Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #21901 Sitting 455 2000-12-11 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' sigħat ta' overtime li saru mill-ħaddiema/uffiċjali tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru tiegħu bejn Jannar u Novembru ta' din is-sena? F'liema dipartimenti sar dan l-overtime u kemm minnu tħallas lill-ħaddiema/uffiċjali u kemm minnu jrid jitħallas? X'kienu ir-raġunijiet, jekk huwa il-każ, li l-overtime ma tħallasx kollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont ta` sigħat ta` overtime li saru mill-ħaddiema/uffiċjali tad-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta` l-Intern bejn Jannar u Novembru ta` din is-sena kien kif ġej:- Dipartiment Numru ta` sigħat Segretarjat Permanenti 1,174 Ċittadinanza u ta` l-Expatriates 2,322 Reġistrazzjoni Ċivili 2,984 Sigurta` ta` l-Ajruport 157 Awtorita` ta` l-Ippjanar 25,013 Protezzjoni Ċivili 35,172 Servizzi Korrettivi 66,573 Reġistru Pubbliku 1,624 Taqsima Proprjeta` tal-Gvern 4,753 Uffiċċju Konġunt 19,753 Normalment is-sistema ta` ħlas ta` overtime hija li jitħallas b`xahar lura. Dwar l-overtime li nħadem fid-Dipartiment tal-Pulizija nirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21645 fl-1 ta` Diċembru 2000.
Leg 9 PQ #22055 Sitting 455 2000-12-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

UE — Programmi

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema programm/i ta' l-Unjoni Ewropea xi dipartiment jew entita' oħra li tinsab fid-dekasteru tiegħek qed tipparteċipa? Liema huma dawn il-programmi u x'utilita' għandhom u kemm qed jieħdu sehem persuni? Kemm hu l-ħlas ta' Malta u dak ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul din is-sena l-Korp tal-Pulizija ipparteċipa f`diversi seminars u laqgħat organizzati taħt il-programmi OISIN, MEDA 1, u FALCONE kif jidher hawn taħt: MEDA 1 Konferenza dwar l-Etika tal-Pulizija li saret f`Pariġi bejn id-9 u t-13 ta` Settembru 3 FALCONE Seminar internazzjonali dwar it-traffikar illegali ta` vetturi li saru fi Fuengirola, Malaga fi Spanja bejn is-17 u d-19 t`Ottubru 1 OISIN Seminar internazzjonali dwar l-analizzar tad-delitti li sar f`Madrid, bejn il-25 u s-27 t`Ottubru 1 FALCONE Seminar ‘ Money Laundering and Organised Crime ’ li sar f`Pariġi bejn it-13 u s-16 ta` Settembru 2000 2 OISIN Seminar ‘ Crime Analysis in Drugs Investigations ’ li sar f`Ruma bejn il-25 u t-28 ta` Settembru 1 Peress li Malta kienet qed tipparteċipa bħala partner ma ħallset xejn minħabba li l-proġetti msemmija kienu kollha finanzjati l-parti kbira mill-Unjoni Ewropea u l-kumplament mill-pajjiż organizzattiv. Nixtieq ngħid ukoll li l-Korp tal-Pulizija diġa` għandu wkoll konfermata l-parteċipazzjoni ta` uffiċjali fi proġetti tal-programmi FALCONE, GROTIUS u STOP. Dawn il-proġetti se jkunu ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea u għalhekk il-parteċipazzjoni ta` Malta se tkun mingħajr ħlas. Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar applikat biex tieħu sehem fi tlett proġetti taħt il-programm 'Short and Medium-Term Priority Environmental Action Programme' (SMAP) u ieħor taħt il-programm tal-'LIFE-Third Countries'. Hu maħsub li n-numru ta` persuni mill-Awtorita` ta` l-Ippjanar li ser ikunu nvoluti bħala parti minn xogħolhom fil-proġetti taħt 'SMAP', jekk jiġu approvati, huwa ta` tnax filwaqt li n-numru ta` persuni li ser ikunu nvoluti fil-proġett taħt 'LIFE-Third Countries', jekk jiġi approvat, huwa ta` ħamsa. Peress li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed tipparteċipa bħala 'partner' biss f`dawn il-proġetti imsemmija, il-parteċipazzjoni ta` l-Awtorita` ser tkun mingħajr ħlas. Apparti dawn il-proġetti msemmija hawn fuq, l-Awtorita` ta` l-Ippjanar qed ikollha ukoll taħdidiet ma` pajjiżi oħra fuq proġetti taħt il-programm INTERREG III 2000 - 2006.
Leg 9 PQ #22083 Sitting 455 2000-12-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Lukandi ġodda - Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista' ta' l-applikazzjonijiet pendenti għall-bini ta' lukandi ġodda f'Malta u f'Għawdex u jagħti wkoll il-post fejn hemm l-applikazzjoni biex jinbnew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:- Numru ta` l-applikazzjoni - Lokalita` 1610/98 San Pawl il-Baħar 5147/00 San Ġiljan 2994/98 Għajn Tuffieħa 6608/99 Qala 3883/00 Għajnsielem 6001/00 Mellieħa 1497/00 San Ġiljan 2551/94 Mellieħa
Leg 9 PQ #22086 Sitting 455 2000-12-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Barrieri - Applikazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal ftuħ ta' barrieri ġodda kemm f'Malta u Għawdex? F'liema lokalitajiet? Minn min saret kull talba? Meta saret? Hemm xi talbiet għall-estensjoni ta' barrieri? Jista' dwar dan jagħti wkoll l-informazzjoni miktuba hawn fuq?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #21890 Sitting 454 2000-12-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' direct orders li nħarġu mill-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena? Kemm jiswa l-valur f'ċifra ta' flus ta' dawn id-direct orders u kemm tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5119.
Leg 9 PQ #22015 Sitting 454 2000-12-09 Oral · Final From: CHRIS CARDONA To: Ministeru ta' l-Intern

