Jista' l-Ministru jagħti dettalji ta' kemm kien hemm ħaddiema fis-settur Pubbliku Governattiv (Civil) li bħala miżura dixxiplinari nżammilhom l-increment bejn l-1991 u l-2001.
Kemm kienu bħala numru, f'liema grad u f'liema dipartimenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru tal-impjegati kollha, inklużi industrijali, grad bi grad u dipartiment b' dipartiment, li kien hemm fid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu fl-1 ta' Jannar 1998 u fl-1 ta' Ottubru 2001?
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx minnhom li huma meqjusa żejda u jekk jeżistux vakanzi f' xi kategoriji ta' impjegati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli li juru l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il rapport resqet il-kummissjoni għar-riforma tas-servizz pubbliku li inti ħtart fis-27 ta' Mejju 1988?
Kemm-il rakkomandazzjoni resqet din il-kummissjoni biex is-servizz ċivili jsir effiċjenti u effettiv?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kummissjoni għar-Riforma tas-Servizz Pubbliku resqet rapport wieħed bit-titolu “A new Public Service for Malta” li ħareġ fi tlett partijiet:
Dawn huma:-
· “A Report on the Organisation of the Public Services”
· “Supplementary Papers”
· “Further Proposals on Administrative Structures, Grading, Staff Development, Selection and Compensation”
Dawn il-partijiet ħarġu fl-Lulju tal-1989, Jannar tal-1990, u Frar tal-1990 rispettivament.
Il-Kummissjoni resqet numru kbir ta’ rakkomandazzjonijiet fl-ewwel u t-tielet parti tar-rapport u dawn jinsabu miġburin f’sommarju fil-parti rispettiva.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ewwel parti tar-rapport tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’Seduta numru 326 nhar il-15 ta’ Diċembru 1989. Iż-żewġ partijiet l-oħra tqiegħdu f’Seduta 369 nhar l-14 ta’ Mejju 1990.
Jista' l-Ministru b'referenza għad-domanda parlamentari numru 18801 u l-oħra preċedenti u anteċedenti jinforma l-Kamra jekk huwiex possibli li jsir pjan sabiex l-Auberge De Castille jiġi miftuh għall-pubbliku u għat-turisti għal żmien qasir matul is-sajf li ġej tas-sena 2002 jew tas-sajf ta wara?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li lest li nikkunsidra viżiti organizzati simili ta’ dawk li rreferrejt għalihom fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari 26637 f’Seduta 561 tal-25 ta’ Ġunju 2001.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 29531?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li n-nefqa fuq ħidma uffiċjali barra minn Malta li saret mill-Jannar 2001 sa’ l-aħħar ta’ Settembru 2001 mill-Uffiċċju tiegħi kienet fil-limiti tas-somma totali ivvutata fl-Estimi Ġenerali għal dan l-iskop.
Il-viżiti li jsiru barra minn Malta jikkombinaw kemm l-aspett ta’ l-Unjoni Ewropea kif ukoll tħaddim tal-politika barranija fuq bażi bilaterali. L-eżerċizzju biex wieħed janalizza n-nefqa ta’ kull viżita biex joħroġ l-element relatat ma’ l-applikazzjoni ta’ Malta għal tisħib fl-Unjoni Ewropea huwa wieħed impossibbli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew intavolati ilmenti quddiem l-ombudsman fl-2000 u kemm minnhom ġew deċiżi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li bħala Uffiċjal tal-Parlament l-Ombudsman huwa indipendenti mill-Gvern eżekuttiv u għalhekk ma jaqax taħt ir-reponsabbilita’ diretta tiegħi.
Skond il-proċedura stabbilita, informazzjoni dwar l-Uffiċċju ta’ l-Ombudsman tista’ tinkiseb jew direttament mingħand l-Ombudsman jew permezz ta’ l-iSpeaker.
F’dan il-każ kopja tal-mistoqsija għaddejta lill-Ombudsman.
