Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forzi Armati ta' Malta — sejħa għall-ingaġġ ta' suldati

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li tinħareġ sejħa għall-ingaġġ ta' suldati mal-Forzi Armati ta' Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal issa il-Forzi Armati ta’ Malta qiegħda fil-proċess li tifformula l-applikazzjoni għal sejħa ta ingaġġ ġdid li għandha tiġi ppublika fil-Gazzetta tal-Gvern fi żmien li ġej.

Pulizija li qed iqassmu l-voti

Question

Jista’ l-Ministru jispjega għala l-Pulizija li qed iqassmu l-voti bħalissa mhux qed iħallu nota jekk ma jsibu lil ħadd fid-djar fejn ikunu ħabtu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li skont il-kontenut tal-paragrafu (8) tal-ktejjeb intitolat, “Struzzjonijiet lill-Uffiċjali inkarigati mit-tqassim tad-Dokumenti ghall-Votazzjoni” li nħareġ mil-Kummissjoni Elettorali u li tqassam lill-membri kollha tal-Korp li ġew inkarigati mit-tqassim tal-voti, għandha titħalla nota ffirmata mill-istess membru tal-Korp, fejn tgħarraf lill-votant il-ħin u d-data ta’ meta dan ser jagħmel tentattiv ieħor sabiex iwassal id-dokument.

Immigranti Irregolari ripatrijati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ripatrijati lura volontarjament jew le, persuni, immigranti rregolari li ma għandhomx status f’pajjiżna?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fis-sena 2013 ġew ripatrijati wieħed u sebgħin (71) persuna, filwaqt li fis-sena 2014 ġew ripatrijati tmienja u disgħin (98) persuna minn pajjiżi terzi. L-ebda wieħed minn dawn il-persuni ta’ pajjiżi terzi ma kellhom xi status f’pajjiżna u dan l-ammont ma jinkludix dawn li ġew ripatrijati voluntarjament.

Wied il-Għajn – Għassa tal-Pulizija – permessi

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 10904, 10968, 13788, 14049 u 15389, jista’ l-Ministru jikkonferma li l-container li qed jiġi preżentament użat bħala Għassa tal-Pulizija ta’ Wied il-Għajn, għandu permess tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sal-20 ta’ Mejju 2015 fil-Pjazza Dun Tarcisio u wara jrid jiġi mċaqlaq mill-ġdid?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li kif ġie spjegat fi tweġibiet oħra, l-għassa tal-Pulizija ta’ Wied il-Għajn għandha il-permessi legali neċessarji biex tqegħdet fil-post fejn tinsab illum. Irid jingħad ukoll li qabel ma l-premessi jiskadu, qed isiru arrangamenti biex is-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata skond il liġi biex ikun hemm awtorita billi permess għal din l-Ghassa ma jibqax temporanju. Kif diġà thennejt fi tweġiba oħra fuq dan is-suġġet il-ħtieġa ta’ Għassa ġdida ġewwa Marsascala ilu snin twal jinħass u dan għal diversi raġunijet. Il-prokrastinazzjoni fi żmien il-Gvern Nazzjonalista waslitna għas-sitwazzjoni li ninsabu fiha llum. Din l-amministrazzjoni qed tagħmel ħilitha sabiex filwaqt li tibqa` tagħti s-servizz meħtieġ, fl-istess waqt insibu post adegwat sabiex ikun hemm Għassa li taqdi l-bżonnijiet tal-lum

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġewx użati dawn is-servizzi. Tali servizzi iżda jingħataw dejjem meta jkun meħtieg.

Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-1 ta’ Jannar 2015 sal-lum ma ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta.

Korp tal-Pulizija — Family Friendly Measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għall-family friendly measures bħal flexi hours eċċ. fil-Korp tal-Pulizija fir-ranks ta' Kuntistabbli, Surġent u Maġġur li ġew rifjutati din is-sena? X'kienet ir-raġuni għal tali rifjut f'kull każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm żewġ każijiet ta’ talbiet għall-family friendly measures fil-Korp tal-Pulizija fir-ranks ta' Kuntistabbli, Surġent u Maġġur li ġew rrifjutati. Dawn kienu jappartjenu lil żewġ kuntistabbli femminili. Iż-żewġ każijiet ġew irrifjutati biex ikun hemm konsistenza u uniformità fix-xiftijiet tax-xogħol. Iżda rrid infakkar l-politika tal-Gvern hija favur family friendly measures. Għaldaqstant il-Ministeru se jitlob aktar dettalji dwar dawn it-talbiet.

