Legislature:
Category:
Reset
Active:

Żurrieq – Miżbla ta’ Wied Fulija – riabilitazzjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba parlamentari 10834, jista' l-Ministru jikkonferma li f'dawn l-aħħar sitt xhur ma ġie ddepożitat l-ebda materjal tal-kostruzzjoni f'Wied Fulija? Jista' jgħid jekk is-sit hux qed jiġi mgħasses b'xi mezz jew ieħor?

Response (BRINCAT, LEO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 11870.

Small Hive Beetles

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk il-Ministeru waslulux rapporti dwar il-preżenza tal-hekk imsejjaħ small hive beetle li attakka l-kaxxi tan-naħal fl-Italja u iktar riċenti fi Sqallija? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi indikazzjoni li dan il-beetle wasal Malta? Jekk iva, x'passi ttieħdu? Jekk le, x'passi hemm il-ħsieb li jittieħdu biex tiġi evitata, kemm jista' jkun il-possibiltà li dan il-beetle jiddaħħal f'Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-Kummissjoni Ewropea avżat liċ-Chief Veterinary Officers (CVO)s kollha tal-UE fuq il-preżenza tas-Small Hive Beetle (SMB) l-ewwel f’Calabria, u aktar riċenti, fis-7 ta’ Novembru, avżat lis-CVOs kollha ta’ l-UE illi l-SHB instab fi Sqallija. Ma hemm l-ebda indikazzjoni li s-SHB waslet f’Malta. Id-Dipartiment għar-Regolazzjoni Veterinarja u s-Saħħa tal-Pjanti (VPRD) qiegħed jieħu dawk il-passi kollha meħtieġa hekk kif inhuma deskritti fl-Att dwar Servizzi Veterinarji; Kap 437, għal kontrol ta’ kull marda jew pest notifikabbli fl-annimali, hekk kif inhi l-SHB. Għaldaqstant, mhux qed jitħalla jsir intracommunitary trade ta’naħal bejn Malta u l-postijiet milquta fl-Italja.

Produzzjoni ta' għasel — naħal

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif qed jinżamm it-tagħrif dwar kemm hawn persuni li qed iżommu n-naħal għal skop ta' produzzjoni tal-għasel? Kif qed jiġi kkontrollat il-moviment tal-kaxxi tan-naħal li għandna f'Malta?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, min irabbi n-naħal huwa obbligat, skont l-artiklu 35 tal-Att dwar is-Servizzi Veterinarji, Kap 437, li jgħarraf lis-servizzi veterinarji fuq din l-attivita` lid-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja (VRD). Fil-VRD issir reġistrazzjoni tal-attivita` taż-żamma tan-naħal u fost tagħrif ieħor ikun hemm ukoll informazzjoni fuq in-numru ta’ kaxxi (hives), fejn jinżammu u kif jitmexxew.

Ħal Qormi – Triq id-Deheb Fin – ilment ta’ ħmieġ

Question

Jista’ l-Ministru jinvestiga l-ilmenti ta’ ħmieġ u anke ġrieden kbar fl-għelieqi ta’ Triq id-Deheb Fin, Ħal Qormi, li qed joħolqu inkonvenjent lir-residenti tal-istess triq? Jista’ jgħid x’passi ttieħdu biex ma jibqax dan l-inkonvenjent?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — Lista ta' xiri ta' servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ xiri ta’ servizzi u xiri ta' prodotti li ġew ordnati minn April 2013 mis-Segretarjat privat permezz ta’ quotation jew permezz ta’ direct order? Jista’ jgħid lil liema kumpaniji/individwi intalbu l-quotations, kemm kien l-ammont ta’ kull quotation jew direct order u min ingħata x-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex tispeċifika sa liema data qed titlob l-informazzjoni; u dan għaliex ix-xiri ta’ servizzi u prodotti jvarja minn ġurnata għal oħra.

Inċineratur tal-Marsa — waqfien

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 10225, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-inċineratur tal-Marsa kien wieqaf għal 75 siegħa aktar fl-2013 milli fl-2012?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil Onerevoli Interpellant illi mhux minnu li l-inċineratur tal-Marsa kien wieqaf għal 75 siegħa aktar fl-2013 milli fl-2012.

Impjant ta' Sant'Antnin – monitoraġġ ambjentali

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11165, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx timeframe li fih se tiġi aġġornata l-informazzjoni li saret referenza għaliha fl-istess tweġiba?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li jien infurmat mill-WasteServ li l-informazzjoni ser tittella fuq il-websajt fil-ġranet li ġejjin.

