Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26975 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċivil

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm żdiedu n-nies fiċ-Ċivil fl-1999, fl-2000 u fl-2001. Jista' jaqsam l-informazzjoni skond kif żdiedu n-nies fis-setturi u dipartimenti partikolari?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi fil-perjodu msemmi, kien hemm dawn iż-żidiet jew tnaqqis fin-numru ta’ impjegati fis-Servizz Pubbliku:- 1999 - tnaqqis ta’ 68 2000 - żieda ta’ 66 2001 (Mejju) - tnaqqis ta’ 310. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi ż-żidiet jew it-tnaqqis fin-numru ta’ ħaddiema skond il-kategorija li jinsabu fiha.
Leg 9 PQ #27542 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sptar San Raffaele — Impjegat

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid għaliex ma kienx ħalla lill-ministru ta' l-intern u l-ministru għall-politika soċjali jġedded il-kuntratt ta' konsulenza ta' persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament? Kont informat li minn wara din id-data dan il-bniedem kompla jirrappreżenta lill-ministru fuq il-bord tal-pulizija dwar l-għoti tal-liċenzji? Kont informat li ngħata uffiċċju f'Goddard House fejn kien hemm l-FMSS wara li int ma ħallejtx lill-ministeru ta' l-intern iġedded il-kuntratt u li ngħata xogħol ieħor ta' konsulenza f'din il-fondazzjoni in konnessjoni ma' l-Isptar San Raffaele?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 25611, ma saritli ebda talba biex wara l-1994 il-kuntratt jiġi mġedded. Ir-risposta għat-tieni domanda hija fl-affermattiv, filwaqt li r-risposta għat-tielet mistoqsija hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #27549 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MPO — Focus Groups

Question

Jikkonferma l-Prim Ministru li l-MPO qed jikkunsidra l-proposti mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni dwar il-ħolqien ta' focus groups għall-implimentazzjoni tal-kurrikulu nazzjonali? Fiex wasal il-proċess? X'qed jistenna biex jagħti deċiżjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi l-“Focus Groups” għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulum Nazzjonali jinħolqu mill-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni mhux mill-Management and Personnel Office. Il-Management and Personnel Office ġie mitlub dan l-aħħar japprova l-ħlas li għandu jingħata lil dawn il-“Focus Groups”, u din il-materja għadha qed tiġi kkonsidrata flimkien mal-Ministeru tal-Finanzi.
Leg 9 PQ #27558 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati

Question

Jista' l-Ministru jgħid issa li huwa ċar li dawk il-kriminali li jġorru klandestini u /jew joperaw vjaggi ta' kuntrabandu għandhom opri tal-baħar li joperaw b'ħeffa kbira, x'qed isir biex l-iskwadra Marittima tal-Forzi Armati tiġi modernizzata aħjar b'laneċ li kapaċi jlaħħqu? Żdiedu operazzjonijiet bl-ajru u bil-baħar biex issir sorveljanza mal-kosta u 'l hemm minħabba attivitajiet kriminali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt waqt is-Seduta Parlamentari Numru 416, fl-1 ta’ Novembru 2000 għall-Mistoqsija Numru 20741. Fil-fatt, is-sena l-oħra kienu nxtraw tliet “fast-rigid hull dinghies” li jinġarru fuq il-laneċ il-kbar proprju biex ikunu jistgħu jwettqu xogħol ta’ interċettazzjoni b’ċertu ħeffa u “board & search” f’każ ta’ ħtieġa. L-Iskwadra Marittima tuża’ wkoll “power boat” kull meta tidħol informazzjoni dwar attivitajiet suspettużi f’bajjiet diversi. Xogħol ta’ sorveljanza kien u għadu jsir frekwentament kemm bil-baħar kif ukoll mill-ajru u kemm mal-kosta kif ukoll ’il barra minnha.
Leg 9 PQ #27559 Sitting 587 2001-07-20 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Villa Francia

