Legislature:
Category:
Reset
Active:

San Ġwann – Vjal ir-Rihan – flood lighting u l-belishia lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xogħol ta’ tiswija fuq il-flood lighting u l-belishia lights fi Vjal ir-Rihan, San Ġwann peress li sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari, dawn ilhom ix-xhur ma jaħdmu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-belisha u l-flood lights imsemmija ġew irranġati.

San Ġwann – Vjal ir-Rihan – globu tal-belishia lights

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jissewwa l-globu tal-belishia lights fi Vjal ir-Rihan f’San Ġwann, peress li sad-data li qed issir din il-mistoqsija parlamentari dan ilu x-xhur miksur?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22449.

San Ġwann – Vjal ir-Rihan – tiswija ta’ central strip

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol ta’ tiswija fiċ-central strip fin-naħa ta’ fuq ta’ Vjal ir-Rihan, San Ġwann peress li ilha x-xhur imkissra?

Response (MIZZI, JOE)

Ix-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant tlesta.

San Ġwann – Ġnien iż-Żwejt – bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir xogħol ta’ tiswija fuq il-bus shelter ta’ quddiem Ġnien iż-Żwejt, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li Transport Malta ser tkun qed tagħmel spezzjoni fuq il-bus shelter imsemmi sabiex tistabbilixxi x-xogħol ta’ tiswija meħtieġ fuq dan ix-shelter.

Twaqqif ta’ kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpanija National Oil & Gas Exploration Corporation li kellu jwaqqaf il-Gvern, twaqfitx jew le?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li din il-kumpanija għadha ma twaqqfitx.

Tfittix għaż-żejt – pretensjoni mill-Gvern Taljan

Question

B' referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19830, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern Malti kellux xi tip ta' risposta għat-talba li saret mill-Gvern Malti permezz tan-Note Verbale li ntbagħtet fil-15 ta' April 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kien hemm tweġiba permezz ta’ Note Verbale mibgħut mill-Gvern Taljan. Permezz ta’ din it-tweġiba il-Gvern Taljan stieden lill-Gvern Malti sabiex jitkomplew id-diskussjonijiet bilaterali bejn iż-żewg pajjiżi.

Tfittix taż-żejt — konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti relatati mat-tfittix taż-żejt ingaġġati mill-Ministeru tiegħu minn April 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? X' pagi u perkaċċi oħra qed jieħdu dawn il-konsulenti? Xi kwalifiki akkademiċi relatati mat-tħaffir għaż-żejt kif ukoll esperjenza f'dan il-qasam għandu/għandha kull konsulent? Kif ġew ingaġġati dawn il-konsulenti? Għalkemm tul ta' żmien sar kull kuntratt ma’ kull konsulent ingaġġat? X'kienu r-riżultati miksuba minn kull konsulent fir-rigward tal-konsulenza li qed jagħti/tagħti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura – għoti ta’ kuntratti lill-individwu

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21781, jista’ l-Ministru jgħid kemm-il siegħa xogħol għamel il-konsulent imsemmi bejn Marzu 2013 u Novembru 2015 bħala parti mill-kuntratt ta’ konsulenza legali minn Transport Malta matul il-perjodu msemmi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-konsulent imsemmi għamel 687 siegħa xogħol bejn Marzu 2013 u Novembru 2015 f’konsulenza legali għal Transport Malta.

Raħal Ġdid — Sir Paul Boffa Avenue - tidal traffic system

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22251, jista’ l-Ministru jgħid meta għalqet is-sejħa pubblika għall-offerti għal tagħmir elettroniku speċifiku u kemm damet miftuħa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti kienet mid-9 t’Ottubru 2015 sas-16 t’Ottubru 2015.

Raħal Ġdid — Sir Paul Boffa Avenue - tidal traffic system

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22251, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol u meta mistenni jispiċċa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol elettroniku se jibda fil-jiem li ġejjin u mistenni li jdum għaddej madwar erba’ ġimgħat.