Impjant ta’ Sant’Antnin –skart riċiklat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' skart riċiklat fl-impjant ta' Sant'Antnin, maqsum f'materjal, mill-1 ta' Jannar sal-aħħar ta' Awwisuu fl-2011, 2012 u 2013?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-informazzjoni mitluba.

WasteServ –Riċiklaġġ ta’ skart

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11133, jista' l-Ministru jgħid kif l-istatistika mogħtija titqabbel mal-miri tal-EU għal dak li huwa recovery u recycling?

Response (BRINCAT, LEO)

Peress li l-materja tikkonċerna lill-MEPA u peress li sal-lum il-MEPA ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

CA Site f’Ta’ Qali

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11136, jista' l-Ministru jassigura lil din il-Kamra li l-composter tkun stallata fil-ħin għall-ftuħ tas-C.A. site? Jista' jgħid jekk il-personnel biex jopera din il-faċilità ġiex identifikat u hux qed jingħata t-taħriġ meħtieġ?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat mill-WasteServ li l-kuntrattur għandu jlesti x-xogħol fuq il-composter fil-ħin, għall-ftuħ tas-C.A. Site. Sa dakinhar il-WasteServ tkun ukoll identifikat il-personnel u jkun ingħata t-taħriġ meħtieġ.

Bring-in Sites

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11135, jista' l-Ministru jgħid x'se jiġri mill-bins iffinanzjati mill-Unjoni Ewropea jekk xi kunsill lokali jiddeċiedi li ma jridhomx? Fid-dawl tal-arranġament ġdid, jista' jgħid jekk il-WasteServ għadhiex tipprovdi servicing lil xi bring-in-sites? Jekk iva, liema bring-in-sites?

Response (BRINCAT, LEO)

Filwaqt li nfakkar lill-Onor. Interpellant li l-ewwel parti tal-Mistoqsija hija ipotetika u fi kwalunkwe każ illum taqa’ taħt dekasteru ieħor, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba għall-aħħar parti tal-Mistoqsija.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — impjiegi

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 11532, jista’ jagħti l-informazzjoni mitluba għall-perjodu bejn id-9 ta’ Marzu 2013 u l-1 ta’ Ottubru 2014?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Miżbla tal-Fulija fiż-Żurrieq – materjal mormi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li riċentament reġa’ beda jiġi mormi materjal fil-miżbla tal-Fulija fiż-Żurrieq, għalkemm din il-miżbla kienet ilha magħluqa snin?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi jien infurmat mill-WasteServ li f’dawn l-aħħar sitt xhur ġie depożitat materjal inert temporanju minn xogħolijiet li qed isiru fi triq viċin din il-miżbla. Ħafna minn dan il-materjal ser jerġa' jintuża f’din l-istess triq u dak li jibqa’ ser jinżamm bħala tħejjija għar-riabilitazzjoni ta’ din il-miżbla.

Irziezet — għajnuna

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm mill-irziezet tal-bhejjem li kellhom ftehim iffirmat għadhom ma ħadux l-għajnuna li suppost kellhom jieħdu? Kemm minnhom għadhom qed jistennew konferma tal-għajnuna tagħhom? Kemm tħallsu, matul l-2014 u x’kienu l-ammonti li tħallsu?

Response (BRINCAT, LEO)

M’għandix x’inżid mar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numbru 11763.

Pitkalija – diskussjonijiet dwar ir-riforma

Question

Jista’ l-Minsitru jagħti tagħrif dwar fiex waslu d-diskussjonijiet dwar ir-riforma fil-Pitkalija, issa li għaddiet sena oħra minn mindu kien intqal li dalwaqt tibda titħaddem din l-istess riforma? Meta saru l-aħħar taħdidiet u ma’ liema organizzazzjonijiet saru dawn l-istess laqgħat? Jista’ jagħti tagħrif dwar meta hi mistennija tiġi ffinalizzata din ir-riforma?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, il-proġett pilota huwa bbażat fuq koperazzjoni mal-Koperattiva Ċentrali tal-Bdiewa. Għal dan il-għan isiru laqgħat regolari ma’ membri rappreżentanti tal-Koperattiva fuq dan il-proġett pilota. Isiru laqgħat formali u anke informali minn tal-inqas darba fil-ġimgħa. Il-proġett qiegħed fil-fażi fejn qed isir ix-xiri tal-makkinarju, apparat u sistemi neċessarji. Għal dan il-għan diġa’ ħarġu 4 tenders, u tenders oħrajn qegħdin fil-proċess li jiġu ppublikati.