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk Villa Francia f'Ħal Lija li tħalliet biex tkun residenza għall-Prim Ministru tal-ġurnata għal x'hiex se tintuża? X'inhu ix-xogħol li qed isir fiha bħalissa? Huwa minnu li matul dawn l-aħħae snin saru diversi serqiet mill-villa li kien jinkludi wkoll ġebel dekorattiv?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda rapport ta’ serq minn Villa Francia f’dawn l-aħħar snin mindu l-Gvern ħadha f’idejh. Rigward l-ewwel żewġ partijiet tad-domanda nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 10373.
Leg 9 PQ #27496 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AFM — Promozzjonijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid, b'riferenza għall-promotions li ngħataw dan l-aħħar fl-Armata, għaliex l-uffiċjal li ismu qiegħed jintbagħat separatament ma ngħatax il-promotion għal surġent fuq il-premessa li ma għandux it-trade B2, filwaqt li l-uffiċjal li isimha qiegħed jintbagħat separatament ngħatat il-promotion minn gunner anke jekk ma għandhiex la t-trade B3 u lanqas it-trade B2 iżda fuq rakkomandazzjoni?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jien infurmat li l-ewwel individwu msemmi fil-mistoqsija ma kellux il-kwalifiki minimi neċessarji biex jiġi kkunsidrat għall-promozzjoni fil-grad ta’ surġent. Jien infurmat ukoll li t-tieni persuna msemmija fl-istess mistoqsija kellha l-kwalifiki kollha meħtieġa biex setgħet tkun ikkunsidrata għall-promozzjoni. Mhux hekk biss, meta l-kwalifiki ta’ din il-persuna jitqabblu mal-kriterji applikati għall-fini ta’ promozzjonijiet fl-Armata, jirriżulta li dawn il-kwalifiki huma ferm superjuri.
Leg 9 PQ #27505 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni kontra l-Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Minstru jagħti l-lista ta' dawk li se jiġu mogħtija l-kumpens wara li d-deċiżjoni tal-kummissjoni kontra l-inġustizzji ma twettqitx?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Konformi ma’ l-Ordinijiet Permanenti tal-Kamra Nru 27(1) ma jidhirlix li għandi nagħti l-ismijiet mitluba.
Leg 9 PQ #27508 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Inġustizzji — Kumpens

Question

In vista ta' dak li tħabbar dan l-aħħar f'ġurnal lokali dwar il-kumpens li l-gvern se jagħti lil dawk li l-kummissjoni għall-inġustizzji ddeċidiet li għandhom jieħdu kumpens iżda ma nagħatalhomx, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk dan il-kumpens hux se jingħata wkoll lil dawk li t-tribunal għall-investigazzjoni ta' l-inġustizzji ddeċieda li għandhom jieħdu l-kumpens, iżda wkoll dan ma ngħatalhomx?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Att Nru VIII ta’ l-1997 għat-twaqqif tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji diġà jipprovdi li t-Tribunal jista’ jirrakkomanda li jsir ħlas ta’ kumpens finanzjarju ta’ mhux aktar minn Lm5000 meta ma jkunx possibbli li t-Tribunal jordna rimedju kompensattiv.
Leg 9 PQ #27522 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta' Inġustizzja

Question

Fid-dawl ta' dak li ġie rrapportat fil-media lokali, jista' l-Prim Minstru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li nstab ġustifikat fl-ilment li kien għamel quddiem l-uffiċċju tal-kummissjoni għall-investigazzjoni ta' inġustizzja (Ref1717) huwiex ser jingħata l-kumpens imsemmi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Kif ħabbart fil-Konferenza Stampa li tajt fl-10 ta’ Lulju 2001, il-Gvern approva li jingħata kumpens finanzjarju lil dawk il-persuni li kienu resqu l-ilment tagħhom quddiem il-Kummissjoni għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji u li minkejja l-fatt li l-Kummissjoni ddeċidiet li l-ilment tagħhom hu ġustifikat u li l-Gvern laqa’ r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, xorta waħda baqgħu mingħajr rimedju. Fil-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, il-Gvern kien laqa’ parti biss mir-rakkomandazzjoni li għamlet il-Kummissjoni. Ir-rikkorent fil-fatt irċieva kumpens għall-parti ta’ rakkomandazzjoni aċċettata mill-Gvern.
Leg 9 PQ #27533 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — PWD - Apprendisti

