Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru rapes u attakki sesswali oħra s-sena l-oħra? Fejn saru? X'eta' kellhom il-vittmi u ta' liema sess kienu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 il-Pulizija kellha 69 rapport ta' reati ta' natura sesswali fuq individwi. Il-lokalitajiet li ġie indikat li seħħew fihom huma Ħ'Attard, Birkirkara, Birżebbugia, Bormla, Ħad Dingli, il-Fgura, il-Furjana, Ħal Għaxaq, il-Gżira, il-Ħamrun, il-Kalkara, Ħal Lija, il-Marsa, f'Marsaskala, l-Imdina, il-Mellieħa, il-Mosta, in-Naxxar, Paola, Pembroke, il-Pieta', ir-Rabat (Malta), ir-Rabat (Għawdex), San Ġiljan, San Pawl il-Baħar, tas-Sliema, is-Swieqi, Ħal Tarxien, ix-Xewkija (Għawdex), Ħaż Żabbar, Żebbuġ (Għawdex), u ż-Żejtun.
Dawn ir-rapporti kienu jirrigwardjaw 80 persuna (20 maskili u 60 femminili) li l-etajiet tagħhom kienu jvarjaw minn 0 sa 45 sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa minnu li l-ħaddiema tar-Revenue Security Corps se jibdew jagħmlu xogħol fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ma hemm l-ebda tali pjan f'dan ir-rigward sa llum.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm call for applications għall-karigi ta' segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi matul is-snin 2004 u 2005 fid-dekasteru tiegħu? F'każ li fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-order of merit finali ta' l-applikanti għal kull kariga rispettiva? Jista' jgħid jekk hux f'kull każ il-persuna kklassifikata fl-ewwel post ħadet l-appointment? F'każ li l-appointment ma ħaditux il-persuna klassifikata numru wieħed, jista' jgħid x'kienet ir-raġuni?
Response (BORG, TONIO)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra Tabella li turi l-order of merit ta’ dawk il-calls for applications li ġew ipproċessati biex jimtlew karigi ta’ Assistenti Diretturi fil- Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern.
Rigward il-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 18571.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm xi segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi u assistenti diretturi fid-dekasteru tiegħu li ma ġġeddilhomx il-kuntratt matul is-snin 2004 u 2005? F'każ li fl-affermattiv, jista' jgħid min kienu, għaliex ma ġġeddilhomx il-kuntratt u fejn qegħdin jaħdmu llum?
Response (BORG, TONIO)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-proċess dwar tiġdid ta’ kuntratti ta’ Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi isir mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Dawk ta’ Assistenti Diretturi, isiru mis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru.
Matul is-snin 2004 u 2005 kien hemm dawn it-tlett pożizzjonijiet ta’ Diretturi li l-kuntratt tagħhom ma ġiex imġedded peress, li minħabba ristrutturar fid-Dipartimenti, konċernati l-karigi rispettivi ġew suppressed.
Dawn il-karigi kienu ta’
Direttur tal-Finanzi u Amministrazzjoni fid-Dipartiment tal-Pulizija
Direttur tal-Finanzi u Amministrazzjoni fid-Divizjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja
Direttur, Servizzi Legali fid-Divizjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja
Fl-ewwel żewġ kazi l-persuni konċernati talbu u ġew medically boarded out, fit-tielet kaz, l-uffiċjal għadu mpjegat fil-Lawdrafting and Translation Unit.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni fuq community service illum? X'tip ta' service qed jitqabbdu jgħamlu? X'kien ir-reat li għalih weħlu community service f'kull każ individwali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif hekk kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma komputerizzata u għalhekk mhux disponibbli.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni li ngħataw sentenzi ta' ħabs din is-sena, probations u sentenzi ta' ħabs sospiżi? X'kienu r-reati f'kull każ individwali u kemm kienet twila s-sentenza?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' sentenzi ta' ħabs sospiżi, x'kien ir-reat f'kull każ individwali, kif ukoll kemm kienet twila s-sentenza qed jiġu murija fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra:-
Tabella A turi dawk is-sentenzi mogħtija mill-Qrati Kriminali Superjuri
Tabella B turi dawk is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Malta)
Tabella C turi dawk is-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Maġistrati (Għawdex)
Qed inpoġġi ukoll fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar pieni karċerarji (Tabella D) u dwar probations (Tabella E).
