Jista' il-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li f'dawn l-aħħar ġimgħat ir-rittmu tal-vetting ta' l-applikazzjonijiet tal-MEPA naqas b'mod drastiku?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ammont t’applikazzjonijiet li jiġu validati jkun ftit inqas kull sajf. Din is-sena partikulari, peress li fl-aħħar xhur kien hemm qabża konsiderevoli fl-ammont t’applikazzjonijiet li daħlu, jirriżulta li hemm ammont akbar t’applikazzjonijiet jistennew għal validazzjoni.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu l-kaġun tan-nirien li jaqbdu fil-miżbla tal-Qortin, Għawdex u xi prekawzjonijiet u/jew miżuri ttieħdu biex jiġi eleminat dan l-inkonvenjent?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ħażna ta' njam u ħatab kienet ħadet in-nar aktar kmieni dan is-sajf. Sakemm dan il-materjal ġie mifrud u mgħotti kollu bit-terrapin kien hemm partijiet li żammew temperatura għolja li setgħu ikkaġunaw nirien żgħar, kif ġie rrapurtat f'sezzjoni tal-media.
Jista’ il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' ħut maqbud mis-sajjieda Maltin u Għawdxin fis-snin 2003, 2004 u 2005 (s'issa)? Jista’ jgħid ukoll kemm huwa l-valur, fi flus, tal-ħut maqbud f'dan il-perjodu?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ il-Ministru jindika l-ammont ta' enforcement notices maħruġa mill-MEPA din is-sena u s-sena l-oħra? Kemm minnhom kienu f'Malta u kemm f'Għawdex?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li skond l-informazzjoni miġbura mis-sistema ta’ l-informatika tal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) din is- sena inħarġu 867 enforcement notices sa l-aħħar ta’ Settembru, li minnhom 630 kienu f' Malta u 237 f' Għawdex. Fis-sena 2004 inħarġu 1,022 enforcement notices, li minnhom 715 kienu f' Malta u 307 f' Ghawdex.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru applikazzjonijiet mis-sena 2003 sal-lum sabiex lukandi jitwaqqgħu u flokhom jinbena bini ġdid? Liema huma?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) rċeviet tmien (8) applikazzjonijiet mill-2003 sa llum, sabiex lukandi jitwaqqgħu u flokhom jinbena bini ġdid. Dawn huma:
PA 0141/03 - Grand Hotel Verdala, Inguanez Street, Rabat, Malta
PA 3069/03 - Clover Hotel, Triq it-Tartarun c/w Triq il-Baħħara, San Pawl il-Baħar
PA 6500/03 - Corner Site at Triq it-Tamar c/w Triq it-Trill, San Pawl il-Baħar
PA 7420/03 - Parti mill-kumpless tal-Galaxy Hotel, St. Ignatius Street c/w Depiro Street, Sliema
PA 7482/03 - Cartwheel Hotel, Triq Sant'Antnin, San Pawl il-Baħar
PA 2444/04 - Ex-Andar Hotel, Triq Munxar, Munxar, Għawdex
PA 4543/04 - Site at Triq iż-Żewwieqa, Għajnsielem, Għawdex
PA 5538/04 - Mistra Village, Xemxija Hill, St. Paul's Bay
PA 6153/04 - Les Lapins Hotel, Ta' Xbiex Seafront, Ta' Xbiex
PA 3043/05 - Forum Hotel Trqi Sant’Andrija, Swieqi
Jista' il-Ministru jgħid fejn ġew trasferiti l-uffiċjali u l-ħaddiema li kienu jservu l-bdiewa fl-Extension Services tar-Rabat u s-Siġġiewi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-uffiċjali li kienu jservu l-bdiewa fl-Extension Services tar-Rabat u s-Siġġiewi ġew trasferiti sabiex jaqdu esiġenzi varji ta’ l-istess Dipartiment.
Rabat Extension Service – erba’ impjegati ġew assenjati hekk :
1 Jumejn fil-Pitkalija u tlett ijiem fir-Rabat Extension Service
1 Organic Farming Unit, Għammieri
1 IACS Department, Għammieri
1 Department of Corporate Services
Siggiewi Extension Service – żewġ impjegati ġew assenjati hekk :
1 Pitkalija
1 Crop Husbandry, Għammieri (b'effet mill-31 ta' Ottubru 2005)
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Promozzjonijiet
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ħadu promozzjonijiet matul l-2004 fil-ministeru u d-dekasteri li jaqgħu taħtu?
F'liema gradi u xi kwalifiki kellhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li kien hemm ħmistax (15)-il persuna li ħadu promozzjoni matul l-2004 fid-Diviżjonijiet tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent, dsagħtax (19) fl-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, u tlieta (3) fil-kumpanija Wasteserv Malta Limited. Il-Gradi u l-kwalifiki huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Spiża tas-safar
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tas-safar fl-ewwel disgħa xhur ta' din is-sena tal-ministeru, tad-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu?
Kemm minnha tħallsu diġa'?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-ispiża globali tas-safar fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena tal-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u l-Ambjent hija ta’ Lm 152,121.132. Minn din l-ammont ta’ Lm 111,483.31 irid jiġi rimborsat mill-Unjoni Ewropea.