Korp tal-Pulizija — Family Friendly Measures

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet għall-family friendly measures bħal flexi hours eċċ. fil-Korp tal-Pulizija fir-ranks ta' Spetturi u ranks ogħla li li ġew rifjutati din is-sena? X'kienet ir-raġuni għal tali rifjut f'kull każ?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li matul din is-sena kien hemm tliet każijiet ta’ talbiet għall-family friendly measures fil-Korp tal-Pulizija fir-ranks ta' Spetturi u ranks għola li ġew rifjutati. Dawn kienu żewġ spetturi femminili. Fi tliet każijiet, dan sar biex ikun hemm uniformità fi grad ta’ Spettur. Iżda rrid infakkar l-politika tal-Gvern hija favur family friendly measures. Għaldaqstant il-Ministeru se jitlob aktar dettalji dwar dawn it-talbiet.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – maħfriet presidenzjali

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 15393, jista’ l-Ministru jinforma l-Kamra ta’ liema reat jew reati kien instab ħati l-persuna li ġie rilaxxat mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin wara maħfra presidenzjali?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata kien issentenzjat għal 15 il-ġurnata priġunerija, wara li kien naqas li jagħti l-manteniment lil martu.

Raħal Ġdid — Ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta’ ċitazzjonijiet mogħtija għal kontravenzjonijiet tat-traffiku relatati ma’ parkeġġ ħażin, karozzi jgħaddu wrong side, karozzi mitluqa fin-nofs u jostakolaw it-traffiku, fiż-żona ta’ Għajn Dwieli f’Raħal Ġdid, b’mod partikolari fiż-żona tat-toroq:Triq l-Għaqdiet tal-Ħaddiema, Triq Fr. Charles Plater u Triq Wied Blandun, bejn Jannar 2014 u April 2015? Minħabba li dawn l-abbużi qed ikunu ta’ periklu u inkonvenjent għar-residenti, jista’ l-Ministru jgħid x’sorveljanza qed issir mill-pulizija tal-għassa u minn dawk tas-sezzjoni tat-traffiku biex jiġu kkontrollati dawn l-abbużi?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li fil-perjodu ndikat kien hemm iċ-ċitazzjonijiet kif jidhru fit-tabella li qed npoġġi fuq il-mejda tal-Karma, li ġew maħruġa fil-lokalitajiet indikati. Infurmat ukoll li kemm il-Pulizija tas-Sezzjoni tat-Traffiku kif ukoll dawk Distrettwali ġew mitluba biex iżidu ir-rondi tagħhom fl-inħawi biex jipprevenu u jikkontrollaw l-inkonvenjenti msemmija.

San Pawl il-Baħar – pulizija f’tarf il-bypass

Question

Jista’ l-Ministru jara li fit-tarf tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, direzzjoni lejn Burmarrad, jibda jkun hemm servizz ta’ pulizija jidderiġu t-traffiku peress li issa li beda riesaq l-istaġun tas-sajf il-problemi kontinwi tat-traffiku jkomplu jikbru?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Pulizija tinsab f'kuntatt ma' Transport Malta rigward din il-lokalità anke minħabba xogħlijiet li qed isiru fl-inħawi u flimkien mal-Uffiċjali tal-Infurzar ta' din l-Awtorità se tara li bi sforz kongunt anke bejn it-taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku u dawk tad-Distrett tal-Qawra, jsir l-aħjar użu ta' riżorsi sabiex jitnaqqsu il problemi.

San Pawl il-Baħar — inħawi tal-Erba' Mwieżeb - preżenza ta' pulizija tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex fil-ħinijiet ta' filgħodu ikun hemm prezenza tal-pulizija tat-traffiku fl-inħawi ta' Erba' Mwieżeb, San Pawl il-Baħar, billi qed ikun hemm konġestjoni sħiħa ta' traffiku fl-istess inħawi, peress li preżentament qed isiru xogħlijiet meħtieġa fuq it-toroq tal-inħawi, iżda t-traffiku qed jimblokka minħabba diversi raġunijiet?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li bħal fil-każ ta’ domanda għall-Pulizija għall-kontroll tat-traffiku fit-tarf tal-bypass ta’ San Pawl il-Baħar, il-Pulizija tinsab f'kuntatt ma' Transport Malta rigward il-lokalità tal-Erba Mwiezeb, minħabba xogħlijiet li qed isiru fl-inħawi u flimkien mal-Uffiċjali tal-Infurzar ta' din l-Awtorità se tara li bi sforz kongunt anke bejn it-taqsima tal-Pulizija tat-Traffiku u dawk tad-Distrett tal-Qawra, jsir l-aħjar użu ta' riżorsi sabiex jitnaqqsu il-problemi.