Intern

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 21083?

Response (BORG, TONIO)

Il-politika tal-Gvern dwar is-sħubija ta` Malta fl-Unjoni Ewropea taffettwa fl-livelli differenti diversi aspetti ta` l-operat ta` l-istrutturi ta` ħafna mill-entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilita` tad-dekasteru tiegħi. Ma hemmx units li twaqqfu jew li s`issa hemm il-ħsieb li jitwaqqfu speċifikament minħabba l-aspett ta` sħubija fl-U.E.
Leg 9 PQ #22066 Sitting 454 2000-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Swieqi — Bini abbandunat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-Kummissarju tal-Pulizija u mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-ilment mibgħut fis-16 ta' Novembru, 2000 minn persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, dwar il-perikli li qed jikkaġuna l-bini abbandunat li jinsab fil-kantuniera ta' Triq it-Tiben ma' Triq id-Dris fis-Swieqi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija avżat lis-sid tal-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant sabiex ineħħi kull periklu li jista` jkun hemm. Ninsab infurmat ukoll illi sfortunatament bil-liġi kif inhi bħalissa l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ma tistax tintervjeni f`dan il-każ peress li ma jirriżultax li hemm xi bini mingħajr jew mhux skond xi permess ta` żvilupp. Fl-Abbozz ta` liġi li jemenda l-Att dwar l-Ippjanar ta` l-Iżvilupp, hemm il-proposta li l-Awtorita` tkun tista` tieħu passi f`każijiet bħal dawn.
Leg 9 PQ #22071 Sitting 454 2000-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Stabbiliment Puschka

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'permessi għandu s-sid tal-Pescatore biex jopera l-istabbiliment Puschka wara l-11.00 p.m. u li qed jirreklama għalihom fir-reklam li qed jintbagħat separatament? Fl-aħħar tliet xhur, x'passi ħadu l-pulizija biex jiżguraw li s-sid irrispetta l-liġi fil-ftuħ ta' l-istabbiliment tiegħu? X'passi ħadu l-pulizija biex jiżguraw li s-sid irrispetta l-liġi fil-ftuħ ta' l-istabbiliment tiegħu? X'passi jonqosha tieħu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex tara li s-sid qed jimxi mal-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jiena kont tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 12266, ninsab infurmat illi l-Pulizija qed iżżomm dan il-post taħt sorveljanza u kull meta nstab li kien hemm xi ksur tal-kondizzjoni tal-liċenzji l-Pulizija ħadet il-passi meħtieġa skond il-liġi. Għal dak li jaqa` taħt ir-responsabbilita` ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar ninsab infurmat illi l-Awtorita` ħadet passi biex jitneħħew strutturi ta` l-aluminium fil-parti ta` quddiem (entratura) u dan wara l-ħruġ ta` Avviż ta` Twettieq. Ninsab infurmat ukoll li saret applikazzjoni b`referenza PA 3948/00 "to carry out modifications to facade and remove illegal structures consisting of an aluminium glazed porch and to sanction glazing of porch". Din l-applikazzjoni ġiet rifjutata fl-4 ta` Diċembru 2000. L-Awtorita` mbagħad tara x`passi jistgħu jittieħdu jekk kemm il-darba din id-deċiżjoni ma tiġix appellata.
Leg 9 PQ #22002 Sitting 453 2000-12-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Serq