Question

Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari nru. 27322?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li n-numru ta’ apprendisti li daħlu mal-“Public Works Department” f’Diċembru 1975 kien ta’ 169 u f’Ġunju 1976 kien ta’ 220. Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Gazzetta tal-Gvern “Skema ta’ Apprendistat fis-snajja tal-Bini” maħruġa fid-29 ta’ Lulju 1975 li tinkludi fost affarijiet oħra il-kundizzjonijiet marbuta ma’ l-ingaġġ għal dawn l-apprendisti.
Leg 9 PQ #27545 Sitting 586 2001-07-20 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk l-impjegati fiċ-ċivil li huma impeduti li jistgħu jagħmlu xogħol jew ikollhom kumpanniji privati, lanqas jekk kellhom jagħmlu talba f'dan is-sens lill-awtoritajiet taċ-ċivil?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li skond is-sejħiet għal mili ta’ postijiet maħruġa mill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku, uffiċjali pubbliċi fil-gradi professjonali ta’ Avukati, Periti u Inġiniera ma jistgħux jagħmlu xogħol privat. L-uffiċjali pubbliċi fil-gradi l-oħra kollha jistgħu jagħmlu xogħol privat jew ikollhom kumpanniji privati, dment li jkun hemm il-permess meħtieġ tas-Segretarju Permanenti tagħhom, li x-xogħol privat isir wara l-ħin tax-xogħol tagħhom mal-Gvern u li ma jkun hemm l-ebda konflitt ta’ nteress max-xogħol uffiċjali tagħhom .
Leg 9 PQ #27479 Sitting 585 2001-07-18 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lista ta' l-Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 25615?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba għadha qegħda tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #27473 Sitting 584 2001-07-18 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mosta

Question

JIsta' l-Prim Ministru jinfurmani x'passi ħa dwar kopja ta' ittra ta' 24 ta' Novembru 2000 li residenti Mostin bagħtu dwar l-ilmenti tagħhom li tagħhom qed nibgħat kopja separatament? Jista' jinfurmani xi progress sar u x'inhija s-sitwazzjoni dwar l-ilmenti pendenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-ittra msemmija fil-mistoqsija kienet indirizzata lill-Awtorità’ ta’ l-Ippjanar u ikkupjata lili għall-informazzjoni. Għalhekk nitlob l-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija lil Ministru responsabbli.
Leg 9 PQ #27423 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: VICTOR GALEA PACE To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Principal Occupational Therapist

Question

Jista' l-Onor. Prim Ministru jassigura lill-Kamra illi l-applikanti kollha għall-post ta' principal occupational therapist li ħarġet fid-29 ta' Awwissu 2000 kienu eliggibbli biex japplikaw? Jista' l-Prim Ministru jassigura lill-Kamra illi ma kienx hemm ħadd li meta applika għall-post ta' principal occupational therapist kien għadu ma ħax il-grad ta' assistant principal occupational therapist kif titlob l-applikazzjoni? Jista' l-Prim Ministru jagħti l-ismijiet ta' l-applikanti għall-post ta' principal occupational therapist meta kisbu l-kwalifika meħtieġa biex ikunu jistgħu japplikaw għal dan il-post?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kien hemm disa’ applikanti għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-mili ta’ vakanzi fil-grad ta’ “Principal Occupational Therapist”. Fil-fatt, fid-data ta’ l-għeluq tas-sejħa, i.e. fit-22 ta’ Settembru 2000, kien hemm żewġ applikazzjonijiet biss, iżda l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ddeċidiet li applikazzjonijiet li saru minn tmien uffiċjali oħra (waħda minn dawn it-tmienja kienet diġà applikat ma’ l-ewwel tnejn) wara d-data ta’ l-għeluq tas-sejħa kellhom jiġu aċċettati għax dawn l-uffiċjali kienu ġew maħtura “Assistant Principal Occupational Therapists” b’effett mit-22 ta’ Settembru 2000, fuq rakkomandazzjoni li l-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għamlet fl-14 ta’ Settembru 2000. Il-Kummissjoni deherilha li ġa ladarba dawn l-uffiċjali fid-data ta’ l-għeluq teknikament kellhom il-ħatra ta’ “Assistant Principal Occupational Therapist” ma kienx ikun korrett li jiġu esklużi minn dan il-proċess ta’ l-għażla. Minħabba li l-proċess ta’ l-għażla għadu sejjer, il-Kummissjoni ma tixtieqx li jingħataw dettalji ta’ l-applikanti f’dan l-istadju. Din l-informazzjoni tkun aċċessibbli meta jiġi ppublikat ir-riżultat.
Leg 9 PQ #27454 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ċivil