San Pawl il-Baħar – Triq il-Pijunieri — charging point

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22714, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk l-istudji msemmija fl-aħħar parti tar-risposta, fil-fatt kenux diġà saru meta twaħħlet iċ-charging pillar l-ewwel darba? Billi għadda ħafna żmien minn meta tkissret din iċ-charging pillar, jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x’sar s’issa dwar dan?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ studji li saru mill-amministrazzjoni preċedenti fejn kienu ser jitwaħħlu dawn iċ-charging pillars, jidher li kienu saru eżerċizzji ta’ koordinament fejn kienu involuti l-Kunsilli Lokali. Kemm setgħa dan il-Ministeru, baqa’ leali lejn dan il-pjan ħlief fejn kien hemm xi oġġezzjoni mill-istess kunsilli jew minn xi residenti jew entitajiet kummerċjali. Għalhekk, il-kunsiderazzjonijiet mhumiex biss tekniċi imma anke soċjali. Wara l-inċident li għalih qed issir referenza, ġie mill-ewwel mgħarraf inġinier biex jivvaluta l-ħsara fuq il-propjeta’ tal-Gvern mal-kuntrattur li bħalissa jamministra s-sistema, kif ukoll l-kumpanija tal-assikurazzjoni li tkopri s-sistema kollha. Wieħed irid jagħraf is-serjeta’ ta’ dan il-każ u li jiġi assikurat, li ma jirrepetix ruħu. Għal dan il-għan, ser jinħatar bord b’esperti mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, il-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar, Transport Malta, rappreżentant mill-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll mill-Ministeru tat-Trasport u l-Infrastruttura.

Burmarrad/ San Pawl il-Baħar – ċaqliq ta’ bus stop

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 22715, jista’ l-Ministru jgħid liema awtorità talbet li jsir dan iċ-ċaqliq? Billi l-post li fih tqegħdet din il-Bus Stop hu wieħed ferm iktar perikoluż mill-post li kien qabel, jista’ l-Ministru jgħid liema dipartiment ta’ Transport Malta ħa din id-deċiżjoni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan iċ-ċaqliq sar fuq ordni tas-sezzjoni inkarigata mit-trasport pubbliku fi ħdan Transport Malta. Infurmat ukoll li fil-ġranet li ġejjin, uffiċċjali mill-istess sezzjoni ser ikunu qegħdin jagħmlu site visit fuq il-post sabiex jevalwaw dak li qed jingħad mill-Onor. Interpellant.

Transport Malta – vjaġġi bil-vapur bejn Malta u Għawdex – operatur

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kenitx Transport Malta li ħarġet is-sejħa biex jiġi magħżul operatur li jaħdem vjaġġi bil-vapuri bejn Malta u Għawdex? Meta nħarġet din is-sejħa? Jista’ jikkonferma li ntgħażlet kumpanija sussidjarja tal-Gozo Channel Co. Ltd biex tagħmel dawn il-vjaġġi? Meta ġie ffirmat il-ftehim bejn Transport Malta u din il-kumpanija, u għal kemm żmien ġie ffirmat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il-ftehim li fih jinkorpora l-Public Service Obligation (PSO)?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s-sejħa għall-offerti li qed jagħmel referenza għaliha kienet inħarġet mill-Gvern ta’ Malta permezz tal-Ministeru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u mhux minn Transpot Malta. Din is-sejħa kienet inħarġet fit-8 ta’ Frar tal-2011 u ntgħażel il-konsorzju bl-isem Gozo Channel Transport Joint Venture biex jagħmel dawn il-vjaġġi. Il-ftehim bejn il-Gvern ta’ Malta u dan il-konsorzju ġie ffirmat fit-30 ta’ Settembru tal-2011 u huwa għall-perjodu ta’ sitt snin. Rigward kopja ta’ dan il-ftehim ninforma lill-Onor. Interpellant li dan diġa ġie mpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra permezz ta’ Mistoqsija Parlamentari 32791 fl-aħħar leġislatura.

Transport Malta – Gozo Channel

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-awtorità li trid tara li l-kumpanija Gozo Channel Co. Ltd timxi ma’ dak sottomess minnha meta ntgħażlet bħala l-uniku operatur biex jipprovdi vjaġġi bejn Malta u Għawdex hija Transport Malta? Jista’ jgħid jekk Transport Malta hux qed tara li dak li suppost isir skont dak li obbligat ruħha li tagħmel il-Gozo Channel biex ngħatat dan it-tender għal numru ta’ snin fil-fatt qed isir? Jista’ jikkonferma li skont dan il-ftehim il-Gozo Channel hija obbligata li tagħmel vjaġġi bejn l-Imġarr, Għawdex, u Sa Maison u/jew il-Port il-Kbir? Jista’ jgħid x’għamlet Transport Malta minn meta beda jinkiser dan il-ftehim peress li dawn il-vjaġġi mhux qed isiru u twaqqfu għal kollox? Jista’ jgħid jekk biex tipprovdi dan is-servizz, il-Gozo Channel hux qed tieħu sussidju mingħand Transport Malta jew il-Gvern skont il-Public Service Obligation Agreement?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li huwa l-Gvern li jrid jara li l-konsorzju magħżul bħala l-uniku operatur biex jipprovdi vjaġġi bejn Malta u Għawdex, bl-isem Gozo Channel Transport Joint Venture, jimxi ma’ dak sottomess minnu u mhux Transport Malta. Skont dan il-ftehim, il-Konsorzju huwa obbligat li jipprovdi vjaġġi minn jew lejn portijiet bi qbil bejn il-partijiet. Mhux kompitu ta’ Tranpsort Malta biex tieħu azzjoni meta jkun hemm ksur tal-ftehim billi l-kuntratt mhuwiex magħha u m’għandhiex obbligi bħal dawn. Il-Konorzju jieħu sussidju mingħand il-Gvern skont il-Public Service Obligation Agreement.

