Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-rejazzjoni tal-Forzi Armati ta' Malta għad-defiċjenzi kbar fis-sigurta' ta' postijiet strateġiċi ta' pajjiżna li ġew żvelati fil-programm televisiv ta' TVM - Bondicini?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li l-Forzi Armati qegħdin jinvestigaw il-każ bil-għan li jiġu stabbiliti l-fatti kollha sabiex, jekk ikun hemm il-bżonn, jittieħdu l-passi meħtieġa.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tad-dipartiment ta' l-informazzjoni għar-rapport li deher f'La Republica, il-ġurnal influwenti Taljan, li Malta hija waħda mill-'paradisi fiscali' li għandhom jiġu mgħarbla sew dwar il-possibilta' ta' ħasil ta' fondi konnessi mal-grupp terroristiku ta' Bin Laden?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jispeċifika d-data tal-ħarġa tal-ġurnal “la Repubblica” li fiha deher ir-rapport imsemmi fil-mistoqsija.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' uffiċjali tal-gvern fid-diversi ministeri li qed jieħdu l-market correctivity allowance? X'inhuma l-kriterji biex wieħed jikkwalifika għal din l-allowance? Minn meta ġiet approvata mill-gvern? Taħt liema kundizzjonijiet tingħata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-“market correctivity allowance” titħallas biss f’każijiet fejn il-Gvern isibha ħafna diffiċli biex jimla postijiet ta’ ċerta sfida fis-Servizz Pubbliku minħabba l-iskarsezza fis-suq u fis-Servizz Pubbliku ta’ persuni bil-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa.
Din l-allowance kienet approvata li tingħata lid-Direttur u lill-“Manager” tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin f’Marzu 2001 u f’Lulju 2001 rispettivament, lid-Direttur tat-“Tax Complaince Unit” fi Frar 2001 u l-“Chief Information Management Officer” (CIMO) f’Awissu 2001.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati mal-Gvern , dipartiment b'dipartiment, nies ġodda matul l-1999, 2000 - 2001, u f'liema kategorija ġew ingaġġati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari nru. 27758, kemm hemm persuni fil-Forzi Armati li għandhom rekord kriminali? X'reati wettqu l-membri tal-Forzi Armati li kellhom xi kundanna ta' natura kriminali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ persuni li qegħdin iservu fil-Forzi Armati u li kellhom xi kundanna ta’ natura kriminali hu ta’ 49. Informazzjoni dwar ir-reati hi skond kif tidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex minn żmien għal żmien il-membri tal-forzi armati jiġu screened biex jiġu eżaminati jekk ikunux qed jieħdu d-drogi? Matul din is-sena fuq kemm membri tal-Forzi Armati sar dan l-iscreening?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li minn żmien għal żmien membri tal-Forzi Armati jintalbu jagħmlu ‘urine tests’ li huma mmirati propju biex jinqabdu dawk li jabbużaw bid-drogi. Mill-1 ta’ Jannar sat-3 ta’ Settembru ta’ din is-sena saru sittin test.
Jien infurmat ukoll li dawk kollha li jidħlu membri ġodda fil-Forzi Armati jagħmlu l-istess testijiet.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma dawk l-impjegati tal-gvern li għandhom karozza tal-gvern? Jista' jagħti l-ismijiet u l-gradi ta' dawn il-persuni?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-impjegati tal-gvern fil-Ministeru tiegħi li għandhom korozza tal-gvern huma:
Is-Segretarju Permanenti, is-Segretarju tal-Kabinett, id-Diretturi Ġenerali, id-Diretturi, il-Kummissarju Elettorali Prinċipali, is-Segretarju tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, il-Kap tad-“Defence Section”, il-“Principal Information Officer”, l-“EU Negotiations Coordinator (Operations)” u dawk il-persuni fis-Segretarjat Privat tiegħi li huma intitolati għal korozza skond id-dokument “Engagement of Staff for Private Secretariats” li tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra fit-2 ta’Novembru 1998.
Fil-Forzi Armati dawk il-fizzjali li għandhom il-grad ta Logutenent Kurunell jew ogħla għandhom il-faċilita’ li jużaw “staff car” u sewwieq għal waqt il-ħin tax-xogħol kif ukoll għal obbligi uffiċjali wara l-ħin.
Rigward impjegati f’Ministeri oħra, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministri individwalment.
Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema gradi qegħdin dawk il-ħaddiema kollha li ddaħħlu full-time mal-gvern minn Settembru 1998 'il quddiem? F'liema gradi kienu dawk li spiċċaw fl-istess żmien?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi n-numru u l-gradi tal-ħaddiema li ġew impjegati mas-Servizz Pubbliku bejn Settembru 1998 u l-31 ta’ Awissu 2001, kif ukoll dawk li spiċċaw matul l-istess perjodu, huma kif jidhru f’tabelli ‘A’ sa ‘D’ li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm jammontaw il-ħaddiema li minn Settembru 1998 sal-lum ġie terminate l-impjieg jew irriżenjaw mill-impjieg tagħhom, kemm minn mal-Gvern (ikluż iċ-Ċivil), korpi Parastatali, azjendi li l-gvern b'xi mod għandhu sehem fihom, Awtoritajiet u kull entita li taqa b'xi mod taħt ir-responsabilita' tal-gvern?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi minn Settembru 1998 sas-26 ta’ Lulju 2001, spiċċaw 3,025 persuna minn mas-Servizz Pubbliku.
Matul l-istess perjodu, spiċċaw ukoll 99 persuna minn ma entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni dwar korporazzjonijiet u entitajiet pubbliċi oħra, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru Konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm daħlu nies fi grades industrijali mal-gvern u f'liema gradi minn Settembru 1998 sal-lum, sena b'sena, fis-servizz pubbliku kif ukoll f'entitajiet oħra bħal korporazzjonijiet u kumpanniji tal-gvern eċċ. entita', entita'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi minn Settembru 1998 sal-lum, daħlu 574 persuna mas-Servizz Pubbliku fi gradi Industrijali. Il-gradi tagħhom u s-sena meta daħlu huma kif jidhru hawn taħt :-
Sena
Grad
Numru ta’ Impjegati
1998
Xejn
0
(6 ta’ Settembru – 31 ta’ Diċembru)
1999
xejn
0
2000
Butcher
6
Labourer (Ex AWTS)
98
Labourer (Ex Impressed Driver)
466
2001
Butcher
2
(1 ta’ Jannar – 25 ta’ Lulju)
Labourer (Ex Impressed Driver)
2
Total
574
Fl-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi ma kien impjegat ħadd f’dawn il-gradi.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi li fl-istess perjodu, jiġifieri bejn 1998 u 2001, 702 impjegat fi grad Industrijali, temmew l-impjieg tagħhom mal-Gvern.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq x’informazzjoni dwar korporazzjonijiet/entitajiet pubbliċi oħra, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fid-dawl tal-membri tal-Forzi Armati li ġew arrestati dan l-aħħar fuq involviment fin-negozju u traffikar tad-drogi, xi screening isir dwar il-karattru, ir-reputazzjoni u l-fedina penali tal-persuni li jiġu reklutati fil-Forzi Armati?
Hemm persuni fil-Forzi Armati li għandhom rekord kriminali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li dawk kollha li japplikaw biex jidħlu fil-Forzi Armati jridu jippreżentaw ċertifikat nadif tal-kondotta li ma jridx ikun inħareġ iktar minn sitt xhur qabel id-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet. Jiġi aċċertat ukoll li ħadd mill-applikanti ma jkun tkeċċa minn xi Forza oħra ta’ sigurta’ bħal ngħidu aħna Pulizija jew Gwardjan il-ħabs. Barra minn hekk, qabel l-ingaġġ, l-individwi kollha jiġu mistoqsijin jekk qattx kienu nvoluti f’xi każ il-Qorti. Jekk eventwalment jinstab li xi ndividwu jkun ta dikjarazzjoni falza, jittieħdu passi dixxiplinarji li jistgħu jwasslu wkoll għal tkeċċija mis-Servizz.
It-tweġiba għat-tieni parti tal-mistoqsija hija li hemm membri tal-Forżi Armati li kellhom xi kundanna ta’ natura kriminali.
JIsta' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 26576?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi mis-6 ta’ Settembru 1998 sal-lum, ġew impjegati 3119 persuna mas-Servizz Pubbliku b’impjieg permanenti u spiċċaw mill-impjieg 2991.
Matul l-istess perjodu, ġew ingaġġati 95 membru mal-Forza Regolari, kif ukoll 27 voluntiera fil-Forza ta’ Emergenza ta’ Riserva, tal-Forzi Armati ta’ Malta. Matul l-istess żmien spiċċaw 119 mill-Forza Regolari.