Jista' l-Prim Ministru jgħid għal kull dipartiment, korporazzjoni, entita' parastatali u entitajiet oħra governattivi kemm għandhom
1) impjegati full-time
2) impjegati full-time b'diżabilita' reġistrati ma' l-ETC
3) impjegati full-time b'diżabilita li mhumiex reġistrati ma' l-ETC
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi n-numru ta’ l-impjegati “full-time”, dipartiment b’dipartiment, fis-Servizz Pubbliku.
Ninsab infurmat illi n-numru ta’ impjegati “full-time” fid-dipartimenti tal-Gvern reġistrati bħala “disabled” ma’ l-ETC huwa ta’ 579.
Qiegħed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra skeda li turi n-numru ta’ l-impjegati f’dawk l-entitajiet parastatli/awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, bl-informazzjoni mitluba.
Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni dwar entitajiet pubbliċi oħrajn, huwa mitlub jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministri kkonċernati.
Jista' l-Ministru jgħid fi ħdan id-dekasteru tiegħu, kemm hemm awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet jew entitajiet governattivi?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll minn huma ċ-Chairman, Chief Executive Officers, diretturi u konsulenti legali ta' dawn l-awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet u entitajiet governattivi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ awtoritajiet, bordijiet, kummissjonijiet jew entitajiet governattivi li jaqgħu taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li fiha hemm l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk meta l-public service commission tagħti deċiżjoni dwar dixxiplina, l-individwu għandux dritt ta' appell? Jekk iva, kemm-il darba saru appelli mill-1990 sal-lum? Jekk iva, kemm hemm żmien sakem jistgħu jsiru l-appelli?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li kemm ir-Regolamenti tad-Dixxiplina preżenti, li daħlu fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2000, kif ukoll ir-Regolamenti tad-Dixxiplina ta’ l-1997 li kien hemm qabilhom, ma jipprovdux li uffiċjali pubbliċi jistgħu jappellaw kontra xi deċiżjoni li tkun ittieħdiet mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku fuq xi akkuża dixxiplinarja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk qed jittieħdu passi biex l-iskwadra Marittima tal-Forzi Armati tiġi modernizzata ħalli tkun tista' tikkumbatti il-ġarr ta' klandestini, kuntrabandu u xogħol illegali ieħor ? Hemm il-ħsieb li jinġiebu patrol boats ta' ċerta ħeffa biex ilaħħqu mad-dgħajjes tal-kummerċjanti illegali?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġibiet li tajt f’Seduti Parlamentari Numru 416 u 587 għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numru 20741 u 27558.
Minbarra l-mezzi li kienu nxtraw is-sena l-oħra biex jissaħħaħ l-operat ta’ l-Skwadra Marittima, bħalissa hemm pjani biex jiġu akkwistati mezzi u apparat ieħor biex l-istess Skwadra tkun f’pożizzjoni aħjar li tikkumbatti attivitajiet illegali fl-ibħra tagħna.
Jista' l-Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati uffiċjali tal-interviews li saru din is-sena biex jiġu mimlija l-vakanzi ta' Assistant Directors fis-Servizz Ċivili?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn il-vakanzi ġew mimlija u minn min?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li mill-eżerċizju li sar din is-sena biex jimtlew vakanzi ta’ Assistent Direttur fis-Servizz Pubbliku, imtlew 29 vakanza.
