Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #29058 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Watchmen

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm watchmen impjegati fis-Servizz Pubbliku? F'liema dipartiment qed iservu? Fuq liema roster ta' ħin qed jaħdmu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi n-numru ta’ impjegati fil-grad ta’ “watchman” mad-dipartimenti tal-Gvern huwa ta’ 83. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi f’liema dipartimenti qed iservu dawn l-impjegati. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, nistieden lill-Onorevoli Interpellant jagħddiha lill-Ministri rispettivi.
Leg 9 PQ #29091 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ministeri — Allowances

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm inħarġu allowance varji mill-Ministeru/Dipartimenti lil impjegati matul din is-sena? Jista' wkoll jgħid grad grad min ibbenifika minn dawn l-allowance u kemm ħadu kull grad? X' tip t' allowance ħadu l-imsemmija impjegati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #29267 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tribunal għall-Investigazzjoni ta' Ingustizzji

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiġi implimentata s-sentenza tat-Tribunal ta' l-Ingustizzji li d-dettalji tas-sentenza qed jintbagħtu separatament u dan peress li l-istess sentenza ingħatat fit-13 ta' Frar 2001?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fuq il-każ imsemmi diġa saret rakkomandazzjoni lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku sabiex tiġi implimentata d-deċiżjoni tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ l-Inġustizzji, iżda l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tistax tagħmel ir-rakkomandazzjoni meħtieġa. Għalhekk ir-rakkomandazzjoni tat-Tribunal għall-Investigazzjoni ta’ Inġustizzji f’dan il-każ ma tistax tiġi implimentata.
Leg 9 PQ #29346 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: MICHAEL BONNICI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Management & Personal Office

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li ħaddiema li kienu jaħdmu mal-RDC fid-dipartiment ta' l-Ambjent u ġew trasferiti mad-dipartiment ta' l-agrikoltura għandhom ma ġewx hekk ikkonfermati mill-management & personal office (MPO) ? Meta hemm il-ħsieb li din il-materja tiġi ikkonfermata?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li l-ħaddiema li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant ġew trasferiti “on loan” fis-snin 1997 u 1998 mill-“RDC” fid-Dipartiment ta’ l-Ambjent għad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura mingħajr l-approvazzjoni tal-“Management and Personal Office” minħabba li l-Agrikoltura ma kellux fondi biex ikopri l-pagi tagħhom skond il-“policy” ta’ dak iż-żmien. Il-passi neċessarji issa ttieħdu mill-“Management and Personnel Office” biex it-“transfer” ta’ tlieta minn dawn il-ħaddiema jiġi effettwat. Fil-każ ta’ persuna oħra it-“transfer” għadu qiegħed jiġi kkunsidrat.
Leg 9 PQ #29350 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Safar

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intefaq fuq safar bejn l-1 ta' Jannar 2001 u l-aħħar ta' Settembru 2001 fil-Ministeru li jaqa taħt ir-responsabbilita tiegħek? Kemm min dan l-infieq kien fuq safar relatat mal-applikazzjoni ta' Malta biex issir membru sħiħ tal-Unjoni Ewropeja?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #29361 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Overtime

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid liema skali fis-settur taċ-ċivil mhumiex intitolati li jitħallsu għax-xogħol li jsir barra 'l ħin normali tax-xogħol? F' dawn l-iskali li mhux suppost jitħallsu għall-ħin barra x-xogħol normali, hemm xi gradi fejn teżisti eċċezzjoni? Liema huma?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-uffiċjali pubbliċi li huma fuq skala ogħla minn Skala 7 mhumiex intitolati li jitħallsu tax-xogħol li jagħmlu barra l-ħin normali tax-xogħol tagħhom. Hemm diversi “Reform Agreements” li jipprovdu li uffiċjali fuq skala għola minn Skala 7 jingħataw kumpens f’forma ta’ “allowance” meta jkollhom jaħdmu barra l-ħin normali tax-xogħol tagħhom jew fuq bażi regolari jew fuq doveri ta’ natura straodinarja. Bħala eżempju nista’ nsemmi l-uffiċjali fil-gradi legali, mediċi u ta’ inġinerija
Leg 9 PQ #29411 Sitting 632 2001-11-05 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tariffi

