Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm iddaħħlu nies fis-servizz pubbliku mill-6.9.98 sal-lum? Kemm iddaħħlu nies fl-armata mill-elezzjoni ġenerali il-hawn? Meta iddaħħlu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandha staff cars l-armata? Jista' jgħid x'tip huma, meta inxtraw, kemm swew u min huma l-uffiċjali li huma intitolati li jużawhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Id-dettalji mitluba dwar “staff cars” użati mill-Forzi Armati jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hux veru li xi ħaddiema tat-tarzna saitilhom tfittxija fil-karozzi tagħhom bħala parti mill-kampanja ta' sigurta' li l-armata qed tagħmel konness max-xogħol fuq il-vapur La Salle
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Forzi Armati, flimkien mal-Pulizija, qed jieħdu miżuri diversi ta’ sigurta’ b’konnessjoni mal-vapur “La Salle”. Ix-xogħol li qed iwettqu l-Forzi Armati ma għandux x’jaqsam ma xogħol ta’ sigurta’ ġewwa t-Tarzna jew mal-bibien tagħha. Ninsab infurmat li ma jiriżultax li ħaddiema tat-Tarzna kienu speċifikament magħżula jew identifikati għal tfittix fuq il-vetturi tagħhom minn membri tal-Forzi Armati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern, illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdida kompletament? X'pożizzjoni jokkupaw dawn l-uffiċjali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mill-1 ta’ Jannar 2001 kien hemm 147 uffiċjal fi Grad 5 jew ogħla li ngħataw żieda fl-“expense allowance” tagħhom. Dawn kienu Diretturi, Diretturi Ġenerali u Segretarji Permanenti fuq “performance agreement” għal perjodu ta’ tlett snin.
Dwar “allowances” oħra, ninsab infurmat li fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi ma kien hemm l-ebda uffiċjal minn Skala 5 ‘l fuq jew xi konsulent li żdieditlu l-“allowance” jew ġie mogħti xi “allowance” kompletament ġdida.
Fir-rigward tal-Ministri l-oħra nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mall-Ministeru w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mill-11 ta' Settembru 2000 sal-lum?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonjiet għal dawn l-imjiegi? Jekk jirrizulta li ġew impjegati mingħajr ma' ħarġu applikazjonijiet, jista' jgħid kemm dawn l-impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji intużaw biex jingħataw l-imsemmi impjieg?
Jista' jgħid f'kull każ x'inhu s-salarju u x'inhuma l-kundizzjonijiet
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Mill-11 ta’ Settembru, 2000 sat-8 ta’ Mejju 2001 ġew impjegati 884 ħaddiema ġodda fis-Servizz Pubbliku.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella ‘A’ li turi l-informazzjoni mitluba, ministeru ministeru, dwar dawn l-impjieġi. Din it-Tabella tinkludi 466 “Labourer (ex-Impressed Driver)” li kienu diġa jaħdmu mal-Gvern b’mod kuntrattwali għal numru ta’ snin.
Din it-tabella turi wkoll dawk il-ħaddiema ġodda li ġew impjegati f’dipartimenti, li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, li jammontaw għal 23.
Ħlief fil-każ tal-466 “Impressed Driver” li ngħataw impjieg permanenti wara li saret rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, il-postijiet l-oħra ntlew wara sejħiet għall-applikazzjonijiet minbarra post wieħed. F’dan il-każ l-persuna ġiet ingaġġata b’kuntratt għal perijodu definit u ġiet approvata minni wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Minbarra fejn hu speċifikat, il-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawn il-ħaddiema ġodda huma dawk applikabbli għall-impjegati oħra fis-Servizz Pubbliku.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella ‘B’ li turi l-ħaddiema li ġew impjegati tul l-istess perijodu f’entitajiet li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi. Dawn l-impjegati ġodda jammontaw għal 25.
Tweġiba dwar ingaġġ li sar minn entitajiet li jaqgħu taħt Ministeri oħra għandha tintalab lill-Ministri konċernati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid separatament kemm ingħataw trasferimenti mill-11 ta' Settembru 2000 sal-lum lill-ħaddiema tal-Ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu?
Jista' jgħati r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti, każ b'każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li kien hemm 205 “transfer” bejn Ministeru u ieħor li ġew approvati mill-“Management & Personnel Office” (MPO), mill-11 ta’ Settembru 2000 sas-26 ta’ April 2001. “Transfers” bejn dipartimenti fl-istess Minsteru jiġu approvati mis-Segretarji Permanenti.