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni li ġew magħżula biex jimtlew dawn il-postijiet
.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal biex tittieħed deċiżjoni li lill-impjegati kollha taċ-ċivil jaqtgħulhom diversi allowances fuq bażi pro-rata meta jieħdu iżjed minn 15-il jum sick leave jew meta jieħdu paid jew unpaid leave? Meta ttieħdet din id-deċiżjoni? Liema allowances huma milquta? Kemm hemm impjegati taċ-ċivil li huma stmati li ntlaqtu minn din id-deċiżjoni? Liema huma l-gradi taċ-ċivil milquta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi l-“policy” stabbilita dejjem kienet li l-“allowances” m’għandhomx jitħallsu meta uffiċjal ikun assenti, tkun xi tkun ir-raġuni. Madanakollu, nixtieq niċċara li l-“allowances” ma jinqatgħux immedjatament meta uffiċjal jieħu “paid” jew “unpaid leave”. L-“allowances” jibdew jinqatgħu wara li l-uffiċjal ikun ħa (i) il-“vacation leave” għal dik is-sena (ii) l-ewwel 15 il-ġurnata tas-“sick leave” għal dik is-sena u (iii) jekk ikun il-każ, 30 ġurnata “injury leave” f’dik is-sena. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija nixtieq nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għaċ-Ċirkolari OPM/27/2000 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Ma jinżammux statistiċi ċentrali fuq min ikollu l-“allowance” imnaqqsa u x’grad għandu. Fil-Ministeru tiegħi hemm għaxar (10) impjegati li kellhom l-“allowance” mnaqqsa minħabba assenza fuq leave. Il-grad tagħhom huwa, Assistant Direttur, Prinċipal, Uffiċjal Assistent Tekniku, Uffiċjal Segretarjat, Messaġġiera u “General Hand”. Jekk l-Onorevoli Interpellant jixtieq informazzjoni fuq Ministeri oħra nitolbu jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru risponsabbli.
Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min huwa kompost il-Public Private Partnership Unit? Kemm inħarġu call for expression of interest s'issa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-“Public Private Partnership Unit” ser jiġi stabbilt skond il-ħtieġa u l-proposti li jsiru waqt id-diskussjonijiet kemm mal-“Unions” kif ukoll mas-settur privat.
Li hemm issa huwa “Steering Committee” li jitmexxa mis-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tiegħi.
Sa issa ħarġet sejħa waħda għal dikjarazzjoni ta’ interess.
Jista' l-Ministru jgħid meta huma mistennija li jinħarġu xi promozzjonijiet fit-taqsima tal-banda tal-Armata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li promozzjonijiet fit-taqsima tal-banda tal-Forzi Armati jinħarġu ma’ dawk ta’ l-Armata kollha kif sar f’Ġunju ta’ din is-sena u/jew meta jkun hemm xi ħtieġa partikolari. Din is-sena saru 21 promozzjoni fil-banda.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm il-talba għandu l-Ministeru u d-Dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilita' tiegħu biex jimla' postijiet vakanti fl-istess Ministeru/Dipartiment?
Liema huma dawk il-gradi li l-Ministeru/Diviżjoni qed jitlob biex jimla'?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-postijiet vakanti fl-Uffiċċju tiegħi u Dipartimenti li jaqgħu taħt ir-responsabilta’ tiegħi huma kif jidhru fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-aħħar ħdax-il sena kienx hemm xi okkażjoni li persuna
li kienet President tal-Qorti fil-kariga ta' Prim Mħallef tatu r-riżenja mill-kariga?
Meta seħħ dan?
X' kienet ir-raġuni?
U x' ġara mir-riżenja?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nfurmat li ma kien hemm ebda Prim Imħallef li ta r-riżenja tiegħu fiż-żmien imsemmi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'laqgħat saru s'issa mal-Unions dwar il-ftehim kolletiv għall-impjegati taċ-ċivil għas-snin 2002 u 2004? X'laqgħat hemm iffissati bejn l-MPO, l-Ministeru tal-Finanzi u l-Unions sal-aħħar tas-sena 2001? F'hiex waslu n-negozjati li saru s'issa?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi sa issa saru laqgħat ma’ dawn il-“unions”:-
Il-Union Ħaddiema Magħqudin
Il-“Medical Association of Malta”
Il-“Malta Union of Teachers”
U l-“General Workers’ Union”
Meta jintemmu dawn il-laqgħat ma’ “Unions” individwali isiru laqgħat kollettivi.
In-negozjati bħal issa huma fi stadju preliminari.
Jista' l-Ministru jgħid x' passi dixxiplinarji se jittieħdu fil-konfront tal-Kummissarju tal-Pulizija Ġorġ Grech in konnessjoni ma' dak li ħareġ fl-inkjesta tal-Maġistrat Miriam Hayman?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kummissarju tal-Pulizija irtira mis-Servizz b’effett minn nhar it-Tlieta,30 ta’ Ottubru 2001