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħtini lista taż-żiedet fit-tariffi kemm permezz ta avviżi legali kif wkoll mhux permezz ta' dawn, li l-Gvern introduċa minn Novembru 2000 sal-lum, inklużi xi korporazzjonijiet jew awtoritajiet/instituzzjonijiet li jistgħu jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? F'dawn il-każi tistax tindika kif kienu it-tariffi qabel dik id-data u kif saru illum?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #29067 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Inspectors

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm l-ispezzjoni fuq impjegati fid-dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabilita' tiegħu saru matul din is-sena? Min qed ikun inkarigat minn dan ix-xogħol u kemm hemm impjegati li qed jaħdmu bħala jew iservu ta' inspectors?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li fid-dipartimenti li jaqgħu fid-dikasteru tiegħi m’hemmx impjegati li jagħmluha ta’ “inspectors”. Kull Kap ta’ Dipartiment u kull Kap ta’ sezzjoni jagħmel dak li hu meħtieġ biex l-impjegati li jaqgħu taħtu jaqdu d-doveri tagħhom kif suppost.
Leg 9 PQ #29181 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ward Clerks

Question

B' referenza għall-mistoqsija parlamentari numru 28666 dwar il-pagi tal-ward clerks, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar is-sitwazzjoni tal-pagi tal-ward clerks fl-isptarijiet kif ġie spjegat permezz tal-mistoqsijiet parlamentari nurmi 298 (27.08.01) u 28666 (08.10.01) rispettivament?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-“Ward Clerical Assistants” jidħlu fi skala ta’ salarju 18 u wara ħames snin servizz jitilgħu għal skala 17 li l-massimu tagħha llum huwa ta’ LM3,926. Dan il-grad, għandu l-istess salarju ta’ gradi industrijali fi Grupp III Ninsab infurmat illi l-livell tal-paga huwa kompatibbli mad-doveri mistennija minn dawn il-gradi.
Leg 9 PQ #29214 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Expression of Interest

Question

Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument Expression of Interest - Landscaping and Embellishments maħruġ mill-Private Public Partnership Unit?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument mitlub.
Leg 9 PQ #29244 Sitting 628 2001-10-30 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Impjegati

Question

1 Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' impjegati kollha grad bi grad u dipartiment b' dipartiment, li huma ingaġġati bħala konsulenti, part timers, casuals jew b' xi kuntratt ta' xogħol fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? 2 Kemm huwa l-ħlas/remunerazzjoni li qiegħed jirċievi kull impegat? 3 Min awtorizza tali impieg? 4 Hemm xi benefiċċji oħra marbuta ma' tali impieg? 5 Hemm minnhom xi impjegati li uffiċjalment spiċċaw mis-servizz tal-Gvern bl-eta'?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra
Leg 9 PQ #29064 Sitting 627 2001-10-29 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Trasferimenti ta' Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm it-trasferiment ta' impjegati sar matul is-sena? Jista' jgħid f'liema gradi huma dawn l-impjegati? Kemm minnhom talbu huma li jiġu trasferiti u kemm minnhom ġew trasferiti mingħajr ma talbu huma?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li kien hemm 196 “transfer” minn Ministeru għal ieħor li ġew approvati mill-“Management and Personnel Office” bejn l-1 ta’ Jannar, 2001 u d-19 ta’ Ottubru, 2001. Dawn l-impjegati huma mqassma kif ġej: Gradi Servizz Ġenerali 92 Gradi ta’ Messaġġiera 4 Gradi Dipartimentali 44 Gradi Tekniċi 12 Gradi Industrijali 44 Dawn it-trasferimenti saru: 116 fuq talba ta’ l-impjegati stess 49 minħabba esiġenzi tas-servizz 31 f’Segretarjati Privati tal-Ministri jew tas-Segretarji Parlamentari Fil-każ ta’ “transfers” bejn dipartimenti fl-Uffiċċju tiegħi, ġew approvati tliet transfers fil-gradi “Servizzi Ġenerali” u wieħed fil-gradi ta’ Messaġġiera. Tlieta minn dawn it-“transfers” saru fuq talba ta’ l-impjegati stess u l-ieħor minħabba esigenżi tas-servizz. Tagħrif dwar “transfers” li ngħataw minn dipartiment għal ieħor f’Ministeri oħra bl-approvazzjoni tas-Segretarji Permanenti rispettivi għandu jintalab lill-Ministri risponsabbli.
Leg 9 PQ #29166 Sitting 627 2001-10-29 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Reduced Hours