Ir-raġunijiet għat-“transfers” approvati mill-MPO kienu kif ġej:
84 fuq talba ta’ l-impjegati stess
31 fuq talba ta’ l-impjegati li kienu mal-“Maltapost” u li għażlu li
jirritornaw mas-Servizz Pubbliku
6 biex l-impjegat jaqdi d-dmirijiet f’Segretarjat Privat ta’ Ministru jew
Segretarju Parlamentari
84 Minħabba esiġenzi tas-servizz
Minn dipartiment għal ieħor fl-Uffiċċju tiegħi ngħataw 8 “transfers” tul l-istess perjodu. Dawn kienu:
4 fuq talba ta’ l-impjegat stess
2 biex l-impjegati jagħmlu xogħol fis-Segretarjat tiegħi
2 minħabba esiġenzi tas-Servizz
Tagħrif dwar “transfers” li ngħataw minn dipartiment għal ieħor f’Ministeri oħra bl-approvazzjoni tas-Segretarji Permanenti rispettivi jew minn xi entita’ f’Ministeri oħra għandu jintalab lill-Ministri kkonċernati.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari rnu. 25311, jista' l-Prim Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba:
1) tikkonċerna nfieq pubbliku?
2) biex il-kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn ir-reklami u l-infieq imsemmi qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuz u mingħajr favoritiżmu? u
3) biex il-kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Peress li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuż, fin-nuqqas ta' l-informazzjoni mitluba ma jkunx jqiegħed jonqos milli jgħati informazzjoni importanti dwar infieq pubbliku b'mod trasparenti li l-poplu għandu dritt ikun jaf?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Infakkar lill-Onorevoli Membru li biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata dwar kull reklam li sar f’dawn l-aħħar tlett snin minn kull dipartiment u kull entità oħra li jaqgħu taħt kull Ministru - kif qiegħed jitlob li jsir - jkun jeħtieġ l-użu ta’ riżorsi umani li wkoll jinvolvi nfieq pubbliku.
Jien miniex soddisfatt li l-utilità ta’ l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija Numru 25311 tiġġustifika li jien nordna li din għandha tinġabar.
Jekk, iżda, l-Onorevoli Interpellant għandu xi provi ta’ każi partikulari fejn il-proċeduri ma sarux “b’trasparenza, mingħajr ħabi, bla bżonn u bla abbuż u mingħajr favoritiżmu” jgħidhomli u jien nara li jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati għadhomx għassa madwar il-ħabs? Kemm huwa n-numru li ta' kuljum qed ikollhom jagħmlu dan ix-xogħol u kemm huwa n-numru li qed jagħmlu għassa ma' tempji neolitċi ? Xi provvedimenti ħadet l-armata biex dawn is-suldati jiġu protetti mill-elementi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nifhem li l-informazzjoni mitluba ma għandhiex tinħareġ.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa s'issa l-Gvern biex iwettaq ir-rakkomandazzjonijiet ta' l-Uffiċju Nazzjonali ta' l-Awditur fir-rapport (Mejju 2001) li għamlu dwar l-abbużi li hemm fit-trasport tal-gvern li qed jiswa Lm 5 miljuni fis-sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed issir ħidma, bejn il-Ministeru tal-Finanzi u l-Uffiċċju tal-Prim Ministru, biex jitwaqqaf “Working Group” li se jintalab jeżamina s-servizz tat-trasport tal-Gvern u jagħmel rakkomandazzjonijiet intiżi biex titjib is-sitwazzjoni ġenerali f’dan ir-rigward.
Ninsab infurmat li qed jitfasslu t-“terms of reference” li mistennija jingħataw lill-“Working Group”. Dawn għandhom igħinu biex ikunu stabbiliti dawk l-oqsma li għandhom jingħataw prijorità.
Huwa ttamat li l-“Working Group” ikun twaqqaf u beda x-xogħol tiegħu f’qasir żmien.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-Ministru u s-segretarji parlamentari li sal-lum għadhom jipprattikaw il-professjoni tagħhom jew għad għandhom xi tip ta' sehem fil-kumpaniji li kienu jaħdmu magħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-ebda Ministru jew Segretarju Parlamentari m’għadu jeżerċita l-professjoni tiegħu. L-informazzjoni l-oħra mitluba toħroġ mid-dikjarazzjonijiet tal-Ministri u Segretarji Parlametari li jien poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra fit-30 ta’ April 2001.
