Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26848 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Kif jaf il-Ministru li c-CEO il-ġdid tal-MITTS telaq għax ma qabilx mad-deċiżjoni li titkeċċa l-financial controller li kien hemm? jista' l-Ministru jgħid jekk din tkeċċitx peress li ppruvat tikkontrolla n-nefqa?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ipotesi li ċ-“Chief Executive Officer” il-ġdid tal-MITTS telaq għax ma qabilx mad-deċiżjoni li titkeċċa l-“Financial Controller” li kien hemm hija nkorretta għal żewġ raġunijiet: 1. Iċ-CEO il-ġdid tal-MITTS ilu f’din il-pożizzjoni għal dawn l-aħħar tlettax il-xahar, eżattament mill-24 ta’ Mejju 2000 u effettivament ma telaqx mill-MITTS. 2. Il-“Financial Controller” li kien hemm ma tkeċċitx iżda offriet ir-riżenja tagħha f’April 2000.
Leg 9 PQ #26849 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mitts

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex meta telaq is-CEO (Vella) tal-Mitts ma' ntgħażilx xi kandidat ieħor minn dawk suġġeriti mill-aġenzija barranija imma minflok intgħażel xi ħaddieħor b'konnessjonijiet ma' nies fil-Gvern? Jekk din il-persuna kienet daqshekk fdata għaliex ma ntgħażlitx hi mill-ewwel?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-għażla taċ-“Chief Executive Officer” tal-MITTS kienet tal-“Board” tad-Diretturi.
Leg 9 PQ #26854 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Platoons

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jikkonfermax li d-D Company fl-armata, suppost li hija komposta minn tlett platoons? Jikkonferma li bħalissa din il-company fiha biss platoon wieħed? Jista' jispjega għaliex? Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li din il-kumpanija hemm ħsieb li tiġi xolta u/jew tiġi magħquda mas-C Company? Jista' jispjega għaliex?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li meta jidħlu r-rekluti l-ġodda fix-xhur li ġejjin numru minnhom ser jingħaqdu sew mall-Kumpannija C u kif ukoll mad-D.
Leg 9 PQ #26855 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Security

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk jikkostitwix konflitt ta' interess li jkollok Kaptan fl-Armata li ismu qiegħed ngħaddiħ b'mod privat, li għandu interess dirett f'agenzija tas-security? X'passi jistgħu jittieħdu jekk investigazzjoni turi li dan huwa l-każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li minn investigazzjonijiet li saru s’issa, jirriżulta li l-uffiċjal imsemmi m’għandu l-ebda interess dirett f’aġenzija tas-“security”.
Leg 9 PQ #26856 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: GEORGE VELLA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Peace Keeping

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li bħalissa fl-armata qed isir kors ta' Peace Keeping? Għaliex dan tqassar u flok fuq medda ta' sitt ġimgħat qed sir fuq medda ta' erba' ġimgħat? Kif intgħażlu n-nies biex jagħmlu dan il-kors? Jikkonferma li kien hemm min ma riedx jagħmlu u kellu jidher quddiem kurunell tal-first regiment u ġie mhedded li jekk ma jaċċettax jiġi mitfugħ fiċ-ċella?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-kors ta’ “Peacekeeping” li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant intemm b’suċċess fil-15 ta’ Ġunju 2001. Bħall-kors ta’ qablu, dan il-kors kien organizzat u mmexxi minn “instructors” tal-Missjoni Militari Taljana. Dan il-kors tnaqqsulu xi moduli jew għax is-suldati li attendew għalih kienu diġà midħla tagħhom jew għax fil-futur ser isir kors speċifiku fuqhom. Ninsab infurmat li tlett suldat oriġinarjament wrew li ma xtaqux jagħmlu kors, iżda dawn fil-fatt attendew u spiċċaw il-kors b’suċċess. Infurmat ukoll li f’kors bħal dan suldat jitgħallem ħiliet li jiffurmaw parti integrali mill-rwol tiegħu u li hi prattikka normali f’organizazzjoni militari li taħriġ bħal dan ma jkunx offrut fuq bażi voluntarja.
Leg 9 PQ #26975 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Interim From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm żdiedu n-nies fiċ-Ċivil fl-1999, fl-2000 u fl-2001. Jista' jaqsam l-informazzjoni skond kif żdiedu n-nies fis-setturi u dipartimenti partikolari?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #26804 Sitting 565 2001-06-27 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Allowance