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu fiċ-Ċivil li bħalissa jinsabu sospiżi minħabba li għandhom każ pendenti kriminali fil-qorti? X'akkużi għandhom fil-konfront tagħhom? Liema huma dawk li jaħdmu maċ-ċivil li għandhom każ pendenti l-qorti u m'humiex sospiżi mix-xogħol? X'akkużi għandhom kontrihom u fejn jinsabu stazzjonati? Fil-każijiet kollha, jista' l-Prim Ministru jagħti d-data ta' meta l-persuni tressqu l-Qorti u quddiem liema maġistrat qiegħed jinstema' l-każ tagħhom li għadu pendenti?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Bid-dħul fis-seħħ tar-Regolamenti l-ġodda tad-Dixxiplina fl-1 ta’ Frar 2000, il-każijiet ta’ l-uffiċjali pubbliċi li jkunu nvoluti f’każijiet kriminali, m’għadhomx iżjed jgħaddu mill-Uffiċċju tiegħi, ħlief dawk fejn l-uffiċjali nvoluti jkunu nterdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga tagħhom. Ninsab infurmat li bħalissa hemm tlieta u erbgħin uffiċjal pubbliku li huma interdetti. L-informazzjoni mitluba dwar x’inhuma l-akkużi kriminali kontrihom, tinsab fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Id-dettalji dwar id-data meta tressqu l-Qorti dawn l-uffiċjali pubbliċi u quddiem liema Maġistrat qiegħed jinstema’ l-każ tagħhom, ma jinżammux. Dwar il-każijiet ta’ l-uffiċjali pubbliċi li ma jkunux ġew interdetti, nistieden lill-Onorevoli Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri rispettivi. Fir-rigward tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tiegħi, ninsab infurmat li m’hemm l-ebda uffiċjal pubbliku li għandu xi każ kriminali pendenti u li ma ġiex interdett.
Leg 9 PQ #27455 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inġustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-rakkomandazzjoni li ta' t-tribunal għall-investigazzjoni tal-ingustizzji wettaq? Liema kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, meta ngħatat is-sentenza u meta ngħata r-rimedju? Fil-każijiet li l-qorti rrakomandat rimedju u s'issa għadu ma ngħatax, għaliex ma ngħatax, u meta se jingħata? F'kull każ li twettqet ir-rakkomandazzjoni kemm kien il-kumpens li ngħata lil kull individwu u kemm kienet l-ispiża tal-Korporazzjoni jew dipartiment li kellu jagħti promozzjoni b'data lura rakomandata mill-Imħallef Lino Farrugia Sacco.

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

It-tagħrif qiegħed jinġabar u jingħata f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #27481 Sitting 583 2001-07-17 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Breakdown

Question

Jista' l-Ministru jgħid ġaladarba l-Gvern sejjer jagħmel l-ex-gratia payment lill-dawk l-impjegati li sofrew xi inġustizza, jista' jgħid breakdown detaljat dwar liema raġunijiet jew kif kienu raġunijiet jew kif kienu klassifikati dawn l-inġustizzji? (eż. promotions)

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li r-raġunijiet mitluba mill-Onorevoli Interpellant għall-inġustizzji huma dawn li ġejjien: - Dewmien fil-promozzjoni - Telf ta’ promozzjoni - Qbiż fil-promozzjoni - Nuqqas ta’ promozzjoni - Żball Amministrattiv - Nuqqas ta’ Ħatra - “Demotion” kif jidhru mit-tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #27295 Sitting 580 2001-07-13 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Uffiċjal Prinċipali

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' applikazzjonijiet li intefgħu għal post ta' Uffiċjal Prinċipali tas-Sigurta' fit-Taqsima tax-Xogħlijiet (MPO Circular 39/01)

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kien hemm tmien applikazzjonijiet għall-post ta’ Uffiċjal Prinċipali tas-Sigurtà fit-Taqsima tax-Xogħolijiet wara li saret sejħa għall-applikazzjonijiet maħruġa fit-8 ta’ Mejju, 2001 permezz ta’ Ċirkulari tal-“Management and Personnel Office” Numru 39/01.
Leg 9 PQ #27322 Sitting 579 2001-07-13 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — PWD - Apprendisti

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kemm daħlu apprendisti mal-PWD f'Diċembru 1975 u Ġunju 1976? Jista' jgħid jekk dakinhar kienx hemm xi kundizzjonijiet speċjali, bħal garanzija li ser jidħlu mal-gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #27026 Sitting 578 2001-07-11 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

AEC Supervisors

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-AEC Supervisors u dawk kollha li ħadmu fl-aħħar elezzjonijiet tal-kunsilli lokali għadhom ma tħallsux?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-“Assistant Electoral Commissioners”, “Supervisors” u dawk kollha li ħadmu fl-aħħar elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali ser jitħallsu matul dan ix-xahar.