Jista' l-Prim Ministru jgħid liema huma l-persuni impjegati bħala communications/media executives/offices fi ħdan kull ministeru u segretarju parlamentari? Meta ġew ingaġġati? Kemm qed jitħallssu f'salarju u fringe benefits?
Dawn kollha għandhom l-istess kuntratt? Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kuntratt minnhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li hemm 14-il uffiċjal li għandhom il-ħatra ta’ “Communications Co-Ordinator” fis-Segretarjat Privat ta’ Ministru jew Segretarju Parlamentari. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Ministeri/Segretarjati Parlamentari li għandhom il-“Communications Co-Ordinator” bid-dati rispettivi li fihom dan l-uffiċjal ġie ngaġġat.
Is-salarju u “fringe benefits” li dawn qegħdin jitħallsu kif ukoll “specimen” tal-kuntratt li wieħed minnhom għandu, huma kif stabbiliti fid-Dokument li kont poġġejt fuq il-Mejda tal-Kamra dwar “Staff in Private Secretariats” nhar is-16 ta’ Ġunju 1999
.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jammonta in-numru ta' mpjegati li ġew impjegati mas-Settur Pubbliku mill-10 ta' Settembru 2000 sal-lum?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ mpjegati li daħlu fis-Servizz Pubbliku mill-10 ta’ Settembru, 2000 sat-28 ta’ Ġunju 2001 huwa 1191 (li jinkludu 466 “ex-Impressed Drivers”, 209 Għalliema, 40 “Care Workers”, 70 “Enrolled Nurses”, 100 Staff Nurses u 56 Pulizija) waqt li 1068 spiċċaw minn mal-Gvern fl-istess perijodu. Dawn il-figuri ma jinkludux ħaddiema b’kuntratt definit, każwali jew “part-time”.
Ma’ entitajiet pubbliċi li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ġew impjegati 37 ħaddiem li 7 minnhom iddaħħlu b’kuntratt definit. B’kollox telqu 29 persuna fl-istess żmien.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq xi informazzjoni dwar korporazzjonijiet/entitajiet pubbliċi oħra, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri responsabbli.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru 26537?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li konsulenti ngaġġati fuq kuntratt definit huma ntitolati biss għall-remunerazzjoni kif provdut fil-kuntratt li jiffirmaw. Ma hemm l-ebda konsulent fil-Ministeri u fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħthom, li għamlu u ġew imħallsa ta’ “overtime” tul l-aħħar sentejn.
B'riferenza għal dak li qal l-Ombudsman, is-Sur Joe Sammut, lill-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra, li spiss jiġi njorat mill-kapijiet tad-dipartimenti tal-gvern "aħseb u ara kif jistmaw liċ-ċittadini ordinarji" hemm xi passi maħsuba biex il-kapijiet tas-servizz pubbliku jkunu aktar sensittivi u juru spinta ta' kollaborazzjoni ma' l-ombudsman"
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li dwar dak li qal l-“Ombudsman” diġà ttieħdu passi mas-Segretarji Permanenti sabiex talbiet kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-“Ombudsman” u uffiċjali oħra jingħataw attenzjoni fil-pront.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jammonta n-numru ta' impjegati li ġew impjegati maċ-Ċivil b'kuntratt mill-10 ta' Settembru 2000 sal-lum?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ ħaddiema li ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku b’kuntratt bejn l-10 ta’ Settembru 2000 u 28 ta’ Ġunju 2001 huwa ta’ 95.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju tal-proċess tal-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku waslet il-ħatra tal-Assistent Direttur tal-Kurrikulu fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni? X'qed iżomm li ssir il-ħatra meta qed jagħfas iż-żmien għall-implimentazzjoni tal-kurrikulu minimu nazzjonali ġdid minn Settembru 2001?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku irċeviet ir-rapport tal-Bord ta’ l-Għażla u qiegħda tikkunsidrah fid-dawl ta’ rappreżentazzjonijiet dwar eliġibbilità li sarulha minn applikant.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li xogħol ta' stampar li qed isir mill-gvern fi stamperiji privati u jista' jsir fl-istamperija tal-gvern mhux fil-fatt qed jingħata lill-istamperija tal-gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li meta xogħol ta’ stampar ma jkunx jista’ jsir mill-Istamperija tal-Gvern minħabba raġunijiet tekniċi jew ma jkunx jista’ jitwettaq fiż-żmien mitlub minħabba pressjoni ta’ xogħol, jingħata permess isir mill-privat.
