Legislature:
Category:
Reset
Active:

BMWs taċ-CHOGM

Question

Jista' il-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 19651 u jgħid jekk kienx hemm xi ministru jew segretarju parlamentari li xtara għall-użu uffiċjali xi waħda mill-BMW's taċ-CHOGM?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saru l-ebda talbiet minn xi Ministru jew Segretarju Parlamentari biex tinxtara ghall-uzu ufficjali xi wahda mill-BMW tac-CHOGM

Double decker buses

Question

B'riferenza għal dak li kien rappurtat li qal fil-Malta Independent on Sunday tas-7 ta' Awissu 2005, jista' il-Prim Ministru jgħid kienx kellem lill-ADT, kif wiegħed, fuq il-każ tad-double deckers? Jekk iva, jista' jgħid x'weġbuh u x'sar minn dak iż-żmien 'il hawn fil-konfront tal-problema ppreżentata lill-Prim Ministru dakinhar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u għaldaqstant ser tingħata f’xi seduta oħra.

OPM — Xogħol ta' Tindif

Question

No question text.

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabelli 'A' u 'B' għar-rigward ta' l-Uffiċċju tal-Prim Ministru li juri l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-każ tal-Ministeru tal-Finanzi tabelli 'C' u 'D' juru l-istess informazzjoni mitluba.

Ħaddiema tas-servizz pubbliku

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid fir-rigward tal-ħaddiema tal-gvern, kemm jekk professjonisti u kemm jekk mhux: a) kemm hemm minn dawn il-ħaddiema li jaħdmu mal-gvern abbażi ta' kuntratt definit f'kull dipartiemnt jew sezzjoni tal-gvern; b) kemm minn dawn il-ħaddiema tal-gvern ilhom jaħdmu fuq din il-bażi għal aktar minn erbgħa snin; c) min huma dawn il-ħaddiema tal-gvern; u f'liema dipartiment, sezzjoni, eċċ jaħdmu; xi grad ta' xogħol, kariga jew professjoni jaħdmu; u skond liema scale qegħdin jitħallsu; u jekk, kull wieħed u waħda minnhom għandhomx grad sostantiv bħala ħaddiema tal-gvern jew le; d) ipoġġi fuq il-medja tal-Kamra kampjun ta' kull tip ta' kuntratt definit illi bih il-gvern impjega lil dawn il-ħaddiema fuq bażi definita fis-snin 2000-2006?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tingabar u tinghata f’Seduta ohra.

VAT refund

Question

Jista' il-Prim Ministru jara li jinħareġ ir-refund fuq il-VAT li tħallset mill-koppja li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, fuq spejjeż konnessi mat-tieġ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-ħlasijiet bħal dawn isiru fuq bażi regolari mid-Dipartiment konċernat.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk is-suldati humiex intitolati għal ġurnata time-in-lieu meta jkunu night shift f'xi ġurnata li taħbat festa pubblika?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta li jaħdmu night-shift f’festi pubblika huma ntitolati għall-sitt (6) sigħat time-off-in-lieu meta l-festa pubblika taħbat fost il-ġimgħa. Ma jingħata l-ebda time-off-in-lieu meta l-festa pubblika taħbat is-Sibt jew il-Ħadd.

AFM

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk jarahiex ġusta li s-suldati huma fi grad 16? Ma jaħsibx li din għandha tiġi rranġata sabiex il-grad tagħhom ikun jiġġustifika r-responsabbilta' li għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li l-Armata għamlet proposti dwar is-suġġett u dawn għadhom qed jiġu kkunsidrati. Is-suldati li għandhom salarju fi skala 16 huma fir-rank ta’ Gunner li huwa l-grad li wieħed jibda bih fl-Armata. L-iskala 16 hija ukoll l-istess waħda li wieħed jibda biha f’diversi gradi tas-Servizz Pubbliku, fosthom il-gradi ta’ Clerk, Care Worker, Custodian and Guide, Printer u Tradesman.