Jista' il-Viċi Prim Ministru jaġġornani dwar il-progress ta' mistoqsija parlamentari 19069 u cioe' jara li jsiru l-arranġamenti meħtieġa sabiex familja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tkun tista' tħallas iċ-ċens dovut lid-dipartiment ta' l-artijiet tar-raba' in kwestjoni u dan fid-dawl li l-iżviluppi li kellhom isiru fil-madwar u cioe' fix-Xemxija Bypass issa lesti? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BORG, TONIO)
It-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 19069 għadha tgħodd.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'tip huma l-karozzi uffiċjali tiegħu u tas-segretarju parlamentari? Dawn il-karozzi nkrew jew inxtraw, u jekk inxtraw meta nxtraw u kemm tħallsu flus għalihom?
X'inhu n-numru uffiċjali u n-numru tar-reġistrazzjoni tal-karozzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi d-dettalji mitluba mill-Onor. Interpellant għall-ewwel parti tal-Mistoqsija huwa kif jidher hawn taħt:-
Tip/MudellMikrija/MixtrijaPrezzMeta
MinistruAudi A4 TD(Mparta ma’ Mercedes stmata li kellha valur ta’ Lm9,000)Lm9,000September 1997
Segretarju ParlamentariCitroen C5MixtrijaLm12,656October 2005
B’referenza għat-tieni parti tal-mistoqsija, l-Onor. Interpellant huwa mitlub jindika x’relevanza għandha dil-parti tal-mistoqsija.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-każ ta' persuna mill-Magħtab li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, u li applikat għal tlett ikmamer fl-area magħrufa bħala ta' Wied Dukkar, Naxxar u li r-riferenza tal-każ mal-Joint Office huwa A2882/1997, u li tingħata dawn b'kirja peress li għandha familja ta' ħames itfal? Ma jaħsibx li dan huwa każ urġenti fiċ-ċirkostanzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna konċernata applikat fl-Uffiċċju Konġunt biex tieħu, għal skop ta' residenza, razzett li jifforma parti minn art agrikola. Peress li responsabbilita' ta' allokazzjoni ta' proprjeta' għal skop ta' residenza ordinarja taqa' fi ħdan id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali, ikun aktar f'waqtu li l-persuna konċernata tagħmel l-applikazzjoni tagħha lil dan id-Dipartiment.
Rigward il-correctional officers tal-Ħabs ta' Kordin li għamlu sitt xhur casual, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dawn hux se jkollhom dan iż-żmien magħdud meta joqorbu biex itemmu s-servizz ta' 25 sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-aħħar Casuals li kienu impjegati fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien fl-1990. Il-kuntratt ta' l-impjieg tagħhom ma jipprovdix li ż-żmien li ħadmu meta kienu casuals jkun magħdud bħala parti mis-servizz ta' 25 sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fejn isiru l-uniformijiet tal-correctional officers tal-Ħabs ta' Kordin? Meta sar l-aħħar inventarju biex l-awtoritajiet ikunu jafu kemm hemm armi u bullets maħżunin għas-servizz fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-uniformijiet tal-Uffiċjali Korrettivi isiru għand dak il-kuntrattur li joffri l-orħos offerta. Bħal ma ġara din is-sena, kien hemm okkażjonijiet li isiru minn aktar minn kuntrattur wieħed. Din is-sena il-qliezet saru mill-kumpaniji B.T.I. Ltd u Yorkie Ltd, filwaqt li l-qomos saru mill-BTI Ltd. Il-Flokkijiet tax-xitwa saru għand il-kumpanija Lambs Ltd.