Question

Jista' l-Ministru jgħati d-dettalji li taħthom fil-preżent ħaddiema nisa fis-settur pubbliku jistgħaw jaħdmu reduced hours? Hemm xi ħsieb li dawn il-konċessjonijiet jiġu estiżi fil-ġejjieni qarib?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Skond Appendiċi A taċ-Ċirkolari Nru OPM/25/99 dwar is-siegħat imnaqqsa, uffiċjali fis-settur pubbliku li ilhom jaħdmu “full time” għal sena (kemm irġiel u nisa) minbarra: (a) dawk li huma fuq “Performance Agreement”/qegħdin fuq kuntratt b’kundizzjonijiet determinati minn qabel, (b) suldati fl-Armata ta’ Malta, jew (c) uffiċjali fi klassi Edukattiva jistgħu jaħdmu fuq ”reduced hours” jekk: i) huma f’perjodu ta’ “Parental Leave” jew huma intitolati għall- “Parental Leave” jekk japplikaw. Il-“Parental Leave” hu “leave” bla ħlas li jingħata lill-ġenituri sa massimu ta’ erba snin biex jieħdu ħsieb it-tifel/tifla tagħhom. F’dawn il-każi is-siegħat imnaqqsa jistgħu jittieħdu sakemm it-tifel/tifla tilħaq l-eta’ ta’ tmien snin; jew ii) huma f’perjodu ta’ “Responsibility Leave” jew huma intitolati għar-“Responsibility Leave” jekk japplikaw. Ir-“Responsibility Leave” hu “leave” bla ħlas li jingħata sa massimu ta’ sena li jista jiġi mġedded biex l-uffiċjal jieħu ħsieb xi ġenituri anzjani, tfal jew raġel/mara li jkunu b’diżabilita’ u jkunu dipendenti fuqhom; jew iii) għandhom il fuq minn ħamsin (50) sena u jipproduċu ċertificat mediku mingħand speċjalista li għal raġunijiet mediċi jew raġunijiet umanitarji u familjari serji, ma jistgħux jattendu għax-xogħol fuq bażi “full time”. Impjegati nisa/rġiel li huma eliġibli jistgħu jitolbu li jaħdmu siegħat imnaqqsa għal raġunijiet oħra. F’dan il-każ huwa l-kap tad-Dipartiment li jiddeċiedi jekk hemmx ġustifikazzjoni li dawn l-uffiċjali jaħdmu fuq siegħat imnaqqsa. Nisab infurmat li għalissa m’hemmx il-ħsieb li dawn il-konċessjonijiet jiġu estiżi fil-ġejjieni qarib
Leg 9 PQ #29055 Sitting 626 2001-10-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm impjegati li huma preżentament sospiżi mis-Servizz Pubbliku? F'liema grad jokkupaw? Għal liema raġunijiet ġew sospiżi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li bħalissa hemm 47 uffiċjal pubbliku li jinsabu interdetti mill-eżerċizzju tas-setgħat u tal-funzjonijiet tal-kariga taghħom. L-informazzjoni l-oħra mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #29056 Sitting 626 2001-10-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati li tkeċċew mis-servizz pubbliku minħabba imġieba ħażina matul is-snin 1999, 2000 u 2001 separatament ? Xi grad kienu jokkupaw u f'liema dipartiment kienu jaħdmu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tinsab fit-tabelli A u B li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #29058 Sitting 626 2001-10-24 Oral · Interim From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Watchmen