L-ammont li tħallas huwa ta’ Lm 110,708.96.
Ninsab ukoll infurmat li l-ispiża f'safar li għamlet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) fl-ewwel tmien xhur ta' din is-sena, jiġifieri sal-31 ta' Awwissu 2005, hija ta' Lm 57,803. Il-figuri għax-xahar ta' Settembru għadhom ma ġewx ippublikati. L-ammont ta’ Lm 16,794.46 se jiġi rimborsat mill-Unjoni Ewropea.
Mill-ispiża msemmija fuq, sal-31 ta' Awwissu 2005 kien għad hemm Lm 3,212 mhux imħallsa.
L-ispiża tas-safar li għamlet il-kumpanija Wasteserv Malta Limited fl-ewwel disa’ xhur ta' din is-sena tammonta għal Lm 16,315.54, u minn din se jiġi rimbursat l-ammont ta’ Lm 2,806.31 mill-Unjoni Ewropea.
Miċ-ċifra hawn fuq imsemmija, Lm 11,526.11 ġew mħallsa.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Għasel ta' Malta
Question
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown kemm kienet in-nefqa s'issa fil-promozzjoni għall-prodotti Maltin ta' l-għasel li nieda l-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li għalkemm ma ntefqux flus fuq promozzjoni ta’ prodotti ta’ l-għasel, saru diversi attivitajiet biex jingħata għarfien lil prodotti tal-għasel u qed jitwettaq proġett iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea biex dan is-settur ikompli jiżviluppa.
Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent — Ġbejniet friski
Question
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kienet in-nefqa s'issa fil-promozzjoni għall-prodotti Maltin tal-ġbejniet friski tan-nagħaġ li nieda l-ministeru?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema perjodu qed jirreferi.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien it-tunnellaġġ ta' laħam li ġie pproċessat fl-impjant il-ġdid tad-deboning? Min qed iħaddem dan l-impjant u kemm hu n-numru ta' biċċiera li llum jaħdmu dan ix-xogħol?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-impjant il-ġdid tad-deboning u cutting ġie Dry Commissioned riċentament u filwaqt li qed issir il-ħidma ħalli jsir Full Commissioning għaddejjin konsultazzjonijiet ma’ proċessuri u dalwaqt mal-Koperattivi biex l-operat ta’ l-impjant jitmexxa minnhom.
Peress li wara nofs leġislatura l-ministeru ħalla l-mużew ta' l-inbid fil-Buskett żdingat u magħluq f'dawn il-ġonna daqstant frekwentati mill-pubbliku u t-turisti, jista' il-Ministru jara li dan il-mużew jinfetaħ u jinżamm nadif?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninfurma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn x’inżid ma li għidt fit tweġibiet li kont tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 10234, 10235 u 10237.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex ingħalqu l-extension services tar-Rabat u s-Siġġiewi?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Extension Services għadhom jingħataw għalkemm mhux neċessarjament minn ċentri bħar-Rabat u s-Siġġiewi.
F’dan l-isfond sar re-deployment ta’ uffiċjali biex dawn jaqdu funzjonijiet oħrajn skond l-eżigenzi tad-Dipartiment u biex ikunu ta’ aktar servizz lill-bdiewa.
Jista' il-Ministru jgħid hemmx bżonn xi permess ta' żvilupp sabiex bankini joħorġu 'l barra fit-triq, kif qiegħed isr f'Buġibba?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li sakemm ix-xogħol ikun qiegħed isir minn Aġenzija tal-Gvern jew Kunsill Lokali dan l-iżvilupp huwa permess taħt Klassi 3 fl-Ordni ta' l-2001 dwar in-Notifikazzjoni għall-Iżvilupp.
Food and Veterinary regulation division — Qtates ta' San Anton
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsijiet parlamentari 11536 u 13737 u jgħid jekk ġietx konkluża l-inkjesta li kienet qed titmexxa minn uffiċjal tal-food and veterinary regulation division dwar it-trasferiment mhux awtorizzat tal-qtates ta' San Anton għal Wied Inċita? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi kopja ta' l-inkjesta fuq il-mejda tal-Kamra?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-veterinarju li mexxa l-inkjesta msemmija.
Jista' il-Ministru jagħtini breakdown ta' kemm kien in-numru ta' bdiewa li wżaw iċ-ċentri tal-biedja sena b'sena, matul il-ħames snin li għaddew?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. Ta’ min jinnota li ż-żieda li kien hemm mhix riflessjoni ta’ użu aktar qawwi matul is-sena kollha imma ta’ użu qawwi f’perjodu qasir meta jkun hemm sejħa għall-għajnuniet lill-bdiewa u r-raħħala.
Billi l-Ministru qed jgħid illi l-Gvern Malti interpreta ħażin ir-regolamenti ta' l-Unjoni Ewropea dwar il-kaċċa u l-insib, jista' il-Ministru jgħid x'passi dixxiplinari se jittieħdu għal dan l-iżball li se jaffettwa delizju ta' eluf ta' nies u li jimbarazza l-gvern li kien qal li kollox se jibqa' l-istess?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Kif għidt fit-tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 14399, id-differenza ta’ interpretazzjoni kienet fl-interpretazzjoni legali u mhux fis-sinifikat tagħha.