Fir-rigward ta' armi u munizzjon, dawn jinżammu taħt il-kustodju tas-security officer u l-inventarju tagħhom jiġi iċċekjat perjodikament. L-aħħar inventarju sar fl-ewwel ta' April 2006.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk it-telefonati li jsiru minn u lejn il-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, ikunux rekordjati kollha jew le, kemm tal-ħabsin, gwardjani u uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-uniċi telefonati li jiġu rrekordjati huma dawk li isiru mill-priġunieri, jew lill-priġunieri. Dan isir skond ir-regolamenti tal-Ħabs.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw direct orders fil-ministeru u d-dekasteru tiegħu ta' 'il fuq minn Lm2,000 matul l-2004 u l-2005? Jista' jgħid kemm kienet tqum kull waħda, lil min ingħatat u min approva?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm siefru bejn l-2004 u l-2005 l-membri tal-private staff tiegħu? Fejn marru, x'kienet ir-raġuni, kemm ħadu flus/ingħataw flus għal kull safra u jikkonfermax jekk kienx hemm xi ħadd minnhom li siefer first jew business class?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li ħadd mill-membri tal-Private Staff tiegħi ma siefer waħdu, iżda dawn meta siefru kien dejjem biex jakkumpanjaw lili waqt id-delegazzjonijiet tiegħi. Il-postijiet fejn marru, raġuni u flus kemm ingħataw jidher fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma n-nies fil-private staff u d-dekasteru tiegħu li huma ntitolati għal gazzetti kuljum? Jista' jgħid kemm nefaq kull uffiċjal fuq kull ġurnal separatament matul is-snin 2004 u 2005 xahar b'xahar?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fil-listi li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali lill-kumpanniji privati għal xogħol ta' tindif fl-uffiċċju tal-ministru u fid-dekasteru tiegħu matul is-snin 2004 u 2005? Jista' jgħid min kienu l-kuntratturi, kemm ħadu kull wieħed, min approva kull nefqa separatament u jekk inħarġitx xi forma ta' tender?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid hux minnu li fid-dekasteru tiegħu inħatar/inħatru segretarju permanenti, diretturi ġenerali, diretturi jew assistenti diretturi mingħajr ma applikaw għall-kariga li ġew appuntati fiha meta ħarġet il-call for applications għal dik il-pożizzjoni partikolari? F'każ li nħatru uffiċjali b'dan il-mod, jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali, għaliex inħatru b'dan il-mod u min iddeċieda li huma ideali li jokkupaw il-kariga fin-nuqqas li għamlu interview? Jista' jgħid min huma dawn in-nies u x'karigi qegħdin jokkupaw?
Response (BORG, TONIO)
Niġbed l-attenzjoni ta’ l-Onorevoli Interpellant li l-proċess dwar il-ħatra ta’ Segretarji Permanenti, Diretturi Ġenerali u Diretturi isir mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Ghaldaqstant, nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija għar-rigward ta’ dawn it-tlett karigi lill-Ministru konċernat.
Dawk ta’ Assistenti Diretturi, isir mis-Segretarjat Permanenti tal-Ministeru.
Ninsab infurmat li ma nħatar l-ebda uffiċjal f’din il-kariga mingħajr ma’ applika għall-kariga li ġie appuntat fiha meta ħarġet il-call for applications għall-pożizzjoni partikolari.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm mill-ħabsin tnaqqsilhom ir-remission is-sena l-oħra u għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul is-sena 2005 kien hemm mija u tnejn u ħamsin (152) priġunier li tnaqqsitilhom ir-remission minħabba ksur tar-regolamenti tal-Ħabs.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru ħarbiet minn detenzjoni s-sena l-oħra u din is-sena? Kemm saru attentati li ma rnexxewx, minfejn saru u kemm ġew maqbuda wara li ħarbu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2005 kien hemm tlett priġunieri li ħarbu mill-isptar San Luqa fejn kienu rekoverati. Dawn kollha nqabdu. Filwaqt li din is-sena kien hemm priġunier li ħarab mill-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Dan inqabad ukoll.
Infurmat ukoll illi matul is-sena l-oħra kien hemm ukoll 19-il immigrant irregolari li rnexxielhom jaħarbu miċ-ċentri ta’ detenzjoni immexxija mill-Pulizija, jew minn sptar fejn kienu rekoverati. Minn dawn 7 kienu nstabu. Din is-sena kien hemm 35 li rnexxielhom jaħarbu, li minnhom s’issa nstabu 19.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni akkwistaw ċittadinanza Maltija s-sena l-oħra u minn liema pajjiż kienu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajtu għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18772, ninfurmah li l-informazzjoni mitluba minnu diġa' tajtilu fit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 15796.