AFM — Preżentazzjoni tal-Medalji

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid meta se ssir iċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-medalji lis-suldati ta' l-Armata li kellha ssir fil-31 ta' Marzu, 2006 u li ġiet imħassra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li ċ-ċerimonja ta’ l-għoti tal-medalji lill-membri tal-Forzi Armati ta’ Malta mistennija ssir aktar tard din is-sena.

PSC

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm kien hemm akkużi quddiem il-PSC mill-1987 'il hawn, sena b'sena? X'kienet l-akkuża u x'kien l-eżitu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

OPM — Petrol

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huwa l-allowance ta' petrol li huma intitolati għalih is-segretarju permanenti, id-diretturi ġenerali, id-diretturi, l-assistent personal tiegħu u s-segretarju tiegħu? Kemm nefaq kull wieħed minnhom f'petrol xahar b'xahar bejn Jannar 2004 u Novembru 2005?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-allowance tal-Petrol tal-Ufficcjali msemmija f’din l-Mistoqsija huwa : Litri fis-Sena Segretarju Permanenti 2,100 Direttur Ġenerali 1,800 Diretturi 1,800 Assistant Personali tal-Prim Ministru Skond il-bżonn Segretarju Privat tal-Prim Ministru 1,800 In-nefqa totali f’petrol minn dawn l-Uffiżjali kollha kienet ta’ Lm6,473 fl-2004 u Lm6,172 fl-2005. Ma nara l-ebda relevanza li ngħati din l-informazzjoni uffiċjal b’uffiċjal.

OPM — Proprjeta'

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-ministeru, dipartimenti jew enti li jaqgħu taħtu għandhomx xi tip ta' proprjeta' li mhijiex qiegħda tintuża għal xi raġuni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid x'inhi r-raġuni li din il-proprjeta' mhijiex tintuża u fejn tinsab din il-proprjeta'?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-proprjeta’ li tinsab f’numri 12 u 13, Triq San Pawl, il-Belt u numri 14 u 16 fi Triq Melita, il-Belt bħalissa m’hiex qiegħed tintuża. Il-propjeta’ f’numru 12, Tiq San Pawl se tkun okkupata fil-ġranet li ġejjin. Il-proprjta’ li tinsab f’numru 14, Triq San Pawl u dik f’numri 14 u 16, Triq Melita qed isirilhom xogħol ta’ refurbishment biex dawna jintużaw bħala uffiċini.

VAT offences

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu nies il-qorti għal VAT offences is-sena l-oħra u x'kien ir-reat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li matul is-sena 2005 itellgħu 294 l-Qorti minħabba li naqsu li joħorgu riċevuta fiskjali għall-provvisti u/jew servizzi fornuti minnhom filwaqt li 1,392 itellgħu l-Qorti talli naqsu jissottomettu d-denunzji rispettivi fiż-żmien stipulat.

Importazzjoni ta' skrataċ — Ħlas ta' ECO tax

Question

Jista' il-Prim Ministru jikkonferma jekk titħallasx ECO tax fir-rigward ta' skrataċ importati għal skop ta' sparar fuq plattini (24gr)? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid għalfejn din it-taxxa qegħda tiġi mposta fuq l-importazzjoni ta' skrataċ vojta ntenzjonati sabiex jiġi kkargat fihom materjal ta' 24 gr għal sparar fuq plattini lokalment?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi skond Legali 312 ta’ l-2005 m’għandiex titħallas Eko kontribuzzjoni fuq skrataċ importati li ma jeċċedux piż ta’ 24 gramma kkargati. Mill-banda l-oħra Eko kontribuzzjoni bir-rata ta’ 2 ċenteżmi kull biċċa għandha titħallas fuq skrataċ importati li jkunu jeċċedu piz ta’ 24 gramma ikkargati kif ukoll fuq skrataċ importati vojta. L-iskrataċ imsemmija fit-tieni parti tal-mistoqsija jaqgħu taħt din l-aħħar imsemmija definizzjoni ta’ l-Avviż Legali u għaldaqstant l-Eko kontribuzzjoni għandha titħallas.