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie rapportat serq matul 1997, 1998, 1999 u 2000?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif ġej: 1997 1998 1999 2000* 7,443 7,988 9,096 8,897 *sal-31 ta` Ottubru.
Leg 9 PQ #22004 Sitting 453 2000-12-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Reati Kommessi matul l-1997

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew kommessi reati matul l-1997?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3836.
Leg 9 PQ #22032 Sitting 453 2000-12-07 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

Eureka Services Ltd — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-kuntratt li l-gvern iffirma ma' l-Eureka Services Ltd ġiex emendat? F'każ li fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja ta' emendi li saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma saret l-ebda emenda għal kuntratt li rrefera għalih l-Onor. Interpellant. Pero` f`Awissu, ġie ffirmat Memorandum li kopja tiegħu qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #22038 Sitting 453 2000-12-07 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru ta' l-Intern

Intern — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' mpjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu li qegħdin jingħataw xi forma ta' allowance? Kemm hija din l-allowance? Meta bdiet tingħata din l-allowance; għal liema raġuni qiegħda tingħata u min awtorizza li tingħata din l-allowance?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar allowances li jitħallsu lill-impjegati fid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta` l-Intern hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Minbarra dawk l-allowances li huma indikati fit-tabella, hemm forma oħra ta` allowances li jitħallsu lill-impjegati fis-Segretarjat tal-Ministeru u tas-Segretarjat Parlamentari u dawn il-ħlasijiet huma skond kif stipulat fid-dokument "Engagement of Staff for Private Secretariats" li kopja tiegħu kienet tpoġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-allowances li jitħallsu lill-impjegati ta` l-Awtorita` ta` l-Ippjanar, nirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21094.
Leg 9 PQ #22076 Sitting 453 2000-12-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Vetturi

Question

Jista' l-Ministru jagħti d-data meta nxtraw il-vetturi li jintużaw mid-distretti, mill-mobile squad, mill-iskwadra ta' kontra l-vizzji u mis-CID fil-korp tal-pulizija, vettura, vettura? Jista' jgħid kemm hemm vetturi li bħalissa ma jistgħux jinstaqu minħabba xi ħsara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi (karozzi) fis-sezzjonijiet imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, inxtraw kif ġej: Distretti 1997 1990 1999 2000 12 5 11 7 Mobile 1997 20 Vice Squad 1987 1996 1 1 CID 1994 1995 1996 1997 1999 5 1 2 4 5 Total 74 Minn dawn hemm sitt vetturi li bħalissa għandhom il-ħsara u għalhekk mhux qed jintużaw. Barra minn dawn hemm numru ta` karozzi li huma mikrijin.
Leg 9 PQ #22077 Sitting 453 2000-12-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Ajruport

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk isirx eżerċizzju ta' reconciliation bejn in-numru u l-identita' tal-passiġġieri li jinbarkaw fuq titjiriet tal-linja ta' l-ajru Air Malta minn Casablanca (Marokk) u l-embarkation cards relattivi għall-istess titjiriet li jiġu depożitati ma' l-awtoritajiet ta' l-immigrazzjoni fl-ajruport?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull passiġġier ta` nazzjonalita` barranija, mal-wasla tiegħu f`Malta, irid jippreżenta lill-uffiċjal ta` l-immigrazzjoni id-dokument ta` l-ivvjaġġar tiegħu flimkien mad-disembarkation card. Dawn jiġu ivverifikati mill-uffiċjal ta` l-immigrazzjoni. Dan jgħodd ukoll għal titjiriet tal-linja ta` l-ajru Air Malta minn Casablanca.
Leg 9 PQ #21881 Sitting 452 2000-12-07 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Tenders