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali. Jista' jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffċijali? Kemm ingħatat żieda jew kemm hija l-allowance l-ġdida għal kull uffiċjal? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma jidhirliex li għandi ngħati l-ismijiet ta’ l-uffiċjali kif qed jitlob l-Onorevoli Interpellant. Iż-żieda fl-“expense allowance” hija kif ġej: Grad Minn Għal Uffiċjali fi Skala 1 Lm1000 Lm1500 Uffiċjali fi Skala 2 Lm 800 Lm1200 Uffiċjali fi Skala 3 Lm 600 Lm 900 Uffiċjali fi Skala 4 Lm 450 Lm 700 Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija nirreferi l-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija numru 802 tad-29 ta’ Mejju 2001 maħruġa mid-Dipartiment ta’ l-Informazzjoni li tagħti l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #26650 Sitting 564 2001-06-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Donazzjonijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25338, jista' l-Prim Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn l-għoti ta' donazzjonijiet jekk sar, sar b'ġustizzja, b'fairness, bla abbuż u mingħajr favoritiżmu; u (3) biex il-Kamra tkun assigurta li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż? Jista' jagħti din l-informazzjoni importanti dwar infiq pubbliku b'mod trasparenti peress li l-poplu għandu dritt ikun jaf? (PQ waslet 14/5/2001)

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ma għandi xejn x’inżid mat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 25812.
Leg 9 PQ #26689 Sitting 564 2001-06-27 Oral · Interim From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Nies Ġodda

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26576?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #26750 Sitting 564 2001-06-27 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li impjegat tal-MITTS waqt li kien qed jaħdem fuq xi files il-Qorti, daħal f'xi files li mhux suppost? Kemm sewa l-MITTS l-upgrade li kellha tagħmel fuq il-computers kollha tal-Qorti minħabba f'dan?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-ipotesi li xi mpjegat tal-MITTS daħal f’xi files tal-Qorti meta dan ma kienx suppost hija inkorretta. Madankollu nikkonferma li l-MITTS ġiet mitluba tassisti f’inkjesta Maġisterjali li nbdiet f’Diċembru tas-sena l-oħra u għada għaddejja. Għaldaqstant mhux prudenti li tingħata aktar informazzjoni qabel din l-inkjesta Maġisterjali tiġi konkluża.
Leg 9 PQ #26791 Sitting 564 2001-06-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26569?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li matul is-sentejn u nofs li għaddew inbidlu tlett mija u tmintax (318) il-kompjuter kif ġej: Sena Kompjuters mibdula 1999 144 2000 104 2001 70 Mit-tlett mija u tmintax (318) il-kompjuter li nxtraw ġodda, tnejn u tmenin (82) inxtraw ‘Barebone’. Dan ifisser li f’dawn il-każi jkun inxtara il-kompjuter biss filwaqt li jibqaw jintużaw l-istess aċċessorji tal-kompjuter ta’ qabel inkluż il-‘monitor’. Mit-tlett mija u tmintax (318) il-kompjuter li nbidel, erbgħa u tmenin (84) għadhom qegħdin jidhru fuq il-kotba tal-kumpannija, filwaqt li mitejn w erbgħa u tletin (234) ġew disposti kif ġej: Sena Donazzjonijiet Mibjugħa lill-impjegati Mormija 1999 5 12 132 2000 11 15 - 2001 3 - 56 Ta’ min wieħed jgħid li qabel kompjuter jiġi mormi, jittieħdulu dawk il-partijiet li jkunu jistaw jintużaw band’oħra skond il-bżonn.
Leg 9 PQ #26744 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex meta l-MITTS iċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha b'Exhibition, il-Prim Ministru biss ġie mistieden? Jista' jispjega għaliex MITTS nefqet Lm 4,000 biex bajjdet Gattard House min barra meta din qiegħda għandha b'kera?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li meta l-MITTS iċċelebrat l-għaxar anniversarju tagħha b’ “Exhibition”, ġejt mistieden niftaħ l-“Exhibition” minħabba li l-MITTS taqa’ taħt il-“Portfolio” tal-Uffiċċju tiegħi. Il-ministri l-oħra wkoll ġew mistiedna. Ninsab infurmat li l-MITTS ma għamlet l-ebda spejjeż u ma nefqet xejn fuq tibjid fuq in-naħa ta’ barra tal-bini. Dan ix-xogħol sar kollu a spejjeż ta’ sid il-kera kif inhu stipulat fil-kuntratt tal-kera bejn il-partijiet.
Leg 9 PQ #26746 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jispjega għaliex intefqu daqstant eluf ta' liri mill-MITTS biex tiġi irranġata l-parti ta' Gattard House okkupata mill-MITTS, meta imbagħad dawn krew parti oħra mill-istess bini?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li f’dawn l-aħħar xhur l-MITTS għamlet diversi xogħolijiet interni biex tiċċentralizza aktar uħud mill-funzjonijiet tal-kumpannija li evolvew matul dawn l-aħħar snin, filwaqt li tipprovdi aktar “working space” lill-impjegati fl-ispazju eżistenti. Sadanittant ittieħdet parti oħra mill-bini f’wieħed mis-sulari, biex tkun tista’ tiġi estiża il-“Computer Room”, fejn minħabba proġetti ġodda tal-Gvern bħal l-“eGovernment” u l-“Internet for Schools” u ż-żieda fin-numru ta’ “e-mail” u “internet users” irid jitqiegħed aktar apparat fejn tkun tista’ tinżamm aktar “data”. F’din il-parti l-ġdida ser jiġi mqiegħed ukoll is-“Service Call Centre” li ser jiġi inawgurat iktar tard din is-sena u “Command and Control Centre” biex ikun jista’ jingħata servizz aktar effiċjenti u immedjat lill-klijenti tal-MITTS.
Leg 9 PQ #26747 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-appointment tal-persuna li ismu qed jintbagħat separatament, fl-uffiċju tas-CEO tal-MITTS kienx effett dirett tat-terminazzjoni tal-kuntratt tal-persuna li l-isem tagħha qed jintbagħat separatament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-pożizzjoni li kienet tokkupa l-persuna ndikata li tterminat il-pożizzjoni tagħha ma hi bl-ebda mod relatata mal-pożizzjoni tal-persuna l-oħra li kienet ingħatat “appointment”. Fil-fatt, il-persuna ndikata li tterminat il-kuntratt offriet ir-riżenja tagħha fis-16 ta’ Mejju 2001, filwaqt li l-persuna l-oħra ndikata ngħatat l-“appointment” fil-pożizzjoni li għadha tinsab fiha sal-lum, fil-1 ta’ Awissu 2000.
Leg 9 PQ #26748 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux veru li l-karozza tas-CEO tal-MITTS kienet involuta f'inċident tat-traffiku? Veru li din il-karozza inħbiet sakemm issewwiet, u wara ħadd ma ried jixtriha? Veru li issa s-CEO għandu karozza ġdida?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-karozza tac-“Chief Executive” tal-MITTS kienet involuta f’inċident tat-traffiku fit-12 ta’Diċembru 2000. Mhux veru li l-karozza inħbiet wara il-ħabta. Il-karozza ttieħdet minn fuq il-post ta’ l-inċident dritt għal għand tellar biex tissewwa kif inhu normali fiċ-ċirkostanzi. Ix-xogħol fuq il-karozza tlesta f’Jannar 2001. Il-MITTS tħaddem “replacement policy” ta’ ħames snin għal kull karozza uffiċjali. Din il-karozza ilha għand il-MITTS ħames snin u nofs u għalhekk il-MITTS ħarġet sejħa għall-offerti għall-bejgħ tagħha. Kien hemm numru ta’ offerti u bħalissa il-MITTS qiegħda tinnegozja ma’ min tefa’ l-aħjar offerta. Mid-data ta’ l-inċident sa l-aħħar ta’ April 2001, is-CEO għamel użu mill-karozza personali tiegħu. Wara li f’April, is-CEO biegħ il-karozza tiegħu, sar “lease” fuq karozza “second hand” tat-tip Alfa. L-arranġamenti għal dan il-“lease” saru skond ir-regoli approvati mill-Board tal-MITTS .
Leg 9 PQ #26153 Sitting 561 2001-06-25 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kontijiet