Jista' l-Ministru jara li t-tankijiet tal-ilma fuq it-turetta jitgħattew peress li l-ilma jintuża għax-xorb mill-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li wieħed mill-għotien taż-żewġ tankijiet ta’ l-ilma fuq it-turretta tal-Palazz tar b’buffura qawwija ta’ riħ għaxart ijiem ilu. Jien infurmat ukoll li għatu ġdid diġà nxtara u fil-fatt twaħħal f’postu fit-13 ta’ Ġunju 2001.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm applikaw persuni fl-aħħar sejħa li saret għal reklutaġġ fil-Forzi Armati? Kemm għaddew mill-Fitness Test? Meta ser isir ir-written test?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-proċess ta’ l-għażla biex jiġu ngaġġati rekluti fil-Forzi Armati qiegħed jitmexxa mid-Direttur ta’ l-Eżamijiet u mill-Bord ta’ l-Eżamijiet Pubbliċi. Għalhekk, nirreferi lil-Onorevoli Interpellant lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Prim Ministru jaġġorna l-Kamra rigward il-pjani tal-Gvern dwar it-tħaffir għaż-żejt fil-futur qarib? Jista' jagħti informazzjoni rigward ir-relazzjoni ma' pajjiżi ġirien f'din il-materja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Tingħata informazzjoni meta jkun hemm żviluppi konkreti.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 26058 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li ġiet riferuta lilu u cioe': Jista' jikkonferma li dawk il-kapijiet u assistenti kapijiet li joqgħodu Malta u li kienu posted fl-iskejjel Għawdex fis-sena skolastika 2000/2001 jingħataw refund ta' l-ispejjez tal-biljetti tal-vapur?
Jista' jgħid din hix xi policy ġdida tad-dipartiment ta' l-edukazzjoni fejn jidħlu ħaddiema Maltin li jiġu posted f'Għawdex
Jista' jgħid jekk fil-futur din il-policy hix ser tapplika għal ħaddiema kollha Maltin fid-dipartiment ta' l-Edukazzjoni li jiġu posted f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Billi l-mistoqsija tirrigwarda l-amministrazzjoni tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex tindirizzaha lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi l-aħħar parti tal-mistoqsija parlamentari nru. 26059 li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u cioe': jgħid għaliex kapijiet u assistenti kapijiet Maltin li kienu jaħdmu fi skejjel tal-Gvern f'Għawdex dejjem jingħataw trasport tal-Gvern mill-Imgarr sa l-iskola fejn kienu jaħdmu u lura filwaqt li l-Assistenti Kapijiet Għawdxin li hemm posted f'Malta qat ma ngħataw dan is-servizz?
Jista' jgħid għaliex meta xi Assistenti Kapijiet Għawdxin posted fi skejjel Malta talbu dan is-servizz, dan ġie rifjutat?
Jista' jgħid għaliex qegħda isir din id-diskriminazzjoni bejn kapijiet u assistenti kapijiet Għawdxin posted f'Malta u dawk Maltin posted f'Għawdex?
Jista' jgħid x'passi ser jieħu biex din id-diskriminazzjoni tiġi rimedjata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Billi l-mistoqsija tirrigwarda l-amministrazzjoni tad-Dipartiment ta’ l-Edukazzjoni, nitlob l-Onorevoli Interpellant biex tindirizzaha lill-Ministru ta’ l-Edukazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każi ta' ksur tal-liġi tax-xandir is-sena l-oħra u din is-sena? X'kien l-allegat reat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi fis-snin 2000 u 2001 in-numru ta’ każi fejn l-Awtorita tax-Xandir iddeċidiet li kien hemm ksur ta’ l-Att dwar ix-xandir, kien dan:
Sena Nru ta’ Każi
2000 17
2001 21
Dawn it-38 każ ta’ offiżi amministrattivi saru fil-perijodu bejn il-11 ta’ Lulju, 2000 [wara li daħlu fis-seħħ l-emendi tal-2000 għall-Att dwar ix-Xandir] u t-30 ta’ April 2001.
Il-każi kienu jinvolvu ksur ta’ dawn d-dispożizzjonijiet ta’ l-Att dwar ix-xandir:
a] Artiklu 13[2][a] ta’ l-Att dwar ix-Xandir li jitratta dwar gosti tajbin u
deċenza;
b] Artiklu 15 ta’ l-Att dwar ix-Xandir li jitratta dwar ksur ta’ direttiva ta’ l-
Awtorita’;
c] Artiklu 20[1][b] u [2] ta’ l-Att dwar ix-Xandir fir-rigward ta’ ksur tal-
Kodiċi dwar il-Protezzjoni tal-Minuri;
d] Paragrafi 1[f], 4, 5,6,9,13,24 u 25 tat-Tielet Skeda ta’ l-Att dwar ix-Xandir
li jitrattaw dwar ir-regola ta’ reklamar u “sponsorship”.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienu l-ispejjeż biex tintrama u tiżżarma l-counting hall f'Għawdex għall-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali? X'kienet l-ispiża totali tal-counting f'dawn l-elezzjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li minħabba li l-kontijiet għadhom ma waslux kollha, għad ma tistax tinħareġ figura. Għaldaqstant risposta tingħata f’xi seduta oħra.