Jista' l-Ministru jagħti d-dettalji ta' dawk li applikaw għal promozzjoni fl-armata f'Jannar 2001, l-ordni tal-mertu biex ġew klassifikati il-kriterji li ntużaw biex ingħataw il-promozzjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 23483 f’Seduta Numru 490 tat-12 ta’ Frar 2001, ninfurmha li mhux proċedura li fil-Forzi Armati tinħareġ sejħa għall-applikazzjonijiet sabiex wieħed japplika għal promozzjoni. Għaldaqstant ma teżistix lista kif mitluba mill-Onorevoli Interpellant
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm saru bookings u eventwalment inħarġu biljetti għas-safar għal ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-22 ta' Ġunju 1999 sal-lum?
Jista' l-Prim Ministru jgħid separatament:
(1) għand liema aġenziji saru dawn il-bookings u mingħand liema aġenziji nxtraw il-biljetti ta' l-ajru;
(2) kull aġenzija kemm tħallset għal dawn il-biljetti;
(3) għal liema destinazzjonijiet inħarġu dawn il-biljetti?
(PQ waslet 6/6/2001)
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ma nifhimx x’inhi l-utilita’ li tinġabar l-informazzjoni dettaljata mitluba.
Għalhekk sakemm ma ningħatax raġuni ‘l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li l-informazzjoni tinġabar.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 25588, jista' l-Prim Ministru jgħid kif il-persuna li d-dettalji qed jingħataw b'mod separat, reġgħet daħlet fil-Forzi Armati sena u nofs ilu mingħajr eżami?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-persuna msemmija qabel ma reġgħet daħlet bħala suldat fil-Forzi Armati, għaddiet kemm it-test fiżiku kif ukoll l-eżami mediku.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kem swiet iz-zjara li uffiċjali mill-Forzi Armati għamlu f'Londra għal-laqgħa ta' l-International Maritime Organisation bejn l-10 u l-15 ta' Diċembru 2000?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nifhem li l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-“COMSAR Meeting” li l-“International Maritime Organisation” torganizza kull sena f’Londra. Il-Forzi Armati dejjem jibgħatu rappreżentant għal dan il-“meeting” peress li matulu jiġu diskussi temi mportanti dwar tfittxija u salvataġġ fuq il-baħar. L-ispejjeż li nefqu l-Forzi Armati għal dan il-“meeting” kienu ta’ Lm630.64 li jinkludi vjaġġi bl-ajru u bit-tren, “subsistence allowances” u assikurazzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk itteħditx xi deċizjoni mill-Kabinet dwar artijiet u propjeta tal-Gvern fil-Kalkara? Jekk fl-affermattiv, liema huma l-artijiet, għalxiex ingħataw u ser jingħataw u lill-min? X'inhuma r-raġunijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma li l-Kabinett iddeċieda li l-propjeta u art tal-Gvern fil-Kalkara li fuqha hemm dawk magħrufa bħala l-“Auxiliary Hospital” u ċ-“Chaplain’s House” jinkrew lill-Kulleġġ Malti għall-Arti, Xjenza u Teknoloġija sabiex, wara restawr xieraq, il-propjeta issir is-sit permanenti ta’ l-Istitut għal Studji Marittimi li twaqqaf fi ħdan il-kulleġġ wara taħdidiet ma’ l-Awtorita’ Marittima ta’ Malta.
Ġie deciż ukoll li propjeta oħra tal-Gvern fil-Kalkara, Villa Portelli, tinkera lill-MCAST biex tintuża bħala bażi temporanja ta’ l-Istitut il-ġdid sakemm jitlesta s-sit permanenti – li għandu l-vantaġġ li qiegħed mal-baħar.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-viżita tal-Kmandant Montanaro fiċ-Ċina? Jista' jgħid jekk sarx xi ftehim partikolari dwar l-armati taż-żewġ pajjiżi, armamaenti, jew taħriġ fil-kamp militari?
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jkun il-follow-up ta' din il-vista?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta ġie mistieden biex iżur iċ-Ċina mill-Kmandant tal-Forzi Armati taċ-Ċina. Ġie milqugħ mill-istess Kmandant kif ukoll mill-Ministru tad-Difiża. Huwa żar stakkamenti tal-Armata, Forza tal-Ajru u Bażi Navali. Ġie ffirmat ftehim bejn iż-żewġ Kmandanti fejn iċ-Ċina għamlet għotja ta’ RMBs tlett miljun ekwivalenti bejn wieħed u ieħor għal mija u ħamsin elf lira Maltija li jistgħu jintużaw biex jinxtara materjal għall-Armata miċ-Ċina. Waqt iż-żjara kollha l-Kmandant tal-Forzi Armati kien akkumpanjat mill-Ambaxxatur Malti fiċ-Ċina.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huma dawk l-uffiċjali u impjegati tal-gvern, skond il-grad, li wara li għalqu l-eta' ta' l-irtirar ta' 61 sena baqgħu jaħdmu? Jista' jgħid jekk dawn ingħatawx estensjoni inkella qegħdin jaħdmu taħt xi arranġamenti oħra? Jekk fl-affermattiv, x'inhi l-policy tal-gvern dwar dan u kif qiegħda titħaddem biex ma jkunx hemm diskriminazzjoni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Hemm ħames (5) uffiċjali pubbliċi li laħqu d-data tal-irtirar u ngħataw estensjoni ta’ servizz. Tnejn minn dawn qed jokkupaw pożizzjonijiet ta’ Segretarji Permanenti, u l-oħrajn huma “Senior Principal”, “teacher” u “Instructor III”.