San Pawl il-Baħar — tiġdid tal-ID Cards

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' persuni li ġeddew l-ID tagħhom f'San Pawl il-Baħar? Billi qed jirriżulta li numru sostanzjali ta' residenti, għal xi raġuni jew oħra ma rċevewx l-avviż li kien se jkun hemm it-tiġdid tal-ID f'din il-lokalità, jista' jieħu l-passi neċessarji biex jerġa' jkun hemm sessjoni oħra ta' tiġdid ta' ID cards f'din il-lokalità u dan għaliex hu fl-interess ta' kulħadd li jkun hemm ID cards imġedda? Jista' jieħu l-passi neċessarji biex dawk il-barranin li joqogħdu f'din il-lokalità u li għandhom bżonn iġeddu d-dokumenti relattivi tagħhom ikunu jistgħu huma wkoll iġeddu l-istess dokumenti f'San Pawl il-Baħar?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Karta tal-Identità Maltija toħroġ biss għal dawk il-persuni kollha li għandhom ċittadinanza Maltija. Barranin li jgħixu ġewwa pajjizna jinħarġilhom permess ta’ residenza mid-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u l-Expatriates f’Evans Building il-Belt Valletta. Sal-aħħar t’April li għadda kien hemm 9,809 residenti ta’ San Pawl il-Baħar li kellhom il-Karta tal-Identità tagħhhom imġedda. Dawn jammontaw għal 80% taċ-ċittadini eleġibbli f’din il-lokalità. Mhux pjanat li jsiru sessjonijiet oħra ta’ tiġdid tal-Karta tal-Identità f’din il-lokalità għaliex il-proċess f’San Pawl il-Baħar dam 27 ġurnata. Minbarra dan, l-Uffiċċju tal-Karti tal-Identità qed jaħdem f’lokalitajiet oħra skont skeda li ilha mfassla minn diversi xhur qabel. Irrid ninforma wkoll lill-Onorevoli Interpellant li kull min ma marx iġedded il-karta tal-identita’ tiegħu fil-lokalita’ fejn joqgħod jista jmur iġeddidha jew: (i) fl-eqreb lokalità fejn ikun għaddej il-proċess ta’ tiġdid jew (ii) fl-uffiċċju tal-Karta tal-Identita’ ġewwa Gattard House, il-Blata-l-Bajda.

Konsulent fuq il-klieb tas-CPD u CCF

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hu l-Konsulent tal-Ministeru fuq il-klieb li hemm kemm fis-CPD kif ukoll CCF? Jista' jgħid jekk hux minnu li dan il-konsulenti hu pensjonant? Jista' jgħid f'liema skala taċ-ċivil qed jitħallas dan il-konsulent? Jista' jpoġġi kopja tal-kuntratt ta' dan il-konsulent fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista' jgħid jekk hux minnu li dan il-konsulent li minkejja li hu konsulent, jilbes l-uniformi tas-CPD kif ukoll jagħmel użu mill-karozza tal-istess CPD? Jista' jgħid x'tip ta' taħriġ qed jingħataw il-klieb minn taħt idejn dan il-konsulent? Jista' jgħid x'tip ta' kwalifiki għandu dan l-konsulent? Jista' jpoġġi kopja tal-kwalifiki ta' dan il-konsulent fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali m’għandu l-ebda konsulent fuq il-klieb li hemm kemm fis-CPD u CCF.

Membri tal-Korp tal-Pulizija fis-segretarjati privati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni, u min ta l-permess għall -membri tal-Korp tal-Pulizija li qed jaħdmu fil-customer care fis-Segretarjati tal-Ministri preżenti? Min ta l-permess? Kemm hemm minn dawn il-membri tal-Korp li qed jaħdmu fis-Segretarjati privati tal-Ministri?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li hemm persuna waħda membru tal-Korp li bħalissa qegħda taħdem bħala parti mis-Segretarjat tal-Ministri preżenti.

Korp tal-Pulizija –sigħat ta’ Overtime

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm sigħat ta’ overtime fil-Korp tal-Pulizija fix-xhur Jannar 2014, Frar 2014, Marzu 2014, April 2014, Frar 2015, Marzu 2015 u April 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li s-sigħat ta’ overtime fil-Korp tal-Pulizija fix-xhur ta’ Jannar 2014, Frar 2014, Marzu 2014, April 2014, Frar 2015, Marzu 2015 u April 2015 kien kif jidher fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Kif jidher, ċerti figuri għal din is-sena għadhom qed jiġu miġbura.

Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali – sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija kienx ġie infrumat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali sabiex il-Korp ma jibqax jipprovdi pulizija għas-sigurtà mal-uffiċċji tad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali f’Ħaż-Żebbuġ, il-Fgura, Ħaż-Żabbar, Raħal Ġdid, iż-Żejtun, Tas-Sliema, l-Imsida, il-Ħamrun, il-Marsa u Birkirkara? Jista’ jgħid meta ġie infurmat b’din id-deċiżjoni? Jista’ jgħid jekk il-Korp, wara li hekk ġie infurmat mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, baqax jipprovdi tali servizz ta’ sigurtà jew waqqafx is-servizz li kien joffri? Jekk baqa joffri dan is-servizz ta’ sigurtà, jista’ jispjega x’ġara biex is-servizz baqa’ jingħata minkejja deċiżjoni inizjali li tali servizz jitwaqqaf? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispenza, anke elettronika, li għaddiet dwar din il-materja bejn il-Korp tal-Pulizija u d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali bejn l-1 ta’ Frar 2015 u l-1 ta’ Mejju 2015?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li għalkemm fit 30 ta’ April, 2014 il-Pulizija ġew infurmati li ma kienux se jibqgħu jagħmlu xogħol extra mad-Dipartimenti tas-Servizzi Soċjali mill-4 ta' Mejju 2015, din l-ordni ġiet mibdula fit-2 ta’ Mejju, u għaldaqstant ix-xogħol extra baqa jsir fil-lokalitajiet li huma msemmija fil-mistoqsija parlamentari kif ukoll ġewwa Ħal-Qormi. Filfatt. peress li l-ewwel ta' Mejju kienet festa, dan is-servizz qatt ma waqaf. Il-korrispondenza relatata ma' dan is-suġġett bejn id-29 ta' April u it-2 ta' Mejju 2015, b'format elettroniku, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjonijiet għaċ-Ċittadinanza Maltija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il ċittadinanza Maltija ngħatat fis-sena 2012, 2013 u 2014 wara applikazzjoni li tkun saret a tenur tal-Artikolu 10(1) tal-Kap 188 tal-Liġijiet ta’ Malta? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet u n-numru tal-karta tal-identità tal-persuni kollha li ngħataw iċ-ċittadinanza Maltija fis-sena 2012, 2013 u 2014 wara li saret l-applikazzjoni a tenur tal-Artikolu 10(1) tal-Kap. 188 tal-Liġijiet ta’ Malta?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li in-numru ta’ persuni li ġew naturalizzati taħt is-sub-artikolu 10(1) tal-Att Dwar iċ-Ċittadinanza (Kap 188) matul is-snin mitluba fil-mistoqsija huwa: 2012 – 111-il persuna 2013 – 52 persuna 2014 – 38 persuna Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-ismijiet tal-persuni konċernati ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-provvedimenti tal-Att Dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Kap 188) kif kienu qabel ġiet emendata din l-Ligi bl-Att XV tal-2013, l-ismijiet tal-persuni li ġew reġistrati u naturalizzati kienu jiġu ppubblikati fil-Gazzetta tal-Gvern kull tlett xhur. Id-dettalji tal-Gazzetta tal-Gvern fejn ġew ippubblikati dawn l-ismijiet qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-liġi ma titlobx li tiġi ppubblikati n-numri tal-karti tal identita. Dan l-obbligu tneħħa bl-Att XV msemmi aktar ‘il fuq, iżda permezz tal-Avviz Legali Numru 47 tal-2014 reġgħu ġew introdotti provvedimenti sabiex jiġu kull sena ppubblikati l-ismijiet tal-persuni li ġew naturalizzati/registrati. L-Agenzija Identity Malta bħalissa qed tipprepara din il-lista sabiex tiġi ppubblikata kif meħtieg.

Programm IIP — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew aċċettati applikazzjonijiet mill-573 applikazzjoni li saru? Dawk li ma ġewx aċċetati, x’kienet ir-raġuni li ġew rifjutati?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikanti li kkonkludew l-proċess tal-IIP u ħadu ċ-ċittadinanza Maltija kien hemm 13.

Ċittadinanza Maltija — persuni ta' nazzjonalità barranija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni ta' nazzjonalità barranija li ngħataw iċ-Ċittadinanza Maltija, sena b'sena minn Marzu 2013 'l hawn u l-kriterji użati biex ingħatat iċ-ċittadinanza lil dawn il-persuni?

Response (ABELA, CARMELO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ persuni li ngħataw iċ-ċittadinanza minn Marzu tal-2013 sal-lum kien 1917. Dawn il-persuni akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija bis-saħħa ta’ wieħed mill-kriterji stabbiliti fil-provvedimenti fl-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija.