Legislature:
Category:
Reset
Active:

Priority lane

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk il-vetturi li jistgħu jagħmlu użu mill-priority lane?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-vetturi li jistgħu jużaw il-priority lane huma muturi, taxis, vetturi li jaħdmu bl-elettriku, vetturi LPG, roti, vetturi tat-trasport pubbliku u vetturi bi tlieta minn nies jew aktar ġo fihom.

Malta National Electromobility Platform

Question

Jista’ l-Ministru jispjega l-funzjoni u l-għanijiet tal-Malta National Electromobility Platform (MNEP) li twaqqfet matul din il-leġislatura? Jista’ jgħid ukoll x’ħidma jew inizjattivi twettqu s’issa li jippromwovu mezzi ta’ trasport alternattiv favur il-ħarsien tal-ambjent?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta National Electromobility Platform (MNEP) hija inizjattiva konġunta bejn il-Ministeru tiegħi u Transport Malta li l-għan prinċipali tagħha huwa li tippromwovi l-użu ta’ teknoloġija elettrika u għaldaqstant iktar nadifa f’dak li jirrigwarda trasport bl-art. Permezz tal-politika tal-Gvern preżenti li jiżviluppa u jippromwovi ġenerazzjoni alternattiva tal-elettriku favur il-ħarsien tal-ambjent, il-MNEP qed jikkontribwixxi f’dan ir-rigward permezz ta’ inizjattivi li jippromwovu l-użu ta’ vetturi li jaħdmu bl-elettriku u teknoloġija foto-voltajika permezz ta’ infrastruttura PV għall-enerġija solari. Bit-twaqqif tal-MNEP, hemm rapreżentazzjoni u parteċipazzjoni wiesa’ tas-settur u stakeholders konċernati li jikkollaboraw flimkien għal impenn sħiħ favur bidla fil-kultura f’dak li jirrigwarda mobilita’ u trasport in ġenerali. Għat-tieni parti tal-mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsija parlamentari 22064.

Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili – ajruplani reġistrati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ajruplani li ġew reġistrati mad-Direttorat tal-Avjazzjoni Ċivili fl-2015? Jista’ jagħti l-istess informazzjoni għas-sentejn preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant fl-2013, kien hemm 35 ajruplan li kienu reġistrati Malta, filwaqt li fl-2014 kien hemm 48 u fl-2015 kien hemm 61 ajruplan.

San Ġwann – Ġnien Dun Ġorġ Preca – xogħol u tiswija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir xogħol ta’ tiswija u tindif fi Ġnien Dun Ġorġ Preca San Ġwann fejn minkejja li l-manutenzjoni ġenerali hija taħt ir-responsabilità tal-kunsill, dan ġarrab ħsarat waqt ix-xogħol li kien qiegħed isir fi Triq San Ġiljan waqt ix-xogħol li kien ikkummissjonat mill-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-Mistoqsija tagħha lill-Ministru kkonċernat.

Transport Malta – ilmenti dwar toroq

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21718, peress li fil-mistoqsija ma staqsejtx għat-triq u l-lokalità tal-persuna li tirraporta l-ilment iżda d-data dwar dawk it-toroq li jsir ilment fuqhom, jista’ l-Ministru jgħid dwar liema toroq Transport Malta tirċievi ilmenti, jista’ jelenka din l-informazzjoni sena b’sena mill-2013 ‘l hawn?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nikkjarifika li għall-Mistoqsija Parlamentari 21718 l-Onor. Interpellant staqsiet “minn liema lokalitajiet, Transport Malta tirċievi l-ilmenti dwar it-toroq” u mhux “fuq liema” ninfurmaha wkoll li bejn l-2013 ul-2015 Transport Malta rċeviet 3,787 talba jew ilment rigward toroq. Minħabba li l-informazzjoni mitluba tirrikjedi ħafna ħin u riżorsi biex tinġabar, ma narax li hu opportun li din l-istess informazzjoni tingħata.

San Ġwann – Il-Kappella ta’ Santa Margerita – tiswija ta’ bus shelter

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jistax isir xogħol ta’ tiswija fuq il-bus shelter ta’ quddiem il-Kappella ta’ Santa Margerita, San Ġwann?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ser tkun qed tagħmel spezzjoni fuq il-bus shelter imsemmi sabiex tistabbilixxi x-xogħol ta’ tiswija meħtieġ fuq dan ix-shelter.

Traffic Management System

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 21722, jista’ l-Ministru jgħid jekk sarux studji dwar sistema ta’ immaniġġar ta’ traffiku aħjar? Jekk fl-affermattiv, jista’ jippreżenta tali studji?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant tkun iktar speċifika fil-mistoqsija tagħha billi tindika għal-liema sistemi ta’ immaġġjar tat-traffiku qed tirreferi għalihom jew tispeċifika l-lokalità li għaliha qed tagħmel referenza.

San Ġwann – trasport pubbliku

Question

B’referenza għat-tweġibiet għall-mistoqsijiet parlamentari 21816 u 21817, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux konxju li minkejja t-tabella li pprovda, is-servizz tat-trasport pubbliku għar-residenti ta’ San Ġwann u Kappara iddeterjora fil-frekwenza u qed ikun hemm żieda sostanzjali fid-dewmien?

Response (MIZZI, JOE)

Nibda biex nikkoreġi lill-Onor. Interpellant fir-rigward tal-kumment tagħha fejn qed tgħid li kien hemm deterjorazzjoni fil-frekwenza tat-trasport pubbliku ġewwa l-Kappara. Fit-tabella li ġiet ippreżentata mat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 22256 jidher biċ-ċar li r-rotta 24, liema rotta isservi wkoll il-lokalita’ tal-Kappara , kellha żieda ta’ vjaġġ fis-siegħa fuq dak li kien hemm qabel l-20 ta’ Diċembru 2015. Ġie innotat li wara li daħlu fis-seħħ ir-rotot il-ġodda, fir-rotta li tgħaqqad lill-lokalita ta’ San Ġwann mal-Belt Valletta , hemm ċertu partijiet tal-lokalita ta’ San Ġwann fejn kien hemm tnaqqis fil-frekwenza tat-trasport pubbliku fuq din ir-rotta. Ninforma lill-Onor. Interpellant li it-team tekniku ta’ Transport Malta qiegħed jevalwa alternattivi diversi sabiex din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata mill-aktar fis possibli filwaqt li fil-ġranet li ġejjin ser issir laqgħa bejn il-Kunsill lokali ta’ San Ġwann, il-Ministeru tiegħi flimkien ma’ Transport Malta fejn huwa mistenni li tiġi diskussa s-sitwazzjoni tat-trasport pubbliku f’din il-lokalita’.

Transport Malta — Car Parking Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se tkun imħabbra l-Car Parking Policy ġdida li fis-26 ta’ Novembru 2014, Transport Malta kienet qalet. “li kellha titħabbar in the coming weeks”?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 17838.

Mellieħa – Taraġ il-Landiera — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta hu mistenni li jibda u jispiċċa x-xogħol fuq il-bini ta’ Taraġ il-Landiera fil-Mellieħa, liema nuqqas ta’ turġien qed joħloq inkonvenjent għar-residenti tal-madwar?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tax-Xogħlijiet qatt ma rċieva xi talba għal xogħol fuq l-imsemmi taraġ.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema toroq ser tkun qed tagħmel Transport Malta fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar matul l-2016?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta għandha dawn ix-xogħlijiet ippjanati matul din is-sena fil-lokaltajiet imsemmija. Filwaqt li hemm xogħol li diġa nbeda, il-kumplament wasal f’diversi stadji ta’ preparamenti. Lokalità Triq Naxxar Santa Faustina ta’ Kowalska Naxxar San Injazju ta' Loyola San Pawl il-Baħar P/O Triq Papa Gwanni Pawlu II San Pawl il-Baħar p/o Tamar & Fugass San Pawl il-Baħar p/o Tamar & n/s Port Ruman Mellieħa Triq bejn Biedja & Raħħala Infakkar lill-Onor. Interpellant li x-xogħol fuq it-toroq residenzjali jsir skont il-progress tal-formazzjoni, fondi disponibbli kif ukoll il-proċess tal-akwist tas-servizzi tal-kuntratturi.

Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar – proġetti infrastrutturali

Question

Jista’ l-Ministru jindika liema huma l-proġetti infrastrutturali li l-Gvern mistenni jagħmel matul is-sena 2016 fil-lokalitajiet tal-Mellieħa, Naxxar u San Pawl il-Baħar?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tax-Xogħolijiet mistenni jagħmel dawn ix-xogħolijiet infrastrutturali matul din is-sena, fl-imsemmija lokalitajiet; · Xogħol ta’ tiswija u manutenzjoni fuq medda mill-moll tax-Xemxija. · Tiswija ta’ skal fiż-żona magħrufa bħala Tax-Xama’, San Pawl il-Baħar. Rigward ix-xogħlijiet li huma ipjanati li jsiru minn Transport Malta, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 22856.

Triq il-Kosta — tnaqqis fl-ispiża

Question

Billi matul l-aħħar xhur, f'diversi okkażżjonijiet ingħad li l-ispiża ta' Triq il-Kosta fil-fatt tnaqqset minn aktar minn €80 miljun għal madwar €54 miljun, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'kienu l-items li fuqhom tnaqqas il-prezz biex seta' jasal għal dan it-tnaqqis? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk kienx hemm xogħlijiet li suppost kellhom isiru oriġinarjament li iżda tnaqqsu mix-xogħol li kellu jsir, biex ikun jista' jitnaqqas l-ammont ta' ħlas li kellu jsir?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fir-rigward tal-proġett ta’ Triq il-Kosta, u wara diskussjonijiet mal-kuntratturi li ġew magħżula wara sejħa pubblika, id-Dipartiment tal-Kuntratti approva tibdil fil-kwantitajiet tal-items tal-Bills of Quantities tal-istess kuntratti sabiex ikun hemm tnaqqis fil-valur totali tal-proġett. Tul dan il-proċess ġie żgurat li dan it-tibdil bl-ebda mod ma jimpatta fuq il-kwalità, is-sigurtàu d-disinn oriġinali tal-proġett.

Tindif ta' Ġibjun — każ ta' individwu

Question

Jista' l-Ministru jara l-każ li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament rigward tindif ta' ġibjun?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ġibjun imsemmi għandu jitnaddaf fil-ġimgħat li ġejjin.

Sigurtà fi-toroq tagħna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma s-sistemi li qed ikunu studjati sabiex is-sigurtà fit-toroq tagħna tiżdied?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, Transport Malta, b’kollaborazzjoni mal-Malta Road Safety Council (MRSC), f’dawn l-aħħar xhur nehdiet kampanja estensiva ta’ informazzjoni u edukazzjoni mmirata lejn il-pubbliku li tirrigwarda sigurta’ fit-toroq. Permezz ta’ programmi ta’ filgħodu fuq ir-radju u mobile phone application, sewwieqa qed jiġu nfurmati rigward kundizzjonijiet tat-toroq attwali, kundizzjonijiet tat-traffiku, għeluq ta’ toroq kif ukoll inċidenti. B’kollaborazzjoni mal-kunsilli lokali, l-MRSC beda eżerċizzju sabiex jinġabru ideat u prioritajiet f’dak li jirrigwarda sigurta’ fit-toroq mill-istess kunsilli li jixtiequ li jiġu mplimentati. Wara li tinġabar din l-informazzjoni, dawn l-ideat se jiġu evalwati u possibilment implementati fejn hu vijabbli. Hemm ukoll ippjanat li titnehda skema għat-tfal mill-ħruġ tagħhom mill-iskejjel. Din għandha tinkludi miżuri ta’ arranġamenti tat-traffiku adekwat inkluż miżuri li jassiguraw li t-tfal jitgħabbew fuq it-trasport provdut b’mod iktar sikur. L-MRSC hija wkoll involuta fil-formulazzjoni ta’ Pjan Nazzjonali għaċ-Ċikliżmu, permezz tal-Bicylcle Advisory Group li huma parti mill-kunsill. Qed issir promozzjoni ta’ road sharing speċjalment f’akwati fejn il-preżenza ta’ ċiklisti hija iktar evidenti, kif ukoll huwa maħsub li titniehda kampanja għaċ-ċiklisti, sewwieqa in ġenerali u dawk ta’ vetturi ta’ roadside assistance sabiex jiġi promoss l-użu ta’ lbis high visibility. Biex tikkumplimenta din l-inizjattiva, l-MRSC huwa wkoll impenjat li jippromwovi kampanja t’edukazzjoni li tindirizza mhux biss sewwieqa ta’ vetturi, mututi u ċiklisti, iżda wkoll il-pubbliku in ġenerali fuq il-kunċett ta’ road sharing. Apparti minn hekk, l-MRSC flimkien ma’ Transport Malta, qed ikomplu jikkollaboraw ma’ entitajiet u dipartmenti oħra f’kampanji fuq skala nazzjonali bħalma huma “Don’t Drink and Drive Campaign” kif ukoll jipprovdu sapport għal inizzjattivi ta’ taħriġ fl-ewwel għajnuna (first aid) għal sewwieqa sabiex jipprovdu assistenza neċessarja f’każ ta’ bżonn ta’ inċidenti fit-triq. Qed tiġi wkoll proposta sistemata’ red light cameras, li huma mmirati sabiex jipprovdu statisttika fuq movimenti ta’ vetturi kif ukoll sabiex jindirizzaw il-problema t’abbuż fl-użu ta’ traffic lights kemm minn sewwieqa u pedonali. Din il-proposta għadha qed tiġi evalwata u hekk tiġi mplimentata għandha tgħin fil-viġilanza tat-traffiku u għal iktar sigurta’fit-toroq.

Kunsill Nazzjonali dwar is-sigurtà fit-toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-funzjoni tal-Kunsill Nazzjonali dwar is-Sigurtà fit-Toroq u minn min hu kompost dan il-Kunsill ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Malta Road Safety Council ġie mwaqqaf f’Mejju 2015 u jinkludi rappreżentanti minn dawn l-entitajiet: - Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura - Transport Malta - Intelligent Transport Systems Malta - Protezzjoni Ċivili - Malta Insurance Association - Korp tal-Pulizija - Dipartiment tas-Saħħa - Dipartiment tal-Edukazzjoni - Federazzjoni taċ-Ċiklisti - Kummissarju għat-Tfal - Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali - 2 Wheels Foundation - Malta Motorsport Federation - Red Cross Malta - Driving Instructors Association - Kummissjoni Nazzjonal Persuni b’Diżabilita’ - Għaqda Żwiemel u Kultura Dan il-Kunsill ġie mwaqqaf bil-għan li jlaqqa’ flimkien l-entitajiet u stakeholders oħra li huma b’xi mod involuti fil-qasam tat-trasport, sabiex jaħdmu għal aktar sigurta’ fit-toroq tagħna. Dan il-Kunsill qed jaħdem bis-sħiħ sabiex ikun hawn nfurzar ikbar tar-regolamenti tat-traffiku kif ukoll jaħdem biex jimplimenta l-istrateġija nazzjonali għas-sigurta’ fit-toroq.

Kumitat dwar l-Immaniġġjar tat-Traffiku — miżuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-funzjoni tal-Kumitat dwar l-Immaniġġjar tat-Traffiku u x’miżuri u/jew deċiżjonijiet ittieħdu matul is-sena li għaddiet ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-funzjoni tal-Kumitat dwar l-Immaniġġjar tat-Traffiku hi li jiddiskuti dawk it-talbiet li jikkonċernaw u/jew li se jaffettwaw it-traffiku fit-toroq. Dan il-Kumitat jiltaqa’ regolarment matul ix-xahar u hemm każijiet fejn jiġu mistiedna uffiċċjali mill-Kunsilli Lokali u/jew minn entitajiet pubbliċi/parastatali/privati sabiex jiġi diskuss xi proġett partikolari. Il-miżuri u/jew deċiżjonijiet li ttieħdu matul is-sena li għaddiet kienu relatati ma’ talbiet għal għeluq ta’ toroq għal xogħlijiet varji, għeluq ta’ toroq għal diversi attivitajiet, għeluq ta’ toroq għal proġetti nazzjonali u għal progetti u/jew proposti varji sabiex titjieb l-effiċjenza tas-sistema tat-traffiku fil-pajjiz.

Toroq li sarilhom major patching jew resurfacing

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu t-toroq li minn Marzu 2013 ‘l hawn sarilhom major patching jew resurfacing, maqsuma sena b’sena? F’liema lokalitajiet jinsabu dawn it-toroq u x’kienet l-ispiża biex sar dan ix-xogħol, sena b’sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-proġett tal-Kappara Junction

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir dwar il-proġett tal-Kappara Junction? Meta se jibda u kemm huwa maħsub li se jdum għaddej dan ix-xogħol? Xi preparamenti tħejjew biex jiġi mmaniġjat it-traffiku waqt li jkun għaddej ix-xogħol u x’konsultazzjonijiet saru mal-pubbliku? Ladarba dan il-proġett ikun lest, kif se jgħin sabiex il-problema tat-traffiku f’din il-parti tal-pajjiż tonqos?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 21771.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — karozzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali li kien juża l-Ministru bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienet il-karozza? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża xahar, xahar matul l-istess perjodu f’każ li kienet mikrija? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok il-karozza uffiċjali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għall-karozza/i li għamel użu minnhom il-Ministru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza uffiċjali tal-ex Ministru għar-Riżorsu u Affarijiet Rurali, bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kienu kif ġej: Bejn Jannar 2008 u Ġunju 2009 – BMW 520 - li oriġinarjament kienet inxtrat fl- 1999. Mit-30 ta’ Mejju 2009 sal-31 ta’ Ottubru 2009 – Mercedes E-Class - mikrija b’ €68.71 kuljum għal spiża ta’ €10,650.05 Mill-21 ta’ Ottubru 2009 sat-8 ta’ Marzu 2013 – BMW 520D - mikrija b’ €33.00 kuljum għal spiża ta’ €40,755.00 Dan ifisser li fil-perjodu msemmi intefqu €51,405.05 f’ kirjiet. L-ispiża fuq il-fuel għall-karozza uffiċjali tal- Ministru bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-8 ta' Marzu 2013 kienet ta’ €19,808.00 F’dan il-perjodu ingħataw 17,037 litri ta’ fuel. Kien hemm ukoll spiża ta' €290.19 (215 litri) f’ħames istanzi separati fl- 2011 u fl-2012 fi fuel għall-karozzi li ntużaw mill-Ministru minflok il-karozza uffiċjali.