Buġibba u Xemxija – xogħlijiet fuq il-moll

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar fiex waslu l-preparazzjonijiet marbuta max-xogħol li għandu jsir fuq il-moll tax-Xemxija u dak ta’ Buġibba? Meta hu mistenni li jsir ix-xogħol li hu meħtieġ li jsir fuq dawn iż-żewġ mollijiet? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk inħarġux il-permessi neċessarji għal dan ix-xogħol?

Response (BRINCAT, LEO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-informazzjoni li għaddewli mill-Uffiċċju tas-Segretarjat Parlamentari, dan il-Ministeru m’għandu l-ebda proġett marbut mal-moll ta’ Buġibba. Fir-rigward tal-proġett fix-Xemxija, ninsab infurmat li għada ma ttiħdietx deċiżjoni finali mill-MEPA dwar dan l-iżvilupp. It-tenders għax-xogħol neċessarju jkunu jistgħu jinħarġu wara li jinħareġ il-permess mill-MEPA.

Is-Siġġiewi — ġnien kommemorattiv

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 6769, 8831, 9199 u W267 u peress li issa l-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura kkonferma li l-Gvern abbanduna l-pjan tal-Gvern ta’ qablu biex ir-razzett ta’ ħdejn il-Kappella tal-Providenza fis-Siġġiewi, jinbidel fi ġnien pubbliku ġdid iddedikat lil Annabelle Vassallo, jista’ l-Ministru jikkonferma li dan is-sit se jkompli jintuża bħala razzett għaliex se jiġi mgħoddi lil sidien ġodda proprju għal dan l-użu?

Response (BRINCAT, LEO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Tibdil fil-Klima – fondi allokati

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 11369, jista' l-Ministru jispeċifika l-ammont ta' fondi li qed jiġu allokati għal dan l-iskop u kemm fondi addizzjonali oħra se jkunu allokati għal għanijiet simili jew addizzjonali?

Response (BRINCAT, LEO)

Kif jaf tajjeb l-Onor. Interpellant il-Budget 2015 għadu ma ġiex ippreżentat lill-Parlament.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostennibli, Ambjent u Tibdil fil-Klima – xiri ta’ biljetti minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inxtraw biljetti mill-aġenzija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mill-Ministeru tiegħu mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum u kemm kien il-valur tal-istess biljetti? Barra biljetti, inxtraw xi servizzi oħra mingħand l-istess aġenzija?

Response (BRINCAT, LEO)

Ngħarraf lill-Onor. Nterpellanta li mill-10 ta’ Marzu 2013 sal-lum, il-Ministeru, is-Segretarjat Parlamentari, kif ukoll id-Dipartimenti u l- Entitajiet li jaqgħu taħthom xtraw 142 biljett tal-ajru mill-aġenzija li d-dettalji tagħha ngħataw separatament għall-valur medju ta’ €996.13 f’kull okkażjoni. Kull darba li nxtraw dawn il-biljetti ntalbu kwotazzjonijiet skont ir-regolamenti finanzjarji tal-Gvern. Minbarra l-aġenzija msemmija, kien hemm 5 aġenziji oħra li mingħandhom inxtraw biljetti tal-ajru. Barra minn dan inxtara servizz ieħor mill-aġenzija msemmija għall-ammont totali ta’ €305.45.

Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, Ambjent u Tibdil fil-Klima — reklamar fuq media

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm nefaq b’mod totali l-Ministeru u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu separatament f'reklamar għal kull sena bejn l-2004 u l-2012 f'dawn il-media differenti: televiżjoni, internet, radju, ġurnali/gazzetti u pubblikazzjonijiet oħra? Jista’ fl-istess ħin, jaqsam din l-ispiza skont fuq liema stazzjon tat-televizjoni, stazzjon tar-radju, ġurnal/gazzetta, pubblikazzjoni oħra jew newsportal deheru jew ixxandaru r-riklami?

Response (BRINCAT, LEO)

L-Onor. Interpellant japprezza li l-Ministeru li tiegħu jien responsabbli għalih nibet minn Ministeri oħra li kienu jħaddnu ukoll bosta sezzjonijiet u jew entitajiet u dipartimenti li llum ma jiffurmawx parti minn dan il-Ministeru. Għaldaqstant, skont l-informazzjoni li għaddewli mill-WasteServ, li llum il-ġurnata baqgħet tagħmel parti mid-dekasteru tiegħi, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-infiq fuq reklamar li sar mill-kumpanija bejn is-snin 2004 u 2012.