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani kemm kien in-numru ta' tenders li ħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru matul din is-sena? Kemm minnhom ġew aċċettati/approvati? Kemm għandhom pendenti u kemm ġew irtirati? Fil-każ ta' l-aħħar, x'kienu ir-raġunijiet? Kemm mit-tenders approvati tħallsu u kemm għad iridu jitħallsu u x'inhija ċ-ċifra f'somma ta' flus tal-pagamenti mħallsa u pendenti separatament?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar tenders (ta` xiri) li nħarġu mid-Dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru ta` l-Intern matul din is-sena hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #21961 Sitting 452 2000-12-07 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Faċilita Korrettiva ta' Kordin — Trab Suspettuż

Question

B'riferenza għal-mistoqsijiet parlamentari nru. 12767 u 19758, jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta' trab suspettuż li nstab fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kull meta nstab xi trab suspettuż fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin, dan dejjem ġie mgħoddi lill-pulizija fl-inkjesta maġisterjali. Billi l-każi huma pendenti, id-Dipartiment tal-Ħabs għadu ma rċeviex ir-rapporti finali li fihom tkun tinstab l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #21965 Sitting 452 2000-12-07 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Fifth Provisional World Parliament — Delegat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ġew meħuda dwar ittra li ġiet mibgħuta lill-Gvern ta' Malta dwar delegat mill-Uganda li kien ser jattendi l-Fifth Provisional World Parliament? X'inhi r-raġuni li ġie miżmum erba' sigħat u nofs fl-ajruport?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi malli l-ittra mibgħuta lill-Gvern ta` Malta ġiet riferuta lill-Pulizija, mill-ewwel saru l-investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet fl-ittra msemmija. Irriżulta illi l-Pulizija ta` l-Immigrazzjoni kellha kull raġuni illi din il-persuna tinżamm sakemm sar l-istħarriġ meħtieġ biex jiġi żgurat illi dan kien passiġġier 'bona fede' speċjalment meta dan wasal fil-ġurnata meta l-konferenza kellha tispiċċa. Fil-fatt irriżulta illi din il-persuna, li kellha fondi limitati biex issostni lilha nfisha waqt li kienet ser iddum Malta, damet l-ajruport mhux aktar minn disgħin minuta.
Leg 9 PQ #21868 Sitting 450 2000-12-06 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Xogħol F'Wied Qannota, Wardija

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru. 21355, nixtieq ninforma lill-Ministru li l-lokalita' hi fil-Wardija.

Response (BORG, TONIO)

L-indikazzjonijiet ta` l-Onorevoli Interpellant kemm fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21355 u kemm fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 21868 m`humiex speċifiċi biżżejjed għaliex l-areas indikati huma ta` daqs sostanzjali. Għalhekk nerġa` nitlob lill-Onorevoli sabiex jagħti dettalji speċifiċi, idealment permezz ta` site plan, sabiex tkun tista` tingħata risposta xierqa għall-mistoqsija tiegħu.
Leg 9 PQ #21705 Sitting 449 2000-12-05 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Baħrija - Siġar tal-Ħarrub

Question

Jista' l-Ministru jinfurmana jekk sarx xi rapport l-għassa tar-Rabat li fil-Baħrija reġgħet inħarqet siġra tal-ħarrub li għandha aktar minn 200 sena, nhar il-Ħadd 26 ta' Novembru, 2000? Jekk iva, jista' l-Ministru jinfurmana x'passi ttieħdu u qed jittieħdu biex jinstab min wettaq dan l-att vandalu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar is-26 ta` Novembru 2000, il-Pulizija tar-Rabat irċeviet rapport illi xi ħadd kien ta n-nar lil siġra tal-ħarrub fil-lokal magħruf bħala l-Palazz l-Aħmar. Issejħet it-Taqsima tat-Tifi tan-Nar tal-Protezzjoni Ċivili li tfew in-nar. Il-Pulizija għamlet l-istħarriġ tagħha, fejn anke tkellmet mal-persuna li kienet għamlet ir-rapport, pero` s`issa għad mhux magħruf minn kien qabbad dan in-nar.
Leg 9 PQ #21870 Sitting 449 2000-12-05 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — 25 servizz ta' uffiċjali korrettivi

Question

In vista tal-emendi li saru fil-liġi dwar l-għoti tal-pensjoni lill-uffiċjali korrettivi wara 25 servizz, jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-proċedura li għandu jsegwi l-uffiċjal meta jasal biex jirtira u x'inhu l-ammont tal-pensjoni li jkun intitolat għalih?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Parlament għad irid japprova r-Regolamenti tal-Pensjoni tal-Gwardjani, wara li ġiet emendata l-liġi li tat il-poter biex dawn ir-regolamenti jsiru.