Il-“policy” tal-Gvern dwar estensjonijiet ta’ servizz hija dik stabbilita fil-11 ta’ Frar 1998 mill-Gvern preċidenti u approvata mill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni tal-lum meta kien Prim Ministru:
(i) “enrolled/staff nurses” jistgħu jitħallew jaħdmu sa l-eta’ ta’ 65 sena
skond id-diskrezzjoni ta’ l-Awtoritajiet tas-Saħħa, basta dawn jinżammu fuq xogħol ta’ “nursing”;
(ii) talbiet għal estensjoni minn għalliema li jkunu diġa fit-tieni jew it-
tielet “term” ta’ sena skolastika jiġu approvati awtomatikament mid-
Direttur Ġenerali tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni sa tmien dik is-
sena skolastika;
(iii) talbiet oħra jiġu approvati minni skond l-eżiġenzi tas-servizz jew
minħabba ċirkostanzi speċjali.
Hemm ukoll wieħed u tletin (31) ex-uffiċjal pubbliku li wara li rtiraw ġew ingaġġati fuq kuntratt defenit. Dawn kellhom il-gradi li qed jidhru fit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Kull talba minn Dipartiment tal-Gvern għal ingaġġ fuq kuntratt definit ta’ ex-uffiċjal pubbliku tiġi kkunsidrata fuq il-meritu tagħha u jekk tinsab ġustifikata, tiġi approvata minni.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25371, jista' l-Prim Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Prim Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 29/5/2001)
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25812.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f’dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25360, jista' l-Prim Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun informata, kif wara kollox huwa d-dover tal-gvern li jonforma, dwar il-pożizzjoni tal-kontijiet finanzjarji ta' l-entitajiet governattivi; (3) biex il-Kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw fi ħlasijiet u f'kontijiet pendenti huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti?
Ma jaħsibx il-Prim Ministru li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż?
Fin-nuqqas li tingħata din l-informazzjoni, jista' jagħti raġuni għala mhijiex tingħata meta din hija informazzjoni importanti u tikkonċerna infiq pubbliku u għaldaqstant għandu dritt għaliha?
(PQ waslet 29/5/2001)
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25812.
Għalkemm is-suġġett taż-żewġ mistoqsijiet huwa differenti, il-parametri huma simili u l-istess stedina li għamiltlu f’dik it-tweġiba tgħodd ukoll għal din.
Billi f'risposta parlamentari riċenti l-Prim Mnistru qal li hawn diversi mpjegati taċ-Ċivili sospiżi, fosthom 16-il pulizija, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn l-impjegati taċ-Ċivil huma sospiżi għax wettqu xi allegat reat waqt il-qadi ta' dmirijiethom u kemm waqt ħin li ma kenux xogħol? X'kien ir-reat allegat f'kull każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm uffiċjali fis-servizz ġenerali, skond il-grad, li ma ġġeddidilhomx il-performance agreement matul is-sena 2000? Jista' jgħid għaliex ma tingħatax ir-raġuni għal dan, lanqas lill-uffiċjali konċernati b'mod kunfidenzjali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li kien hemm erba’ “performance agreements” li skadew fis-sena 2000 u ma ġewx imġedda.
“Performance Agreeement” jiskadi awtomatikament meta dan jagħlaq. Fil-każ ta’ Diretturi Ġenerali, Diretturi u Assistenti Diretturi, il-ħatra l-ġdida ssir fuq bażi ta’ kompetizzjoni u l-aħjar kandidat jintgħażel għall-ħatra.
Fil-każ ta’ Segretarji Permanenti, ħatriet ġodda jew tiġdid ta’ “performance agreement” isiru minni wara li nkun ikkonsultajt mal-Ministru responsabbli u ma’ numru ta’ persuni oħra skond il-bżonn u wara li nkun konvint li l-persuna ndikata hija l-aktar addattata fiċ-ċirkustanzi tal-mument.
Jista' l-Prim Mnistru jgħid kemm uffiċjali fis-servizz ġenerali tal-gvern ingħataw ħatra sostantiva fuq skala 5 minn Ġunju 2000 sal-lum, ministeru ministeru?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li kien hemm 28 uffiċjal pubbliku li ngħata l-ħatra sostantiva ta’ ‘Officer in Grade 5’ mill-1 ta’ Ġunju, 2000 sa l-20 ta’ Ġunju, 2001. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-ministeri, fejn dawn l-uffiċjali ngħataw il-ħatra.