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm watchmen impjegati fis-Servizz Pubbliku? F'liema dipartiment qed iservu? Fuq liema roster ta' ħin qed jaħdmu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #29050 Sitting 625 2001-10-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Forzi Armati ta' Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid meta sar l-aħħar ingaġġ ta' suldati fil-Forzi Armati ta' Malta? Kemm iddaħħlu fl-armata? Meta hemm ħsieb li jsir ingaġġ ieħor fil-Forzi Armati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-aħħar ingaġġ ta’ suldati fil-Forzi Armati ta’ Malta sar skond is-sejħa li saret fil-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta Nru 16,801 ta’ l-4 ta’ Ġunju 1999. Minn din is-sejħa kienu daħlu 84 suldat li ġew ingaġġati fl-1 ta’ Frar 2000. Ninforma l-Onorevoli Membru illi saret sejħa oħra għal ingaġġ ieħor ta’ suldati skond il-ħarġa tal-Gazzetta tal-Gvern Nru 17,061 li ġġib id-data tas-27 ta’ Frar 2001 u li l-proċess għall-istess ingaġġ jinsab fi stadju avvanzat. L-ingaġġ tas-suldati mistenni jsir fil-ġimgħat li ġejjin. Fl-istess Gazzetta saret sejħa għal applikazzjonijiet għal dħul fl-Armata ta’ Uffiċjali Kadetti u permezz ta’ l-istess sejħa ġew ingaġġati 10 Uffiċjali Kadetti fl-1 ta’ Ottubru 2001.
Leg 9 PQ #29051 Sitting 625 2001-10-24 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tħaffir taż-Żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid wara d-diversi aspettativi li kien hawn f'pajjiżna dwar it-tħaffir taż-żejt, jista' l-Prim Ministru jgħid fejn wasslu l-pjanijiet biex isir tħaffir ġdid?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Saru pjanijiet biex jitħaffer bir ġdid iżda l-kuntratt għal dan ix-xogħol għadu ma ġiex konkluż. Il-Kamra tiġi mgħarfa dwar dan meta u jekk dan iseħħ. Nixtieq insemmi li Hardman Resources NL, li kienu ngħataw kuntratt f’Awissu ta’ l-1998, għadhom ma rnexxilhomx isibu kumpanija sieħba biex iħaffru bir fil-Lvant ta’ Malta. Għal dan il-għan il-Gvern diġa estenda l-kuntratt għal diversi drabi.
Leg 9 PQ #28897 Sitting 624 2001-10-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissarju tal-Pulizija

Question

Billi skond l-artikolu 8 tar-regolamenti ta' l-1999 tal-Kummissjoni Dwar is-Servizz Pubbliku (Proċedura ta' Dixxiplina) - Avviż Legali Nru. 186 ta' l-1999, kulmeta jiġri l-uffiċjal pubblika li kontrih ikunu jistgħu jittieħdu proċeduri dixxiplinarji jkun Kap taż Dipartiment, il-Kap tas-Servizz Pubbliku għandu jieħu dik l-azzjoni li l-Kap tad-Dipartiment għandu s-setgħa li jieħu taħt dawn ir-regolamenti; jista' l-Prim Ministru jgħid: 1) jekk ġewx segwiti dawn il-proċeduri fil-każ tal-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech, u jekk le għaliex? 2) billi l-allegazzjonijiet kontra l-Kummissarju tal-Pulizija huma gravi ħafna u jġibu diżunur lil Korp tal-Pulizija, għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija ma ġiex sospiż u nterdett mill-poteri u d-doveri tiegħu skond l-imsemmija regolamenti bħalma dejjem sar fil-konfront ta' uffiċjali oħra tal-Korp appena jiġi stabbilit każ prima facie kontra tagħhom? 3) Għaliex il-Kummissarju tal-Pulizija ingħata u qed jingħata trattament preferenzjali billi jitħalla bil-leave b'rikjesta tiegħu stess u fl-istess ħin jibqa vestit bil-poteri ta' Kummisarju tal-Pulizija

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-passi skond ir-Regolamenti jittieħdu fil-konfront ta’ kulħadd mingħajr diskriminazzjoni. Jidher li l-Onorevoli Interpellant waqa’ vittma ta’ l-istrateġija ta’ ħruġ ta’ informazzjoni li ġiet abbużivament magħmula pubblika dwar inkjesta li fiha ma hemm ebda akkużat s’issa. Il-Kummissarju tal-Pulizija ħareġ bil- leave meta abbużivament ħarġet informazzjoni dwar il-konklużjoni ta’ l-inkjesta li s’issa għad trid tieħu l-kors legali tagħha. Nassigura lill-Onorevoli Membru li l-Kummissarju tal-Pulizija jiġi trattat bħal kull membru ieħor tal-Korp jew aħjar bħal kull Malti skond il-liġijiet u r-regolamenti tal-pajjiż.
Leg 9 PQ #29043 Sitting 624 2001-10-23 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ajruplani Militari

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm ilhom li bdew l-attakki fuq l-Afganistan għaddewx ajruplani militari mill-ispazju ta' l-ajru Malti? Jista' jgħid kemm-il darba għaddew u meta? Jista' jgħid jekk intalabx permess?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nitlob lill-Onorevoli Membru biex jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.