Poverty Line

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija parlamentari 18560, jista' il-Prim Ministru jgħid kemm huma il-persuni li għandhom dħul ta' 60% tal-median tan-NEI u allura li huma at risk of poverty skond it-threshold u d-definizzjoni ta' l-Eurostat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nassumi li l-Onor Interpellant ried jgħid persuni minflok permessi fit-tieni vers. Għaldaqstant, in-numru ta’ persuni li għandhom dħul ta’ 60% tal-median tan-NEI kien ġie stmat għal 57,390 persuni minn total ta’ 385,630 persuni li jgħixu f’households. Dan it-taghrif ġie meħud mill-Household Budgetary Survey li sar fis-sena 2000.

Każ dwar Għalliem

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'sens jagħmel li l-kummissjoni għas-servizz pubbliku tesiġi li l-kandidat għar-reklutaġġ bħala għalliem regolari tal-Franċiż li dettalji d waru qed jintbagħtu separatament, ikollu bilfors diġa' l-O level tal-Malti (meta r-riżultat joħroġ wara Ġunju) iżda mhux bilfors ikollu r-riżultat tal-PGCE meta jagħmel l-interview fl-aħħar ta' Ġunju (meta r-riżultat ukoll joħroġ wara Ġunju)?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Ninsab infurmat li l-proċedura normali fis-seħiet kollha tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għal ingaġġ fis-Servizz Pubbliku hu li jiġu kkunsidrati biss il-kwalifiki li applikant ikollu sad-data tal-għeluq tas-sejha għall-applikazzjonijiet. 2. Wara talba min-naħa tad-Diviżjoni ta’ l-Edukazzjoni, il-Kummissjoni kienet qablet li, għal raġunijiet partikulari marbuta mar-reklutaġġ u l- assenjazzjoni tal-Għalliema fi skejjel partikolari fil-bidu ta’ kull sena skolastika, din il-kundizzjoni titwessa biex fil-każ tas-sejha għall-applikazzjonijiet għall-Ghalliema, jitqiesu eliġibbli wkoll dawk l-applikanti li jgħaddu u li jkunu, jew ikkwalifikati sa l-aħħar ta’ Lulju, temmew b’suċċess il-kors tal-BEduc (Hons) jew PGCE sa l-aħħar ta’ Lulju. Din l-eċċezzjoni ilha għal ħafna snin tiġi nkluża fis-sejħiet għall- applikazzjonijiet għall-postijiet ta’ Għalliema.

House loans f'Għawdex

Question

Jista' il-Prim Ministru jekk jogħġbu jagħtini tweġiba għall-mistoqsija p arlamentari 19291 dwar house loans f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqija parlamentari numru 19291.

Impjegati mal-gvern

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern Malti għall-inizjattiva li ħa l-Ewro Parlamentari Malti l-Onor. Simon Busuttil dik li l-Gvern Malti jemenda l-liġijiet Maltin biex impjegati tal-gvern fuq bażi ta' kuntratt definit li jkunu ilhom impjegati aktar minn erba' snin, jingħataw id-dritt ta' kuntratt ta' xogħol indefinit?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li qed isir studju biex jiġi stabbilit jekk hemmx lok ta’ xi tibdil fil-liġijiet jew ‘policies’dwar impjegati tal-gvern fuq kuntratt definit, u jekk għandhomx jingħataw kuntratt ta’ xogħol indefinit. Il-gvern ikun jista’ jieħu pozizzjoni wara li jitlesta dan l-istudju.

OPM — Proprjeta'

Question

Jista' il-Prim Ministru jgħid jekk il-ministeru għandux proprjeta' mikrija għal xi tip ta' użu, kemm għall-ministeru, dipartimenti u enti li jaqgħu taħtu, kemm qiegħda titħallas kera fix-xahar minn fondi pubbliċi għal kull proprjeta' separatament? Jista' jgħid fejn tinsab din il-proprjeta' mikrija separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.