Triq il-Kosta — railings protettivi

Question

Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu r-railings protettivi fit-triq tal-Kosta fejn hemm il-hamlet tas-Salini peress li qed jidħlu ilmenti mir-residenti li l-ftit railings li hemm huma msadda u ma joffrux protezzjoni adekwata speċjalment lit-tfal peress li skont l-istess ilmenti jidher li hemm periklu u li hemm riskju li xi ħadd jaqa' għoli ta' sular fin-nuqqas ta' dawn ir-railings?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn ir-railings qed jiġu mmanifatturati u ser jitwaħħlu mill-aktar fis.

Refund tat-taxxa tal-VAT fuq ir-reġistrazzjoni tal-karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw lura flus s’issa permezz tar-refund tat-taxxa tal-VAT fuq reġistrazzjoni tal-karozzi? Kemm huwa mistenni li jingħataw flus lura sakemm tiġi eżawrita din l-iskema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil-Onor. Interpellant li l-ammont totali li ngħata lura fi flus s’issa permezz tar-refund tat-taxxa tal-VAT fuq reġistrazzjoni tal-vetturi kien ta’ Ewro 3,274,480.00 fis-sena 2014 filwaqt li fis-sena 2015 ngħataw l-ammont ta’ Ewro 2,315,847.57. Transport Malta għandha wkoll allokat baġit ta' €4.3 miljun għall-għotjiet li ser jitħallsu fil-2016 għal sidien ta’ vetturi li rreġistraw vettura fl-2005.

Skemi dwar l-użu ta’ vetturi favur l-ambjent

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi dettalji dwar l-iskemi maħruġa matul is-sena 2015 u li mistennija jinħarġu matul is-sena 2016 li jinċentivaw l-użu ta’ vetturi favur l-ambjent (environmentally friendly)? Jista’ jindika kemm ġew allokati fondi għal kull skema u kemm se jkun hemm persuni li bbenefikaw sad-data li tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskemi maħruġa matul is-sena 2015 kienu kif murija hawn taħt: · Skema għal għotja ta’ bejn €700 u €900 meta jixtru vettura klassifikata bħala M1 li tikkwalifika waqt li fl-istess ħin ineħħu r-reġistrazzjoni ta’ vettura fl-istess kategorija. Vettura M1 hija maħsuba u mibnija għall-ġarr ta’ mhux aktar minn tmien passiġġieri minbarra s-sewwieq, b’livelli ta’emissjonijiet CO2 sa 130g/km, tul li ma jaqbiżx l-4460mm u liċenzjata biss għall-użu privat. Ammont totali tal-vetturi li bbenifikaw min din l-iskema 1,146 Fondi allokati għal din l-iskema €900,000 · Skema, f'għotja ta’; a) €4,000 fir-rigward ta' persuni li jirreġistraw vettura M1 li taħdem bl-elettriku; b) €5,000 fir-rigward ta' persuni li jirreġistraw vettura M1 li taħdem bl-elettriku u fl-istess waqt ineħħu mir-reġistrazzjoni vettura M1 oħra li jkollha għall-anqas 10 snin mis-sena tal-manifattura; c) €1,500 fir-rigward ta' persuni li jirreġistraw kwadriċikletta li taħdem bl-elettriku. Ammont totali tal-vetturi li bbenifikaw minn din l-iskema 26 Fondi allokati ghal din l-iskema €100,000 · Skema f’għotja li tammonta għal €200 meta jsir it-tibdil meħtieġ biex vettura bil-mutur fil-kategorija M1 jew N1 li tintuża għal skop privat tkun tista’ taħdem ukoll bil-gass. Ammont totali tal-vetturi li bbenifikaw min din l-iskema 250 Fondi allokati għal din l-iskema €50,000 L-iskemi li ser jinħarġu matul is-sena 2016 huma kif murija hawn taħt; · Skema f għotja ta’: a) €900 tingħata lil persuna li tirreġistra vettura M1 ġdida b’livelli ta’ emissjonijiet t ad-dijossidju tal-karbonju CO2 sa 100g/km; b) €700 tingħata lil persuna li tirreġistra vettura M1 ġdida b’livelli ta’ emissjonijiet tad-dijossidju tal- karbonju CO2 bejn 101g/km u 130g/km; Fondi allokati għal din l-iskema €400,000 · Skema f għotja ta’; a) €3,000 tingħata lil persuna li tirreġistra vettura ġdida M1 ‘P lug in Hybrid Electric’b’emmissjonijiet tad-dijossidju tal-karbonju CO2 ta’ bejn 0-50 g/km; b) €2,000 tingħata lil persuna li tirreġistra vettura ġdida M1 ‘Hybrid’ b’emmissjonijiet tad- dijossidju tal-karbonju CO2 ta’ bejn 51-65 g/km Fondi allokati għal din l-iskema €100,000 · Skema f għotja ta’; a) €4,000 fir-rigward ta' persuni li jirreġistraw vettura ġdida jew uzata’ fil-Kategorija M1 jew N1 li taħdem bl-elettriku; b) €7,000 fir-rigward ta' persuni li jirreġistraw vettura ġdida fil-Kategorija M1 jew N1 li taħdem bl-elettriku u fl-istess waqt ineħħu mir-reġistrazzjoni vettura fil-Kategorija M1 jew N1 oħra li jkollha għall-anqas 10 snin mis-sena tal-manifattura; c) €2,000 fir-rigward ta' persuni li jirreġistraw kwadriċikletta ġdida jew użata’ li taħdem bl-elettriku. Fondi allokati għal din l-iskema €100,000 · Skema f’għotja li tammonta għal €200 meta jsir it-tibdil meħtieġ biex vettura bil-mutur fil-kategorija M1 jew N1 li tintuża għal skop privat tkun tista’ taħdem ukoll bil-gass. Fondi allokati għal din l-iskema €50,000.

