snin akkademiċi 2000 – 2001 u 2001 – 2002? F’liema fakultajiet kienu dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #34573 Sitting 769 2002-07-08 Oral · Interim From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-iskejjel li qed jieħdu sehem fil-programm Convenius, minn liema pajjiż huma l-partner schools ta’ dawn l-iskejjel, x’tip ta’ temi qed jaħdmu fuqhom dawn l-iskejjel f’dawn il-proġetti?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #34438 Sitting 768 2002-07-05 Oral · Final From: HELEN D'AMATO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Assistant Heads

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema vacancy on the complement of assistant head of school inħolqot (ġurnata/xahar/sena u isem ta' min ivvota l-post ta' assistant kap ta' skola) biex seta' jingħata l-appointment ta' assistent kap ta' skola lil kull wieħed rispettivament mill-għalliema li isimhom qed jintbagħtu separatament? Jista' jgħid ukoll meta saret ir- recommendation mill-education division biex dawn il-ħamsa jingħataw l-appointment?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fid-9 ta' Jannar 1998 id-Diviżjoni kitbet lill-'Public Service Commission' biex tinfurmaha li jeżistu ħames 'vacancies on the complement of Assistant Head of School' fl-iskejjel Sekondarji ikrejati kif se nsemmi: Mr Carmel Grech Superanuated 26-05-1997 Mr Henry Zammit Superanuated 11-12-1997 Mr Salvino J Muscat Superanuated 03-12-1997 Mr Saviour Rizzo Seconded to Junior College 05-11-1997 Mr Charles Kerr Għalliem inkarigat mill-iskola Nawtika Għaldaqstant id-Diviżjoni rrakomandat li l-ħames kandidati li jmiss jiġu maħtura Assistenti Kapi fl-iskejjel Sekondarji. I.D. Ordni ta' Mertu Mr Joe Attard 000446G 30 Mr Carmel Saliba 110251M 32 Mr Carmel D'Amato 852353M 33 Mr Philip Axiaq 098548M 34 Mr Philip Bonello 849149M 36 Il-persuna li kienet ikklassifikata fil-31 post, irtirat fis-27 ta' Lulju 1997. Il-persuna li kienet ikklassifikata fil-35 post kienet diġa' ġiet maħtura assistent kap fl-iskejjel primarji fis-27 ta' Ottubru 1997.
Leg 9 PQ #34450 Sitting 768 2002-07-05 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Attard — Skola Primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta x-xogħol fuq il-faċilitajiet sportivi u l-ground tal-football li jiffurmaw parti mill-iskola primarja ta' Ħ'Attard?

Response (GALEA, LOUIS)

Saru pjanti biex jitjiebu u jiġu estiżi l-faċilitajiet sportivi fl-ispazju ma' ġenb l-iskola Primarja ta' Ħ'Attard. Il-proġett ser jibda fuq il-pitch eżistenti tal-football u jitkompla biex jitlesta sa' l-aħħar ta' l-2004. L-FTS hi inkarigata mill-implementazzjoni ta' dan il-proġett.
Leg 9 PQ #34460 Sitting 768 2002-07-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bormla — Skola Primarja - Tenders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 34336 dwar xogħlijiet fl-iskola primarja ta' Bormla?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tenders imsemmija fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 33333 ser jiġu ppubblikati l-ġimgħa d-dieħla mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada. Għaldaqstant, appena jiġu appuntati l-kuntratturi, jinbeda x-xogħol immedjatament.
Leg 9 PQ #34461 Sitting 768 2002-07-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kavallier ta' San Ġakbu

Question

Jista' l-Ministru jgħid mindu fetaħ il-Kavallier ta' San Gakbu kemm-il darba ħadmu u kemm-il darba ma ħadmux il-liftijiet peress li wasluli lmenti li dawn iżjed ma jaħdmux milli jaħdmu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Fondazzjoni Ċentru għall-Kreattivita` li tieħu ħsieb il-Kavallier ta' San Ġakbu ma żżommx statistika tar-rapporti li jsiru meta xi lift ma jaħdimx. Meta jkun hemm ilment dwar lift li ma jaħdimx jittieħdu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #34462 Sitting 768 2002-07-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kavallier ta' San Ġakbu

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa t-tinda li tpoġġiet fis-sala tal-wirjiet fil-Kavallier ta' San Ġakbu? Mnejn inxtrat? B'liema sejħa ta' offerti nxtrat? Kemm damet imwaħħla? Għaliex m'għadhiex f'postha?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tinda ġiet kostruita mill-Kumpanija Sign It għall-prezz ta' Lm7475 fuq ordni diretta tal-Fondazzjoni Patrimonju Malti bi qbil ma' l-Isteering Committee for the National Arts Centre. It-tinda kient meħtieġa bħala protezzjoni għall-għamara antika li ġiet esibita waqt il-wirja organizzata mill-istess Fondazzjoni għall-perjodu kollu tal-wirja f'Marzu u April li għadda.
Leg 9 PQ #34348 Sitting 765 2002-07-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tagħlim lill-Barranin

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 34079 dwar użu ta' skejjel governattivi għat-tagħlim lill-barranin?

Response (GALEA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #34351 Sitting 765 2002-07-02 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għalliem ta' l-Istorja ta' Malta

Question

Issa li waslet biex tintemm is-sena skolastika, jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex ikun żgurat li l-għalliem li ismu qed jintbagħat separatament u li fuqu kien hemem ilmenti u li inti infurmajtni li m'għandux il-kwalifiki u l-permessi biex jgħallem l-istorja ta' Malta, ma jkomplix jgħallem dan is-suġġett fis-sena skolastika 2002/03?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ġiet assigurata mis-surmast li ser ikun responsabbli tal-Kulleġġ St Edwards matul is-sena d-dieħla, li l-għalliem li kien qiegħed jgħallem l-istorja ta' Malta u li ismu ntbagħat separatament, mhux ser jgħallem dan is-suġġett is-sena skolastika d-dieħla. L-għalliem diġa' ġie nfurmat b'din id-deċiżjoni.
Leg 9 PQ #34385 Sitting 765 2002-07-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Faċilita' ta' Facilitator

Question

Peress li għadda xahar u nofs mindu l-Ministru qal li deċiżjoni dwar it-tifla riferita f'mistoqsija parlamentari 33297 se "tittieħed fi żmien qasir", jista' jgħid jekk itteħditx din id-deċiżjoni u x'kienet?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-deċiżjoni ttieħdet u l-ewwel kellhom jiġu informati dawk konċernati qabel it-tagħrif isir pubbliku.