Dettalji ta’ meta daħlu dawn il-ħaddiema jinsabu f’tabelli ‘A’ sa ‘E’ li qiegħed inpoġġi fuq il-Medja tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-rakkomandazzjoni li ta' t-tribunal għall-investigazzjoni tal-ingustizzji wettaq? Liema kienu dawn ir-rakkomandazzjonijiet, meta ngħatat is-sentenza u meta ngħata r-rimedju? Fil-każijiet li l-qorti rrakomandat rimedju u s'issa għadu ma ngħatax, għaliex ma ngħatax, u meta se jingħata? F'kull każ li twettqet ir-rakkomandazzjoni kemm kien il-kumpens li ngħata lil kull individwu u kemm kienet l-ispiża tal-Korporazzjoni jew dipartiment li kellu jagħti promozzjoni b'data lura rakomandata mill-Imħallef Lino Farrugia Sacco.
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li, s’issa, kien hemm 159 rapport fejn it-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji sab li l-ilment hu ġustifikat u għamel rakkomandazzjoni favur ir-rikorrent. Minn dawn, 108 ġew konklużi.
Fil-każijiet fejn it-Tribunal irrakkomanda rimedju u, s’issa, dan għadu ma ngħatax hemm:
- każ fejn il-mertu ta’ l-ilment ġie ċedut;
- każ fejn id-deċiżjoni qed tiġi kkontestata;
- żewġ każi fejn intalbet ritrattazzjoni; u,
- tmien każi fejn il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku ddeċidiet li ma tistax tattwa r-rakkomandazzjoni tat-Tribunal.
l-oħrajn, ħafna minnhom aktarx reċenti, għandhom qed jiġu pproċessati. Il-proċeduri stabbiliti jridu jiġu segwiti u, għaldaqstant, mhux magħruf meta jkun jista’ jingħata rimedju.
Biex jinġabar it-tagħrif l-ieħor mitlub mill-Onoroveli Interpellant jinħtieġ volum kbir ta’ xogħol. Barra minn hekk, kif għidt drabi oħra, ma nħossx li hija etika li ċertu tagħrif jingħata. Li nista’ ngħid hu li, s’issa, il-Gvern u l-Korporazzjonijiet diġa ħallsu mal-Lm223,437 f’kumpens jew arretrati tad-differenza fis-salarju.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Kumpanija Proximus hijiex tagħmel xi xogħol ta' relazzjonijiet pubbliċi jew xogħol ieħor relatat mal-Ministeru tiegħu, jew xi kumpanija, agenzija jew entita oħra li taqa' taħt ir-responsabilita' tiegħu?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid: X'inhu t-tip ta' xogħol? Kif saret l-għażla tal-kumpanija? Jekk saritx sejħa għall-offerti jew inkella ingħatax b'direct order? Meta l-entita' bdiet tagħmel użu mis-servizzi ta' din il-kumpanija? Xi ħlas sar lil din il-kumpanija min mindu din ingħatat ix-xogħol? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija fit-12 il-xahar li ġejjien? Xi ħlas mistenni jkun dovut lil din il-kumpanija sat-terminu tal-kuntratt, fejn huwa l-każ? Xi inhuwa it-terminu tal-kuntratt fejn huwa l-każ?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li bħalissa qegħdin jaqdu l-funzjoni ta' direttur ġenerali ta' dipartiment mingħajr ma għandhom kuntratt iffirmat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li bħalissa hemm żewġ Diretturi Ġenerali li għadhom ma ffirmawx il-“performance agreement”.
Wieħed minn dawn il-kuntratti ma ġiex iffirmat minħabba illi l-ħatra saret ftit tal-jiem ilu.
Jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-inkjeta tal-Forzi Armati dwar l-allegazzjoni li tiri ta' twissija tal-Armata laqtu dgħajsa ta' sajjieda Maltin? X'passi jistgħu jittieħdu kontra min jirriżulta li żbalja waqt il-qadi ta' dmirijietu fil-FAM?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-inkjesta dwar l-inċident imsemmi ntalbet li ssir mill-Kmandant tal-Forzi Armati lill-Kummissarju tal-Pulizija, li din qegħda titmexxa minn Maġistrat u li għadha għaddeja.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 27423, jista' l-Prim Ministru jaċċerta lil Kamra li l-persuna li isimha u d-dettalji tagħha qegħdin jintbagħtu kunfidenzjalment fil-fatt kellha l-grad ta' assistent principal occupational therapist qabel ma għalqu l-applikazzjonijiet għall-principle occupational therapist skond kif spjegat fid-domanda? Jekk fl-affermattiv, jista' jinforma lill-Kamra bid-data
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-persuna msemmija ma kellhiex il-grad ta’ “Assistant Principal Occupational Therapist” sad-data ta’ l-għeluq ta’ l-applikazzjonijiet għal “Principal Occupational Therapist”, jiġifieri sat-22 ta’ Settembru 2000.