Transport Malta – ilmenti

Question

Jista’ l-Ministru jipprovdi statistika rigward in-numru ta’ lmenti li rċeviet Transport Malta matul l-ewwel sitt xhur tal-operat tal-kumpanija Autobuses de Leon ikkumparat mal-istess perjodu tal-operat tal-kumpanija Arriva?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu mitlub Transport Malta rċeviet dawn in-numru ta’ ilmenti: Lulju 2011 sa Diċembru 2011 Jannar 2015 sa Ġunju 2015 Numru ta’ Ilmenti 1,599 616

Transport Malta – skemi biex ikun promoss it-trasport pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ibbenefikaw passiġġieri tat-trasport pubbliku mill-iskemi li ġew implimentati minn Transport Malta lejn it-tmiem tas-sena 2015 sabiex jippromwovu l-użu tat-trasport pubbliku? Kemm ingħataw fondi mill-Unjoni Ewropea għal dawn l-iskemi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul Ottubru u Novembru 2015 Transport Malta nehdiet żewġ skemi sabiex tippromwovi l-użu tat-trasport pubbliku, u li minnhom ibbenefikaw dan l-ammont ta’ passiġġieri: Ottubru 2015 – 70,605 passiġġier Novembru 2015 - 55,303 passiġier B’kollox, tqassmu total ta’ € 1,259,080 f’fondi għal dawn l-iskemi.

Tallinja card

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jkun hawn persuni sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija li qed jużaw tallinja card? Kemm minn dawn huma anzjani, żgħażagħ u persuni b’diżabilita? X’inhuma l-benefiċċji li dawn il-persuni għandhom bl-użu ta’ tallinja card meta mqabbel mas-sistema preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuni li qegħdin jagħmlu użu minn tallinja card huwa hekk kif gej: Kategorija Ammont Adulti 72,327 Tfal 5,229 Anzjani u Persuni B'Diżabilita’ 56,570 Għawdex 4,891 Studenti 24,713 L-iskop ta’ din il-card huwa sabiex jinħela anqas ħin sabiex jitgħabbew il-passiġġieri u għaldaqstant jonqos ukoll il-ħin tat-traġitt. Apparti minn hekk, hemm nollijiet inqas għal min juża l-card ikkumparat ma’ min jixtri biljett sabiex jivjaġġa. Permezz tal-istess card, jeżisti wkoll capping għal kategoriji differenti ta’ passiġġieri, li jfisser li min jivjaġġa l-aktar ma jonfoqx iktar minn ammont stabbilit.