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25339, jista' l-Prim Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress l-informazzjoni mitluiba: 1) Tikkonċerna Nfieq Pubbliku 2) Biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-Gvern li jinforma, dwar il-posizzjoni tal-kontijiet finanzjarji tal-entitajiet governativi? 3) Biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza, u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż? Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala, meta din hija informazzjoni importanti, tikkonċerna infiq pubbliku u l-poplu għandu dritt għaliha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajtu għall-mistoqsija Nru 25812. Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti , il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltu f’dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Leg 9 PQ #26537 Sitting 561 2001-06-25 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Overtime

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-konsulenti ingaġġati mal-Ministeri dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħthom humiex intitolati jgħamlu u jitħalsu ta' overtime? Jekk fl-affermativ, jista' jgħid kemm kien hemm konsulenti li għamlu u ġew imħallsa ta' overtime? Jista' jgħid min kienu u kemm tħallsu separatament tul dawn l-aħħar sentejn?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #26637 Sitting 561 2001-06-25 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Auberge de Castille

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid b'referenza għad-domandi parlamentari preċedenti jinforma l-Kamra jekk kemm-il barba huwiex possibbli li tul dan is-sajf għal perijodu qasir ta' ġimgħatejn l-Auberge de Castille tkun miftuħa għall-pubbliku u turisti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kultura organiżża żjarat kulturali fil-Berġa ta’ Kastilja matul il-Ħdud fi Frar, Marzu u April ta’ din is-sena. Ninsab infurmat li ma hemmx pjan biex ikunu organiżżati żjarat simili matul is-sajf.
Leg 9 PQ #26544 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Security Corps

Question

Jaf l-Prim Ministru li wara li tas-Security Corps (Armata) tneħħew mix-xogħol tagħhom ta' security f'Ħal Far ħdejn il-bonded stores, u ix-xogħol ingħata lil oħrajn, saru ħafna serqiet? Jikkunsidrax il-Ministru li tas-Security Corps jintbagħtu lura hemm hekk?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal-Mistoqsija Parlamentari Numru 22369 f’Seduta numru 465 tat-12 ta’ Jannar 2001.
Leg 9 PQ #26569 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MITTS

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul l-aħħar sentejn u nofs kemm kompjuters u aċċessorji tagħhom ġew mibdula ma' oħrajn iżjed ġodda għall-użu tal-MITTS? F'kull każ x'sar mill-kompjuters mibdula?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjni mitluba qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.